Il-Partit Demokratiku jressaq mozzjoni ta' sfiduċja f'Konrad Mizzi

Minkejja li kien mistenni li jressaqha l-Partit Nazzjonalista, l-Partit Demokratiku ressaqha hu

Konrad Mizzi, it-tieni mozzjoni ta' sfiduċja kontrieh
Konrad Mizzi, it-tieni mozzjoni ta' sfiduċja kontrieh

Il-Partit Demokratiku (PD) seraq xi ftit ix-xena tal-Partit Nazzjonalista hekk kif ressaq mozzjoni ta' sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi, liema mozzjoni kien hemm stennija li se jressaqha l-Partit Nazzjonalista. 

Din il-mozzjoni qed tisejjaħ wara l-aħħar żviluppi politiċi u storja illi kixfet kif sid 17 Black huwa Yorgen Fenech, Direttur tal-kumpanija Electrogas li bniet u qed tmexxi il-Power Station. S'issa Fenech għadu qatt ma ċaħad li 17 Black hija tiegħu.

17 Black kienet msemmija bħala 'target client' ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi. Keith Shembri, li huwa ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kkonferma li 17 Black kienet fil-pjani ta' negozju tiegħu. 'Target client' ifisser li flus li daħlu f'17 Black jista' jkun li kienu direzzjonati lejn iż-żewġ kumpaniji fil-Panama li kienet fetħu Shembri u Mizzi, jiġifieri Tillgate u Hearnville. 

Iktar kmieni din is-sena id-Daphne Project kien żvela illi f'17 Black għaddew żewġ pagamenti. Wieħed allegatament ta $1,4 miljun mill-Ażerbajġan, il-pajjiż minn fejn qed nixtru l-gass (Socar) u ieħor  allegatament ta' $200,000 mingħand l-aġent lokali tal-LNG, liema gass qed jintuża biex taħdem il-Power Station. 

Nhar il-Ħadd li għadda kien żvelat kif għaddejja investigazzjoni kriminali dwar 17 Black. Il-Prim Ministru qed jinsisti li l-investigazzjoni mhux dwar Keith Schembri iżda dwar il-kumpanija nnifisha.  

 Il-Kap tal-PD Godfrey Farrugia qal illi fl-2016 fil-Parlament il-Ministru Konrad Mizzi kien qal li kellu struttura li kienet mwaqqfa għar-raġunijiet ta' ppjanar. "Dawk li bdew bħala dubji fl-2013, saru avvenimenti li jqajmu suspetti kbar b'fatti li ma jista' jmerihom ħadd."

 "Il-Ministru Konrad Mizzi żeblaħ isem il-pajjiż, saħansitra bħala ġurisdizzjoni rrispettata li tipprovdi servizzi finanzjarja ta’ livell għoli," qed isiostni l-PD. "Huwa fl-interess nazzjonali li kull Ministru jkun ta’ eżempju għall-poplu li jservi u jerfa’ responsabbiltà ta’ għemilu."

More in Politika