'Il-Gvern ma għandux pjan ħlief li jġib il-barranin'

Adrian Delia jisħaq li l-miżuri tal-Baġit mhux biżżejjed biex jindirizzaw il-problemi li ħoloq il-Gvern stess

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia rrefera għal pjan tal-Gvern li jżid il-popolazzjoni bħala l-uniku viżjoni li għandu l-Gvern u li qed twassal għall-akbar sfidi li qed jiffaċja l-pajjiż u li l-Baġit ma jindirizzax.

Dan kien il-qofol tar-replika tal-Oppożizzjoni għall-Baġit 2019, jiġifieri li l-Gvern huwa bla pjan u jrid ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni.

Tul id-diskors tiegħu, il-Kap Nazzjonalista saħaq li filwaqt li hemm miżuri li huma tajbin, dawn mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw problemi li fi kliemu qed jiffaċjaw il-familji, inkluż l-ogħli tal-ħajja, il-prezzijiet tal-kirjiet, it-traffiku u t-tniġġis tal-arja.

“Dan huwa Gvern tal-PR u mhux tal-PL. Il-Labour tal-ħaddiem u taż-żgħir ma għadux jeżisti,” saħaq Adrian Delia. “Konna nistennew li l-Gvern jitkellem fuq il-pjan tiegħu għal futur. Min hu bilgħaqal jippjana għal meta jiġi l-maltemp.”

Waqt li tkellem fit-tul dwar iż-żieda fil-popolazzjoni, il-Kap Nazzjonalista saħaq li l-pjan tal-Gvern mhuwiex wieħed sostenibbli u dan miegħu qiegħed iġib sfidi li fi kliemu qed ibatu minnhom il-ħaddiema.

L-investiment soċjali mhux qed isir. Il-Gvern ħalla minn kmieni li titarrax il-missjoni soċjali tiegħu

Saħaq li jekk kull sena qed jiġu Malta 15,000 barrani, 11,000 minnhom ġejjin minn pajjiżi mhux Ewropej, fil-biċċa l-kbira minnhom minn pajjiżi fejn il-pagi tagħhom huma baxxi u allura anke f’Malta jikkuntentaw b’pagi baxxi tant li fi kliemu qed jistaġnaw il-pagi f’Malta.

“Dan huwa l-istess Gvern li meta konnha deħlin fl-Unjoni Ewropea qalilna li se jkollna invażjoni tal-barranin,” saħaq Delia.“Aħna rridu pjan serju għal pajjiżna u li minnu jgawdu n-nies.”

'Il-PN irid ħaddiema b'ħiliet li jgħollu l-pagi'

Kien hawn li saħaq li l-Partit Nazzjonalista mhux kontra li jiġu ħaddiema barranin f’Malta imma li jkun hemm pjan ta’ “immigrazzjoni intelliġenti.”

Spjega li l-Partit Nazzjonalista jrid li f’Malta jiġu ħaddiema b’ħiliet u li jaħdmu f’setturi ta’ kwalità fejn jgħaddu l-ħiliet tagħhom lil ħaddiema Maltin u jgħinu biex il-pagi jissaħħu mhux biss għalihom iżda għal Maltin ukoll.

“Din kienet il-viżjoni tal-PN. Aħna favur barranin li jaħdmu f’setturi ta’ kwalità u mhux li jagħmlu pressjoni fuq il-ħaddiema Maltin u Għawdxin,” kompla Delia.

Saħaq li għall-kuntrarju, il-pjan tal-Gvern huwa li jġib ħaddiema barranin mingħajr pjan biex minflok jgħodd kemm għandhom flus in-nies fil-but ikollu aktar bwiet x’jgħodd.

“Iż-żieda fil-work force f’sena waħda biss kienet ta’ 7%. L-istess rata li biha kibbret l-ekonomija...iżda t-tkabbir ras imb’ras huwa ferm inqas spettakolari minn hekk,” kompla Delia waqt li akkuża lill-Gvern li qiegħed jiftaħar biċ-ċifri tal-GDP waqt li saħaq li dan ma jagħtix stampa vera ta’ kif sejrin in-nies.

'Il-Gvern qed jisfrutta l-ħaddiema barranin'

Kien hawn li l-Kap Nazzjonalista akkuża lill-Gvern li qed jisfrutta lill-ħaddiema barranin biex ikabbar iċ-ċifri. Insista li la qed iġib il-persuni minn barra u la qed jikkontribwixxu għal ġid tal-pajjiż, irid jassigura li jkun qed jirrispetta d-drittijiet tagħhom ukoll u mhux jużahom biss.

“Jekk se jitnaqqru d-drittijiet tagħhom, għada pit għada se jitnaqqru wkoll id-drittijiet tal-ħaddiema Maltin,” saħaq Delia waqt li rrefera għal każ ta’ mara, fejn l-impjegatur qalilha tikkuntenta bil-paga li qed joffrilha, għax minflokha jdaħħal xi ħadd barrani.

“Il-pjan tal-Gvern mhux sostenibbli,’ tenna Delia. “Iż-żieda fil-kera, fil-prezzijiet tal-ħobż u tal-ħalib huma riżultat ta’ politika ta’ Gvern li qed jibbaża kollox fuq iż-żieda fil-popolazzjoni.”

Kompla jisħaq li t-tkabbir fil-popolazzjoni qed ifisser densità akbar (l-ammont ta’ persuni għal kull metru kwadru), aktar karozzi fit-toroq, domanda akbar fuq it-trasport, kjuwijiet akbar fil-polikliniċi, aktar skart u aktar bżonn ta’ servizzi ta’ sigurtà, korrettivi u komunitarji.

“Il-Gvern qed jiekol għal-lum mingħajr ma jinvesti għal għada, fil-ħiliet tal-istudenti, fl-infrastruttura u fis-saħħa,’ qal Delia.

'Għalikom il-loqom u għalihom l-eluf'

Għadda biex jitkellem dwar iż-żieda għall-ogħli tal-ħajja fejn insista li ż-żieda ta’ €2.33 fil-ġimgħa diġà ttieklet biż-żieda fil-prezzijiet.

“Staqsi lil dik l-omm li dalgħodu marret tixtri l-ħobż u l-ħalib,” kompla Delia waqt li fakkar li l-prezzijiet tal-ikel għolew b’4.4%.

Aħna favur barranin li jaħdmu f’setturi ta’ kwalità u mhux jagħmlu pressjoni fuq il-ħaddiema Maltin u Għawdxin

Spjega li din iż-żieda jbatu minnha l-aktar dawk bi dħul baxx u l-anzjani tant li saħaq li jilqa' ż-żieda ta’ €4.50 fil-pensjonijiet iżda insista li din mhux biżżejjed.

Waqt li kkwota wkoll lill-konsulenta tal-Gvern dwar il-faqar, Yana Mintoff, qal li taħt l-istess Gvern li qal li se jeradika l-faqar, il-faqar żdied.

“Fil-Baġit qal li jrid ineħħi t-tfal mill-faqar. Ħadd ma għandu jkun fqir f’dan il-pajjiż,” insista Delia. “Jekk il-Gvern irid jaħrab, ngħidlu mur tkellem ma min iħaddem il-food banks. Jgħidulek li reġa’ dieħel faqar ikrah.”

'White Paper vojta bla soluzzjoni effettiva'

Kien hawn li l-Kap tal-Oppożizzjoni rrefera wkoll għall-akkomodazzjoni soċjali u fakkar li f’ħames snin il-Gvern ma bena l-ebda akkomodazzjoni u insista li hemm aktar minn 3,000 ruħ jistennew saqaf.

“Gvern Nazzjonalista ma jħalli lil ħadd bla saqaf fuq rasu,’ insista Delia.

Ma naqasx milli jirreferi għall-prezzijiet tal-kera u akkuża lill-Gvern li ppreżenta White Paper li ma toffri l-ebda soluzzjoni effettiva.

Kompla jitkellem dwar il-pressjoni li qed tinħoloq fuq dawk iż-żgħażagħ li jmorru jisselfu biex jixtru proprjetà żgħira għal €200,000 waqt li insista li ħafna  lanqas għandhom biex iħallsu l-kera aħseb u ara kemm għandhom biex jinvestu fi proprjetà tagħhom.

Sigurtà: 'Nesa lokalitajiet bħal....'

Tkellem ukoll dwar is-sigurtà. Filwaqt li faħħar l-introduzzjoni tas-sistema tal-‘facial recognition’ f’Paceville, il-Kap Nazzjonalista qal li l-Gvern naqas milli jsemmi x’se jagħmel f’lokalitajiet oħra, inkluż il-Marsa, Buġibba, il-Qawra, San Pawl il-Baħar, Marsalforn u oħrajn.

Waqt li tkellem fuq il-bżonn ta’ aktar investiment fil-Pulizija, irrefera wkoll għall-eżerċizzju li għamlet il-gazzetta ILLUM fejn irriżulta li minn 16-il għassa f’Għawdex, 12 kienu magħluqa.

'Irid jibqa' jġib il-karozzi biex jibqa' jisraqna l-fjuwil'

Akkużat wkoll lill-Gvern, li l-pjan tiegħu li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni, qed joħloq pressjoni wkoll fuq l-infrastruttura u l-ambjent, inkluż l-immaniġjar tal-iskart.

Filwaqt li faħħar il-proġett tal-Kappara u anke dak tal-Marsa saħaq li dawn ma kinux isiru kieku ma kinux għall-fondi li ġab il-Partit Nazzjonalista, tant li fil-bidu tad-diskors tiegħu, insista li “dan hu Baġit li jiftaħar b’rix ħaddieħor.”

“Il-Gvern semma l-€100 miljun biex iwessa' jew jirranġa t-toroq u mhux biex jagħmel sistema ta’ trasport li taħseb għat-trasport ta’ għada,” kompla Delia. “Kuljum qed jiżdiedu 40 karozza kuljum...il-Gvern jibqa’ jġib il-karozzi biex nibqgħu neħlu fit-traffiku jibqa’ jisraqna għal fjuwil.”

Akkuża wkoll lill-Gvern li f’dan il-Baġit rrepata proġetti li baqa’ ma għamilx bħall-mollijiet ta’ Bormla, Marsamxett u Tas-Sliema, proġetti oħra li ma semmix bħall-bus shelters u oħrajn li waqa’ lura fihom, bħall-iskejjel.

Delia talab lill-Gvern jispjega wkoll il-lista ta’ stennija għall-pazjenti f’Mater Dei waqt li fakkar li se jibqa’ jinsisti li l-kuntratt tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare ikun iddikjrat null.

Dan huwa Gvern tal-PR u mhux tal-PL. Il-Labour tal-ħaddiem u taż-żgħir ma għadux jeżisti

'Irmew ir-reputazzjoni ta' pajjiżna'

Ma naqasx milli jakkuża lill-Gvern ukoll li mhu jagħmel xejn biex itejjeb ir-reputazzjoni tal-pajjiż waqt li rrefera għall-kwistjoni tas-sid tal-Bank Pilatus u l-fatt li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri għadhom ma rreżenjawx.

“Aħna b’għaqal konna naqqasna t-taxxa...ħadd ma seta jipponta subajgħ lejn pajjiżna, ħadd ma seta’ jħamrilna wiċċna, sakemm tela’ l-Labour u persuni tiegħu nqabdu b’kumpaniji sigrieti. Irmew ir-reputazzjoni mill-għada li ġew eletti,” kompla Delia. “Ħtaftu l-istituzzjonijiet biex kulħadd jiġbed il-ħabel ta’ Kastilja."

Irrefera għall-kummenti tal-Ministru għall-Finanzi meta qal li kien sorpriż li f'taxi fl-Amerika ta' Isfel is-sewwieq semmielu l-koruzzjoni meta qallu li minn Malta. "Jien sorpriż kif il-Ministru ma għamel xejn meta l-kollega tiegħu nqabad b'kumpanija fil-Panama."

Il-PN x'qed jipproponi?

Għamel ukoll referenza għall-proposti tal-Partit Nazzjonalista ta’ qabel il-Baġit fosthom dawk għall-anzjani, għat-toroq u anke għan-negozju.

Ippropona rata inqas tat-taxxa tad-dħul, trasport pubbliku b'xejn sal-età ta' 25 sena, aktar taħriġ lil dawk il-ħaddiema li x-xogħol tagħhom għad jispiċċa, ħolqien ta' clusters  għas-setturi ekonomiċi u anke reviżjoni tas-sistema tal-first time buyers biex persuna sidt ta' garaxx xorta waħda tkun tista' tgawdi mill-iskema meta tixtri l-ewwel residenza tagħha.

Għall-anzjani, il-Partit Nazzjonalista jrid aktar djar residenzjali, aktar għajnuna għal dawk li jibqgħu jgħixu fil-komunità u kontijiet orħos tad-dawl u l-ilma.

Appella lill-Gvern biex iħallas lura l-flus li "nsterqu" mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

“L-investiment soċjali mhux qed isir. Il-Gvern ħalla minn kmieni li titarrax il-missjoni soċjali tiegħu,” temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni.

More in Politika