Il-mozzjoni tal-PD kontra Konrad 'imdendla' sa għada...tiddependi mill-PN

Il-Partit Nazzjonalista għandu ċans sa għada biex jiddeċiedi x'mozzjoni se jagħżel biex jiddiskuti fis-6 ta' Diċembru

Il-mozzjoni ta' sfiduċja li l-Partit Demokratiku ressaq kontra l-Ministru Konrad Mizzi tiddependi mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li jista' jagħżel li jressaq din il-mozzjoni għad-diskussjoni fil-Parlament jew inkella jwarrabha fil-ġenb.

F'kummenti mas-sit illum.com.mt, il-Whip tal-Oppożizzjoni, Robert Cutajar, saħaq li lbieraħ il-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra kkonferma li l-ġurnata tal-Oppożizzjoni fil-Parlament se tkun nhar il-Ħamis 6 ta' Diċembru u dakinhar l-Oppożizzjoni tiddiskuti kwalunkwe mozzjoni li tagħżel.

Madanakollu, għadu mhux magħruf jekk l-Oppożizzjoni Nazzjonalista hux se tagħżel il-mozzjoni ta' sfiduċja mressqa mill-Partit Demokratiku kontra l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi.

Robert Cutajar qal ma' dan is-sit li s-suġġett għadu mhux magħżul u għandu ċans sa għada f'nofsinhar "biex jivverballizza fil-Parlament x'mozzjoni se tkun qed tiġi diskussa nhar is-6 ta' Diċembru."

L-Oppożizzjoni tista' tagħżel minn lista twila ta' mozzjonijiet li hemm pendenti, kemm dawk imressqa mill-Partit Nazzjonalista jew inkella minn dawk imressqa mill-Partit Demokratiku, inkluż dik ta' sfiduċja f'Konrad Mizzi.

Kien nhar il-Ġimgħa li għadda li l-Partit Demokratiku ressaq mozzjoni ta' sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi, liema mozzjoni kien hemm stennija li se jressaqha l-Partit Nazzjonalista. 

Din il-mozzjoni ssejħet wara l-aħħar żviluppi politiċi u storja illi kixfet kif sid 17 Black huwa Yorgen Fenech, Direttur tal-kumpanija Electrogas li bniet u qed tmexxi il-Power Station. S'issa Fenech għadu qatt ma ċaħad li 17 Black hija tiegħu.

17 Black kienet msemmija bħala 'target client' ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi. Keith Shembri, li huwa ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kkonferma li 17 Black kienet fil-pjani ta' negozju tiegħu. 'Target client' ifisser li flus li daħlu f'17 Black jista' jkun li kienu direzzjonati lejn iż-żewġ kumpaniji fil-Panama li kienet fetħu Shembri u Mizzi, jiġifieri Tillgate u Hearnville.

Iktar kmieni din is-sena id-Daphne Project kien żvela illi f'17 Black għaddew żewġ pagamenti. Wieħed allegatament ta $1,4 miljun mill-Ażerbajġan, il-pajjiż minn fejn qed nixtru l-gass (Socar) u ieħor allegatament ta' $200,000 mingħand l-aġent lokali tal-LNG, liema gass qed jintuża biex taħdem il-Power Station. 

Minkejja t-talbiet għar-riżenji ta' Mizzi u Schembri, il-Prim Ministru inisista li se jistenna l-eżitu tal-inkjesta dwar 17 Black waqt li saħaq aktar minn darba li l-investigazzjoni mhux dwar Keith Schembri iżda dwar il-kumpanija nnifisha.  

Il-Partit Nazzjonalista kien ressaq mozzjoni ta' sfiduċja lura fl-2016, ftit wara li faqqgħu l-Panama Papers. Din il-mozzjoni ta' sfiduċja ma kinitx kontra Konrad Mizzi iżda kienet waħda ta' sfiduċja fil-Gvern.

L-aħħar mozzjoni ta' sfiduċja f'Konrad Mizzi kienet resqitha Marlene Farrugia f'Mejju tal-2016, ftit wara li kienet irriżenjat mill-Grupp Parlamentari Laburista.

More in Politika