Il-Qorti tilqa' t-talba ta' Delia biex l-Avukat Ġenerali jixhed fil-kawża dwar Egrant

Isem Peter Grech kien imniżżel f'lista ta' 23 xhud, inkluż il-Prim Ministru, li Delia jixtieq li jixhdu

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex l-Avukat Ġenerali Peter Grech jixhed fil-Kawża Kostituzzjonali miftuħa minn Delia stess wara li Grech irrifjuta li jagħtih kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant.

Isem l-Avukat Ġenerali kien wieħed minn lista ta’ 23 persuna li l-Kap tal-Oppożizzjoni jixtieq li jitilgħu jixhdu f’din il-kawża. Il-lista tinkludi wkoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Delia qed jisħaq li l-Avukat Ġenerali kiser il-Kostituzzjoni meta rrifjuta t-talba biex jagħtih kopja sħiħa tal-inkjesta u qed jinsisti li d-deċiżjoni ta' Peter Grech tpoġġi lill-Oppożizzjoni fi żvantaġġ, fid-dawl tal-fatt li l-inkjesta sħiħa tinsab f’idejn il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Prim Ministru ilu jinsisti li minkejja pariri kontrarji, jibqa’ determinat li jippubblika l-inkjesta anke jekk dan jista' joħloq preċedent.

F’intervista fuq il-gazzetta ILLUM ġimgħatejn ilu, Adrian Delia tkellem dwar din il-kawża. Huwa qal hekk:

“Jiena qed ngħid li ġew miksurin żewġ drittijiet. L-ewwel nett id-dritt tal-libertà tal-kelma, li jinkludi d-dritt tal-informazzjoni. Għax jiena għandi dritt li jkolli l-informazzjoni u l-Avukat Ġenerali qed iċaħħadni minnha. U t-tieni, qed jinħoloq żbilanċ politiku.”

“L-Avukat Ġenerali rrikonoxxa li din hija materja pubblika, imma qal li l-Prim Ministru kellu interess personali minħabba li l-allegazzjoni kienet fuq martu. Issa dwar Egrant kollox kien jidher f’dawk il-konklużjonijiet li ġew ippubblikati, għax kien hemm konklużjonijiet li ma ġewx ippubblikati...”

Meta kien mistoqsi għal liema konklużjonijiet qed jirreferi? Delia saħaq li “hemm konklużjonijiet li ma ħarġux, ġieli għidtha...”

“L-inkjesta indagat dwar John Dalli, Konrad Mizzi, Keith Shembri u dwar tranżazzjonijiet mill-Ażerbajġan. Dawn mhumiex ta’ interess personali tal-Prim Ministru għax ma jirrigwardawx lil Michelle Muscat jew xi ħadd mill-familja. L-Avukat Ġenerali qal li l-PM Joseph Muscat kellu bżonn dawn id-dettalji minħabba x-xogħol tiegħu. Mhux anke jien? Muscat qal li kien hemm dokumenti oħra ffalsifikati. Jien ma nafx għax m’għandix ir-rapport. Jissemmew tranżazzjonijiet minn Keith Schembri fir-rapport, il-PM jaf, imma jien le. Hemm dettalji ta’ ħlas fil-kont Willberby Inc. (ta’ Brian Tonna), u għal darb’oħra l-PM jaf dawn id-dettalji u jien le.”

“Mela l-Partit Laburista għandu għodda li jien m’għandix,” kien insista Delia.

“Issa l-Avukat Ġenerali huwa l-Kap tal-Financial Intelligence and Analysis Unit (FIAU). Mela jekk fir-rapport li ma kienx ippubblikat hemm informazzjoni li, pereżempju, tindika li l-maġistrat ma setax jasal għall-konklużjonijiet minħabba nuqqas mill-FIAU, mela allura l-Avukat Ġenerali għandu interess li l-inkjesta kollha ma toħroġx għax huwa stess imexxi l-FIAU.”

More in Politika