It-tmiem tal-Pilatus...titneħħielu l-liċenzja

Il-Bank Ċentrali Ewropew iddeċieda li l-Bank Pilatus għandu jagħlaq u llum stess tneħħietlu l-liċenzja.

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew iddeċieda li l-Bank Pilatus għandu jagħlaq immedjatment u għaldaqstant illum stess tneħħietlu l-liċenzja.

Dan wara li kienet l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) li talbet lill-Bank Ċentrali Ewropew biex jirtira l-liċenzja tal-Bank Pilatus.

Fi stqarrija l-MFSA spjegat kif għalissa, Lawrence Connell, eksregolatur finanzjarju fl-Istati Uniti, magħżul minnha biex imexxi l-assi tal-bank se jibqa' fil-kontroll tat-tmexxija tiegħu.

Għalfejn ittieħdet il-liċenzja tal-bank?

L-MFSA kienet ħadet l-ewwel passi kontra l-Bank Pilatus wara li s-sid tal-Bank, Ali Sadr Hasheminejad, kien arrestat fl-Istati Uniti.

L-akkuża ddur ma’ żewġ kumpaniji li Hasheminejad ħoloq biex allegatament jgħattu l-fatt li parti mill-flus li kienu deħlin fihom kienu qed imorru għand kumpaniji jew persuni Iranjani, kontra l-liġi tal-Istati Uniti.

Skont prosekuturi Amerikani, il-kumpanija tal-enerġija fil-Veneżwela PDVSA daħlet f’kuntratt ta’ $476 miljun mal-Iranian International Housing Corporation, kumpanija inkorporata fl-Iran minn kumpanija tal-kostruzzjoni Iranjana li hija proprjetà tal-familja ta’ Sadr.

Fl-2010, Hasheminejad u missieru użaw passaporti ta’ St Kitts u Nevis u indirizz f’Dubaj biex jinkorporaw żewġ kumpaniji, Stratus International Contracting fit-Turkija u Clarity Trade and Finance fl-Iżvizzera.

Bejn April tal-2011 u Novembru tal-2013, saru madwar 15-il pagament, li jammontaw għal $115-il miljun mill-kumpanija PDVSA lil dawn iż-żewġ kumpaniji ta’ Hasheminejad u missieru.

Il-pagamenti saru f’kontijiet li Stratus u Clarity Trade and Finance għandhom f’diversi banek mifruxa.

Ħafna mill-fondi li waslu f’dawn il-kontijiet ġew trasferiti f’kumpanija fil-British Virgin Islands inkorporata minn Hasheminejad u oħrajn.

Skont il-prosekuturi, il-benefiċjarji ta’ dawn il-kumpaniji kienu individwi u entitajiet Iranjani.

Hasheminejad qed ikun akkużat b’konfoffa biex ikun frodat l-Istati Uniti, b’konfoffa biex jikser is-sanzjonijiet imposti fuq l-Iran mill-Istati Uniti, bi frodi tal-bank, b’konfoffa biex isir frodi tal-bank, b’ħasil tal-flus u b’konfoffa biex isir ħasil ta’ flus.

B’kollox, il-piena massima li jista’ jeħel hija dik ta’ 125 sena ħabs.

Minkejja dan kollu, il-gazzetta ILLUM kienet żvelat li l-MFSA kienet ivverifikat il-kompetenza u l-integrità ta’ Hasheminejad qabel tagħtu l-liċenzja biex jiftaħ il-bank.

Iżda qabel arrestaw lil Hasheminejad...

Iżda l-Bank Pilatus spiċċa fuq fomm kulħadd qabel l-arrest ta' Hasheminejad. 

L-ewwel darba li dan il-bank verament spiċċa fuq il-midja kien nhar l-20 ta’ April 2017 meta Daphne Caruana Galizia ippublikat storja illi fiha kien hemm miktub hekk; “Fil-kċina f’Pilatus bank hemm ‘safe’ b’ċerti ‘files’ u anke dokumenti ta’ segretezza estrema. Is-safe kien ikun fl-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv, imma għal xi raġuni tneħħa... f’dan is-safe hemm dokumenti ta’ klijenti Russi u ta’ Maltin esposti politikament (PEPs) inkluż John Dalli... u Keith Schembri.”

Caruana Galizia kienet kompliet billi qalet illi dan is-safe kien fih ukoll dikjarazzjoni li turi illi l-ishma tal-kumpanija fil-Panama Egrant Inc jinsabu f’isem Michelle Muscat u li minn din il-kumpanija għaddew mal-$1 miljun mingħand bint il-mexxej tad-dittatur tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev

Dakinhar stess feġġ għall-ewwel darba  Ali Sadr Hasheminejad ħiereġ bil-famużi bagalji.

Minn hemmhekk Malta xegħlet b’diskussjoni, dibattiti, argumenti u kampanja politika sħiħa sakemm ftit tax-xhur ilu ġiet konkluża l-famuża inkjesta Egrant li kkonkludiet li ma hemm xejn x'jorbot lill-Prim Ministru Joseph Muscat jew lill-familja tiegħu mal-kumpanija Egrant.

U tiftakruha lil Maria Efimova? Il-famuża 'whistleblower Russa.' Sa ftit xhur qabel ma' tkellmet ma' Caruana Galizia dwar Egrant, Efimova kienet impjegata ta' dan il-każ u kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat li Efimova kienet tkeċċiet mill-Bank f’Marzu 2016 u qed tiġi mfittxija talli użat fondi mill-bank għal skopijiet privati.

L-ILLUM kienet żvelat ukoll kif kienet diġà ġiet investigata mill-pulizija u kienet il-Qorti li akkużata bi frodi u rapporti foloz.

Il-familja Aliyev tal-Ażerbajġan u l-klijenti tal-Pilatus...

Nhar it-23 ta’ April, jiġifieri qabel ma bdiet l-istorja kollha dwar Egrant, fuq il-blogg tagħha Daphne Caruana Galizia kienet allegat tnejn, minn madwar tliet klijenti kbar tal-bank, huma Heydar Aliyev u Leyla Aliyeva. Iben u bint Ilham Aliyev. Hija kienet qalet ukoll li l-akbar klijent huwa Kamaladdin Heydarov, Ministru fl-Ażerbajġan.

Apparti minn hekk, fl-eqqel tal-allegazzjonijiet dwar Egrant u ftit biss qabel ma tħabbret id-data tal-elezzjoni l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien organizza konferenza tal-aħbarijiet illi matulha kien għamel allegazzjonijiet serji dwar Brian Tonna u Kieth Schembri, li dawn it-tnejn ċaħdu bil-qawwi.

L-allegazzjoni kienet li Brian Tonna rċieva €166,831 fi ħlasijiet ta’ riferiment mill-bejgħ tal-passaporti (Individual Investor Programme). Hu allega li għandu provi li juru illi Tonna rċieva dawn il-flus fil-kont li għandu f’Pilatus għall-kumpanija fil-British Virgin Islands u li kien sar, allegatament, trasferiment ta’ €100,000 minn dawn liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, f’kont li dan għandu/kellu fil-Bank Pilatus.

Il-Mexxej tal-Ażerbajġan Illham Aliyev
Il-Mexxej tal-Ażerbajġan Illham Aliyev

Kemm Tonna kif ukoll Schembri ċaħdu u bdew proċeduri ta’ libell.

Nhar l-24 ta’ April Daphne Caruana Galizia kien kitbet blogg illi fih qalet ukoll li iben id-Dittatur tal-Angola Josè Eduardo Dos Santos, Josè Eduardo Paulino huwa klijent ta’ dan il-bank ukoll.

Hija kienet kitbet li kmieni fl-2016 avukati Portugiżi kienu għamlu arranġamenti mal-Bank Pilatus għal kont ta’ kumpanija fil-Portugall. Caruana Galizia kienet qalet ukoll li ftit ġimgħat wara żewġ rappreżentanti tal-kumpanija kienu ġew Malta fejn allegatament kellhom laqgħa mal-Bank Pilatus u li fiha infurmaw lil bank li l-ishma tal-kumpanija Portugiża issa għaddew għand id-dittatur Dos Santos. “Minflok għalqu l-kont, il-Kap Ezekuttiv tal-Bank qallhom li mhux problema.”

 

Pass pass il-Pilatus f'Malta

  • 2012: L-applikazzjoni biex Pilatus jiftaħ u jopera f’Malta
  • 6 ta’ Diċembru 2013: Ir-reġistrazzjoni tal-Pilatus
  • 6 ta’ Awwissu 2015: toħroġ il-liċenzja tal-Bank
  • 2014: il-Bank jingħata t-Trading Licence
  • 20 ta’ April 2017: Daphne Caruana Galizia tikteb dwar safe fil-Bank li “fih hemm dokumenti ta’ klijenti Russi u ta’ Maltin esposti politikament (PEPs) inkluż John Dalli... u Keith Schembri.”
  • L-akbar allegazzjoni ta’ Caruana Galizia: Fl-istess safe hemm dokumenti li juru li Egrant hi ta’ Michelle Mucat
  • Ifeġġ għall-ewwel darba Hasheminejad. Għajnejn Malta fuq il-famuża bagalja.
  • Il-Prim Ministru jiftaħ Inkjesta Maġisterjali waqt li jiċħad l-allegazzjoni ta’ Egrant
  • Il-Bank Pilatus jiftaħ libell kontra Caruana Galizia, fil-Qorti Superjuri ta' Maricopa County, fl-istat tal-Ariżona
  • Titfaċċa Maria Efimova, eks impjegata ta’ Pilatus. Carauana Galizia tgħid li għamlet 3 sigħat tixhed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja
  • Is-sit illum.com.mt jiżvela li Efimova tkeċċiet mill-Bank f’Marzu 2016 u qed tiġi mfittxija talli użat fondi mill-bank għal skopijiet privati.
  • Caruana Galizia tgħid li mhux veru li Efimova wettqet frodi u tispjega li din kienet ħadmet għal tliet xhur ma’ Pilatus u qatt ma tħallset.
  • Il-familja Aliyev, li tmexxi l-Ażerbajġan, tissemma fost l-aqwa klijenti ta’ Pilatus
  • Id-Deputat Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU Anthony Buttigieg, jikkonferma li l-Bank jiddependi minn grupp żgħir ta’ klijenti 
  • Skont rapport ta’ MEPs li ġew Malta, John Dalli wkoll seta’ kellu kont f’dan il-Bank.
  • L-eks Kap tal-Oppożizzjoni jallega li Keith Schembri rċieva flus minn Brian Tonna għall-bejgħ tal-passaporti. Kontijiet f’Pilatus fil-qalba tal-allegazzjonijiet.
  • L-MEP Nazzjonalista David Casa talab lill-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) biex jintervjeni u tiġi revokata l-liċenzja tal-Bank Pilatus.
  • Is-sid tal-Bank arrestat fl-Istati Uniti
  • Iffiriżati l-assi tal-Bank Piltus
  • L-MFSA titlob lil ECB biex jirtira l-liċenzja tal-Bank Pilatus
  • L-istorja tintemm hawn...Pilatus jitlef il-liċenzja.

Aqra hawn l-istorja kollha tal-Bank Pilatus f'Malta u l-kontroversji li dawruh

More in Politika