‘Tiftaħ biss fil-festa’; 12-il għassa f’Għawdex magħluqa

Residenti Għawdxin jilmentaw li l-għases Għawdxin qed ikunu kważi kollha magħluqa. L-ILLUM tmur Għawdex biex tara b’għajnejha…

L-għases fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin qegħdin hemm għal raġuni, biex iħarsu s-sigurtà u jinfurzaw il-liġi. Anke jekk ħafna drabi l-attenzjoni taqa’ biss fuq dawk il-lokalitajiet fejn qed tinħass il-preżenza tal-barranin, kull resident, f’kull lokalità jixtieq iħossu sigur.

L-Għawdxin mhux b’inqas, tant li diversi residenti wrew it-tħassib tagħhom ma’ din il-gazzetta għall-fatt li l-għassa fir-raħal tagħhom qiegħda hemm għall-isem u tmur meta tmur se ssibha magħluqa u dan fi żmien meta, fi kliem resident, “ma għadux sigur tħalli ċ-ċavetta fil-bieb.”

Nhar l-Erbgħa li għadda, din il-gazzetta telgħet nofstanhar Għawdex biex tara b’għajnejha jekk dak li qed jingħad hux minnu. F’temp ta’ sitt sigħat, l-ILLUM daret is-16–il għassa mifruxa fil-lokalitajiet Għawdxin u minnhom sabet 12-il għassa magħluqa (ara t-tabelli).

Wieħed jista’ jargumenta u jgħid li Għawdex, minħabba ċ-ċokon tiegħu ma għandux bżonn li jkollu għassa f’kull lokalità iżda jibqa’ l-fatt li sa ftit snin ilu dawn l-għases kienu jkunu miftuħa u la f’kull lokalità hemm għassa, qiegħda hemm għal raġuni u mhux għall-isem.

Il-gazzetta ILLUM qabdet il-vapur tad-9:00am u daret dawn l-għases bejn id-9:30am u t-3:00pm. Anke jekk għassa ma tkunx miftuħa 24 siegħa kuljum, wieħed jistenna li almenu f’dawn il-ħinijiet se tkun miftuħa.

Erba’ għases biss miftuħa

L-erba’ għases li kienu miftuħa kienu dawk tar-Rabat (allaħares le), dik tal-Imġarr li kważi kważi hija l-ewwel binja li tiltaqa’ magħha malli tinżel minn fuq il-vapur, l-għassa tax-Xewkija u dik tax-Xlendi, anke jekk tinsab imrekkna fi triq imwarrba.

Ħlief għall-għassa tar-Rabat, fl-għases li sibna miftuħa kien hemm biss pulizija wieħed, jiġifieri jekk jidħol xi rapport jew inkella jmur fuq ronda madwar ir-raħal, se jkollu jagħlaq l-għassa.

Uħud mill-għases li sibna magħluqa, bħal dawk tas-Sannat, tal-Għarb jew ta’ San Lawrenz jidher li ilhom ma jaraw pulizija ftit taż-żmien mhux ħażin.

Interessanti li għases oħra m’ilhomx ħafna li nbnew, tant li jinsabu fiċ-ċentru ċiviku ġdid u modern tal-lokalità. Anke jekk il-bieb huwa sabiħ u ġdid, l-għases ta’ Kerċem u Għajnsielem kienu msakkra sewwa.

L-għassa tal-Munxar tinsab fl-ewwel sular, fl-istess binja fejn hemm il-Kunsill. Tista’ tidħol u saħansitra tittawwal fiż-żewġ ċelel li spiċċaw iservu ta’ maħżen. Tista’ tikkunsidra dan bħala sinjal pożittiv li f’Għawdex ma hemmx kriminali u ma hemmx għalfejn jintużaw, jew inkella tieħu dan il-fatt bħala prova li din l-għassa ntesiet.

‘Tiftaħ biss fil-festa… qed tħabbat għalxejn’

Anke jekk huwa l-iżgħar raħal f’Għawdex, b’popolazzjoni ta’ ftit mijiet, żorna wkoll l-Għasri u ħabbatna fuq il-bieb tal-għassa li jidher li ilu ma jinfetaħ għal xhur sħaħ. Fil-fatt lemħitna anzjana li qaltilna biex immorru r-Rabat jekk irridu Pulizija, għax l-għassa “tinfetaħ biss fil-festa,” u “nieżla biċċiet.”

Anke meta konna qed infittxu l-għassa tal-Għarb u staqsejna lir-residenti għad-direzzjoni, flok jgħidulek fejn tinsab, l-ewwel tweġiba tagħhom tkun li se mmorru għalxejn għax l-għassa magħluqa.

Biex inkunu qed ngħidu kollox, waħda mill-għases li sibna magħluqa, jiġifieri dik tax-Xagħra, kellha karta mal-bieb li tgħid li l-Pulizija jinsab fuq ronda. Madanakollu tkellimna wkoll ma’ residenti Xagħrin li qalulna li l-għassa rari tkun miftuħa. Sakemm domna hemm, il-Pulizija baqa’ ma tfaċċax.

Imma hemm bżonn għassa f’kull raħal?

Intant, il-mistoqsija li għamilna referenza għaliha aktar ’il fuq staqsejnieha lil wieħed mir-residenti Għawdxin li tkellem magħna. Imma Għawdex għandu bżonn għassa f’kull lokalità? “Jiena żgur inħossni aktar sigur, anke għax f’xi ħin dawn se joħorġu jduru mat-toroq għar-ronda,” wieġeb mingħajr tlaqliq.

Kompla jgħid li matul is-sena kollha, b’mod partikolari fix-xhur tas-sajf, il-farmhouses imferrxa madwar il-gżira jkunu mimlija turisti u Maltin u kif wieħed jistenna, l-istorbju ma jonqosx. “Għalfejn għandna nċemplu l-għassa tar-Rabat, meta għandu jkollna Pulizija fil-komunità tagħna? Allura biex nitfgħu l-Pulizija għassa ma’ xi merħla nagħaġ għandna u biex nitfħu l-għases le?”

Madanakollu, innota wkoll li ħafna mill-għases ma tantx huma attrezzati tajjeb u ma jagħtix tort lil dawk il-Pulizija li ma jkunux iridu joqogħdu fihom.

‘Ma għadek tista’ tafda xejn…id-droga mqassma fil-pjazez’

Sors ieħor saħaq li fl-aħħar snin saret in-normalità li l-għases f’Għawdex ikunu magħluqa u dan meta, fi kliemu, hemm bżonn aktar infurzar fil-lokalitajiet.

Irrefera għall-fatt li f’Għawdex, meta kkumparat ma’ Malta, il-kirjiet għadhom baxxi. “F’Għawdex issib tikri bi €350,” u dan, fi kliemu, qed iwassal għal realtà ġdida fejn “ċertu nies bi problem soċjali qed jiġu Għawdex…ma għadek tista’ tafda xejn.”

“Il-firxa tad-droga f’Għawdex qed tiżdied minn ġurnata għall-oħra. Tara d-droga tiġi mqassma fil-pjazez,” u għalhekk kompla ma’ dak li qal is-sors l-ieħor meta insista li apparti l-għassa fil-lokalitajiet jeħtieġ jiżdiedu r-rondi. “L-għassa u r-ronda huma kumplimentari!”

‘Il-preżenza tal-Pulizija tagħmel differenza kbira’

Din il-gazzetta tkellmet ukoll mas-Sindku tal-Għarb, David Apap Agius, li anke hu insista li l-preżenza tal-Pulizija fil-lokalitajiet Għawdxin naqset fi żmien meta l-aktar li hemm bżonnha.

Mistoqsi kemm ilha tkun magħluqa l-għassa, Apap Agius qal li għal dawn l-aħħar sitt snin rari kienet miftuħa, minkejja li l-Kunsill Lokali kemm-il darba lmenta.

“Il-preżenza tal-Pulizija tagħmel ħafna differenza,” saħaq is-Sindku. Resident għalfejn għandu joqgħod imur ir-Rabat biex jagħmel rapport?”

Mistoqsi jekk jaħsibx li l-problema hija nuqqas ta’ Pulizija, is-Sindku saħaq li jaf ħafna Pulizija Għawdxin, ħafna minnhom żgħar fl-età, li qed jintbagħtu jaħdmu f’Malta.

Insista li jekk f’Għawdex hemm bżonn aktar Pulizija, dawn għandhom jibqgħu u jaħdmu f’Għawdex. Għal sors ieħor dan mhux dejjem ikun ideali, anke għax fi kliemu “Għawdex huwa żgħir u kulħadd jaf u jiġi minn xulxin.”

L-Ispettur Robert Vella
L-Ispettur Robert Vella

‘Ix-xogħol tagħna żdied…jeħtieġ niżdiedu’

Din il-gazzetta tkellem ukoll ma’ rappreżentanti miż-żewġ unjins tal-Pulizija, il-Police Officers Union (POU) u l-Malta Police Association (MPA) li t-tnejn li huma saħqu li l-pressjoni fuq il-Pulizija mhux qiegħda f’Għawdex biss iżda anke f’Malta u dan mhux għax hawn nuqqas ta’ Pulizija iżda għax il-‘full complement’ huwa baxx.

Preżentament, il-‘full complement’ (il-massimu ta’ kemm għandu jkun hemm Pulizija) huwa dak ta’ ftit aktar minn 2,200. Fi kliemhom l-irwoli tal-Pulizija kibru ħafna u għalhekk jeħtieġ li jiżdied.

L-Ispettur Robert Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-MPA, insista li ż-żieda fil-popolazzjoni wkoll tirrikjedi li  l-‘full complement’ jiżdied aħseb u ara meta qed jiżdied ix-xogħol u n-natura tar-reati.

“Jekk nieħdu is-cyber crime, fl-imgħoddi ma kienx komuni jew ma jeżistix, illum dan żdied. L-istess il-frodi u l-korruzzjoni,” kompla Vella waqt li spjega li dan ifisser il-bżonn ta’ aktar skwadri speċjalizzati u aktar xogħol għall-Pulizija.

Fil-fatt, wieħed irid isemmi wkoll li Għawdex, għalkemm huwa meqjus bħala wieħed mid-distretti tal-Pulizija, għandu l-iskwadri tiegħu u ma jiddependix biss fuq dawk minn Malta.

Vella saħaq li aktar milli kwistjoni tal-unjins, din hija aktar sfida li għandha tindirizza l-amministrazzjoni tal-Korp. Qal ukoll li hemm ħafna xogħlijiet amministrattivi li jistgħu faċilment isiru minn persuni speċjalizzati u mhux mill-Pulizija.

Semmejna t-taqsima tas-CMRU (it-taqsima responsabbli mir-relazzjonjiet pubbliċi) li fi kliem Vella tista’ faċilment titmexxa minn ġurnalist professjonali li għandu l-esperjenza u jaf kif għandu jispjega u jirrelata mal-midja.

L-Ispettur Sandro Camilleri
L-Ispettur Sandro Camilleri

‘Għassa importanti iżda daqstant ieħor ir-rondi’

L-Ispettur Sandro Camilleri, il-President tal-POU insista li x-xogħol tal-Pulizija kulma jmur qiegħed jiżdied.

Waqt li rrefera b’mod partikolari għal Għawdex, Camilleri saħaq li biżżejjed tħares lejn l-għadd ta’ Pulizija li jkollhom jinżlu fit-toroq biex jikkontrollaw il-kjuwijiet għall-vapur, iżda insista wkoll li jekk hemm bżonn jiżdiedu l-Pulizija f’Għawdex l-istess jgħodd għal Malta.

Fi kliemu, għassa miftuħa toffri ċertu sens ta’ serenità iżda saħaq li aktar minn hekk jixtieq li l-Pulizija jkunu aktar fit-toroq u jkollhom aktar vetturi żgħar għar-rondi tagħhom.

“Nixtieq aktar rondi u aktar interventi mill-ewwel,” saħaq Camilleri. “Iżda jeħtieġ naraw ukoll x’jippreferu n-nies.”

Intant, din il-gazzetta bagħtet sett ta’ mistoqsijiet lill-Korp tal-Pulizija u anke lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, tistaqsi kemm hemm Pulizija stazzjonati f’Għawdex u kemm minn dawn suppost ikunu ‘duty’ fl-għases tal-Pulizija. Sal-ħin li morna għall-pubblikazzjoni, dawn il-mistoqsijiet kienu għadhom ma ġewx imwieġba.

L-istess mistoqsijiet bgħatniehom ukoll lill-Ministeru għal Għawdex iżda kelliem insista li l-Pulizija ma jaqgħux taħt ir-responsabbilità tal-Ministeru.

Għases li sibna miftuħa

  • L-Imġarr: 9:15am
  • Ix-Xewkija: 9:45am
  • Ix-Xlendi: 10:30am
  • Ir-Rabat: 12:30pm

Għases li sibna magħluqa

  • Is-Sannat: 10:00am
  • L-Għasri: 10:45am
  • L-Għarb: 11:05am
  • San Lawrenz: 11:15am
  • Marsalforn: 11:30am
  • Kerċem: 12:10pm
  • Il-Munxar: 12:20am
  • Iż-Żebbuġ: 12:30pm
  • Ix-Xagħra: 1:45pm
  • In-Nadur: 2:10pm
  • Il-Qala: 2:30pm
  • Għajnsielem: 2:40pm

More in Politika