Intervista | 'Għax ma titkellimx biss fuq il-korruzzjoni, ma jfissirx li int korrott'

....Adrian Delia jirrifjuta s-suspett li l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia seta' ġie minn fost persuni qrib tiegħu, imma jgħid li mal-familja tagħha hu qatt ma pprova jagħmel kuntatt

Adrian Delia, Kap tal-PN
Adrian Delia, Kap tal-PN

Diġà għaddiet sena minn meta konna smajna dik id-diska memorabbli ‘Mel’ejja nivvutaw lil Adrian Delia, jinfetħu l-bibien għalik u għalija...’ Sena li matulha rajna sondaġġi juru s-sitwazzjoni tal-PN tiggrava, sena illi matulha rajna l-qtil ta’ ġurnalista u rajna lil Delia jitlob lill-eks kap tal-PN jissospendi lilu nnifsu mill-partit.

L-intervista ta’ din il-gazzetta, f’għeluq is-sena minn meta kien elett Kap tal-PN, issir fl-uffiċċju tiegħu, l-istess uffiċċju li kellu Simon Bususttil, b’xi kotba differenti, ritratti differenti tal-membri tal-familja u statwa antika ta’ Santa Liena, naturalment biex tfakkarna li Delia minn Birkirkara!

Nibdew mill-ewwel billi nistaqsuh l-ewwel sena kif jiddeskriviha fil-qosor. “Biddlitli ħajti. Kienet taqliba kbira mill-mod kif kont ngħix, speċjalment mill-aspett ta’ familja,” jibda jwieġeb Delia illi jfakkar lil din il-gazzetta illi fejn qabel, bħala avukat kien jirrispondi lill-klijent, illum jirrispondi lill-poplu, “dawk li jkellmuk, dawk li jkunu mweġġgħin u int, idealment taħdem fuq dak li tisma’ għall-ġid għall-poplu.”

 ‘Il-Grupp Parlamentari huwa warajja’

Nibdew mill-ewwel fuq kwistjonijiet aktar pertinenti li kellu u għadu qed jiffaċċja Delia. U nibda billi nfakkru li l-gazzetta ILLUM kienet irrappurtat illi ħafna mill-Grupp Parlamentari kurrenti ma kienx favur il-kandidatura tiegħu għat-tmexxija tal-PN. Infakkru illi llum, sena wara għad m’għandux l-appoġġ tal-Grupp Parlamentari kollu, kif stajna naraw meta qamet il-kwistjoni tas-sospensjoni ta’ Simon Busuttil.

Imma Delia jiċħad 

“L-ewwel parti tal-argument tiegħek naċċettah u nifhmu għax kont ġdid u kien hemm nies jikkompetu miegħi li kienu diġà fil-partit u allura kien hemm aktar għarfien tagħhom. Imma ma naqbilx,” kompla jgħid, “li l-Grupp Parlamentari llum mhux warajja. Għax ma naqblux fuq ċerti deċiżjonijiet ma jfissirx li qed issir sfida għall-pożizzjoni tiegħi bħala Kap tal-Oppożizzjoni.”

Il-faċċata tal-gazzetta ILLUM
Il-faċċata tal-gazzetta ILLUM

“Jiena ma rridx ‘yes men’ biss,” insista Delia

Insemmilu lil Karol Aquilina, imma hu jerġa’ jgħid illi ma jaf lil ħadd fil-Grupp Parlamentari li ma jirrikonixxix lilu bħala Kap tal-PN.

Insemmilu oħrajn, fosthom Jason Azzopardi u Beppe Fenech Adami, b’Delia jġib eżempju b’Azzopardi. “Ħdimna flimkien sigħat sħaħ f’dan l-uffiċċju, fuq diversi affarijiet...”

Allura kkonvinċieh lil Jason Azzopardi li mhux żiemel ta’ Trojja ta’ Kastilja, akkuża li kien għamel dan id-Deputat Nazzjonalista waqt it-tiġrija għal Kap ġdid tal-PN? “Staqsi lilu, li naf fiċ-ċert huwa li mhux talli kkonvinċejtu talli qed jaħdem kemm jiflaħ biex niġbdu ħabel wieħed, biex ikollna gvern alternattiv.”

Għandi strateġisti...

Ta’ sikwit issir l-akkuża illi Delia huwa nieqes mill-istrateġija meħtieġa biex imexxi partit b’suċċess. Ta’ sikwit jingħad illi Delia m’għandux imħuħ politiċi madwaru. Imma għandu strateġisti Delia? U min huma?  

Huwa jwieġeb fil-pożittiv u jgħid li iva, għandu strateġisti u nies li qed jagħtuh direzzjoni politika, imma ma jħossx li huwa xieraq li jissemmew l-ismijiet minħabba li “dawn jaħdmu mal-privat u wħud minnhom jippreferu li ma jissemmewx.”

Id-deċiżjoni li Simon Busuttil jitneħħa minn kelliem tal-PN “ħadtha jien”  

Allura jekk għandu strateġisti, iħoss li dawn tawh parir tajjeb meta qalulu biex jitlob lill-eks Kap tal-PN Simon Busuttil jissospendi lilu nnifsu mill-partit?

Delia jitfa’ r-responsabilità kollha fuqu u jfakkar illi d-deċiżjoni li Simon Busuttil jitneħħa minn kelliem għall-Governanza ttieħdet u ma nbidlitx. “Dik id-deċiżjoni ħadtha jien u r-responsabilità hija tiegħi.”

Imma ma jħossx li missu ħalla aktar żmien, xejn xejn kien jara d-Deputati tal-PN x’jaħsbu qabel ma ħa deċiżjoni li kienet, sa ċertu punt storika u definitivament dannuża għall-PN? “Jiena ma nħobbx niġġudika lili nnifsi, kien hemm ħafna nies li ħasbu ħafna affarijiet dwar id-deċiżjoni tiegħi, kien hemm min ħass li għamilt sew, kien hemm min ħass li għamilt ħażin u kien hemm min ħass ukoll li Simon Busuttil ma missux baqa’ Deputat wara li rreżenja minn Kap tal-PN.”

“Fil-pajjiż bħalissa hemm kwistjonijiet ħafna importanti, kwistjonijiet li qed ikasbru lil pajjiżna...” jgħid Delia, qisu se jdawwar is-suġġett.

Imma nerġa’ nfakkru li d-deċiżjoni li ħa hu kienet waħda kruċjali, waħda li dejqet ħafna Nazzjonalisti u waħda li kellha riperkussjonijiet fil-partit.

“Id-deċiżjoni ħadtha b’kuxjenza nadifa u nimxi ’l quddiem.”

Imma nibqa’ nagħfsu fuq dan il-punt. ‘Inti taf ta’ min hi Egrant?’ nistaqsih, b’Delia jinsisti li d-deċiżjoni li ħa fil-konfront ta’ Simon Busuttil kienet marbuta mal-għażla li l-PN jintrabat mal-karru ta’ Egrant bil-konsegwenza ta’ telfa kbira. “Issa dwar ta’ min hi naf dak li jaf kulħadd u xejn aktar.”

Allura la ma jafx ta’ min hija Egrant u fl-istess ħin qed jagħmel battalja politika sħiħa għax l-Avukat Ġenerali ma jridx jippubblika l-inkjesta kollha, ma jaħsibx li kellu jistenna qabel jitlob eks kap jissospendi lilu nnifsu?

Imma Delia jagħmel l-istess argument illi id-deċiżjoni tiegħu kienet dwar ġudizzju politiku, li fisser illi l-PN intrabat mal-allegazzjoni li Egrant hija ta’ Michelle Muscat.

Nerġa’ npinġi xenarju ieħor allura. Jgħaddi ftit taż-żmien u dwar l-allegazzjoni primarja li kien għamel Simon Busuttil, jiġifieri l-allegazzjoni ta’ tixħim miċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri mill-bejgħ tal-passaporti, il-Maġistrat tiddeċiedi li hemm biżżejjed provi biex jibdew proċeduri kriminali; Delia jerġa’ jagħmel lil Simon Busuttil kelliem għall-Governanza?

“Jekk jiġri hekk il-portata tad-deċiżjoni tkun ħafna ikbar u r-responsabilità tkun fuq il-Prim Ministru, mhux fuq Simon Busuttil,” jgħid Delia illi jinsisti li Keith Schembri u Konrad Mizzi misshom irreżenjaw meta rriżulta li kellhom kontijiet fil-Panama. “Mela sewwa, Muscat nefaq €1 miljun biex jgħidilna li l-kumpanija fil-Panama Egrant mhux tiegħu u fl-istess ħin mdawwar bi tnejn minn nies li kellhom kontijiet fil-Panama.”

Naqtagħlu fil-qasir u nassigurah illi meta u jekk qatt il-Prim Ministru jaċċetta t-talba biex issirlu intervista minn din il-gazzetta (din diġà hija t-tieni intervista tal-ILLUM ma’ Kap tal-PN) nistaqsuh dwar dan il-punt. Sadanittant iżda; jekk Delia neħħa lil Busuttil minn kelliem tal-PN minħabba dak li qed isejjaħlu ġudizzju politiku ħażin fuq Egrant, jerġa’ jagħmlu kelliem tal-PN jekk fuq l-allegazzjoni daqstant serja ta’ tixħim jirriżulta li għamel ġudizzju politiku tajjeb?

“Jiena niddeċiedi fuq il-fatti mhux l-ispekulazzjoni,” jirrispondi mill-ewwel Delia. “Jekk mal-medda taż-żmien jirriżultaw affarijiet oħrajn niddeċiedu meta jiġru, mhux qabel.” 

‘Jista’ jkun li l-Avukat Ġenerali għandu interess li ma tkunx ippubblikata l-inkjesta kollha...’

Induru fuq l-akkużi lejn l-Avukat Ġenerali, l-akkużi li dan qed jikser l-Kostituzzjoni. Din hija akkuża ‘tqila’ ħafna, infakkar lil Delia. “Ħafna tqila u dan qed ngħidu b’responsabilità kbira,” jinsisti.

“Jiena qed ngħid li ġew miksurin żewġ drittijiet. L-ewwel nett id-dritt tal-libertà tal-kelma, li jinkludi d-dritt tal-informazzjoni. Għax jiena għandi dritt li jkolli l-informazzjoni u l-Avukat Ġenerali qed iċaħħadni minnha. U t-tieni, qed jinħoloq żbilanċ politiku,” jgħid Delia qabel imbagħad jagħmel allegazzjoni pjuttost serja.

“L-Avukat Ġenerali rrikonoxxa li din hija materja pubblika, imma qal li l-Prim Ministru kellu interess personali minħabba li l-allegazzjoni kienet fuq martu. Issa dwar Egrant kollox kien jidher f’dawk il-konklużjonijiet li ġew ippubblikati, għax kien hemm konklużjonijiet li ma ġewx ippubblikati...”

Inwaqqfu ftit u nistaqsih għal liema konklużjonijiet qed jirreferi? “hemm konklużjonijiet li ma ħarġux, ġieli għidtha...” sostna Delia.

“L-inkjesta indagat dwar John Dalli, Konrad Mizzi, Keith Shembri u dwar tranżazzjonijiet mill-Ażerbajġan. Dawn mhumiex ta’ interess personali tal-Prim Ministru għax ma jirrigwardawx lil Michelle Muscat jew xi ħadd mill-familja. L-Avukat Ġenerali qal li l-PM Joseph Muscat kellu bżonn dawn id-dettalji minħabba x-xogħol tiegħu. Mhux anke jien? Muscat qal li kien hemm dokumenti oħra ffalsifikati. Jien ma nafx għax m’għandix ir-rapport. Jissemmew tranżazzjonijiet minn Keith Schembri fir-rapport, il-PM jaf, imma jien le. Hemm dettalji ta’ ħlas fil-kont Willberby Inc. (ta’ Brian Tonna), u għal darb’oħra l-PM jaf dawn id-dettalji u jien le.”

“Mela l-Partit Laburista għandu għodda li jien m’għandix,” jinsisti Delia.

Ikompli jagħmel stqarrijiet pjuttost serji li fil-fatt diġà għamel iktar kmieni din il-ġimgħa; “Issa l-Avukat Ġenerali huwa l-Kap tal-Financial Intelligence and Analysis Unit (FIAU). Mela jekk fir-rapport li ma kienx ippubblikat hemm informazzjoni li, pereżempju, tindika li l-maġistrat ma setax jasal għall-konklużjonijiet minħabba nuqqas mill-FIAU, mela allura l-Avukat Ġenerali għandu interess li l-inkjesta kollha ma toħroġx għax huwa stess imexxi l-FIAU.”

Għalhekk huwa reġa’ sostna li l-Avukat Ġenerali qed jikser il-Kostituzzjoni li hu suppost iħares u akkużah b’assalt fuq id-demokrazija.

Jekk allura il-każ jinqata’ favuru u jkun deċiż li r-rapport għandu jingħata lil Delia fl-intier tiegħu, isejjaħ għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali? “Jiena diġà tlabt għar-riżenja tiegħu u naħseb li l-mument li l-kawża tinqata’ favur tiegħi, il-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali ma tibqax aktar tenibbli.”

‘Mod tikkritika u mod toqtol’

Indawru s-suġġett fuq Daphne Caruana Galizia. Is-suspett, jibqa’ suspett, però daqskemm hemm suspetti li seta’ kien xi ħadd qrib il-Gvern li riedha eliminata, daqshekk ieħor hemm suspetti li seta’ kien xi ħadd qrib Delia. Wara kollox, b’Caruana Galizia ħajja din l-ewwel sena ta’ Delia bħala Kap tal-PN kienet tkun ħafna iktar diffiċli milli kienet.

“Jiena dejjem ikkundannajt u nibqa’ nikkundanna qtil ta’ ġurnalista li qalet u kitbet u allegat...”

Inwaqqfu u nfakkru li din hija l-istess persuna li hu kien iddeskriva bħala ‘biċċa blogger’. Jammetti u jgħid li se jitkellem dwarha din il-ħaġa.

“Jiena ma kellix problemi li saru attakki fuqi u kull attakk li sar fuqi jien irribattejtu. Urejt li l-ebda storja ta’ Daphne Caruana Galizia ma kienet vera. Imma mod targumenta, tiddiskuti u ma taqbilx u mod toqtol. Bl-ebda mod u fl-ebda ħin ma jista’ qatt ikun aċċettat qtil f’soċjetà diċenti, demokratika u ċivilizzata.”

Huwa jfakkar kif s’issa għadna ma nafux min kien wara d-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia u sostna illi hemm bżonn issir ġustizzja.

‘Għax ma titkellimx fuq il-korruzzjoni biss ma jfissirx li inti m’intix kontra l-korruzzjoni’

Infakkru illi ħafna mill-persuni li kienu jsegwu lil Daphne Caruana Galizia, probabilment il-maġġoranza qawwija tagħhom votanti jew simpatizzanti Nazzjonalisti, lilu ma jarawhx bħala kap idoneu.

Hemm min jarah bħala aktar tolleranti għall-korruzzjoni, pereżempju. Kif iwieġeb Delia?

Hu jsostni illi kull min jafu, jaf li dan mhux il-każ. “Min jafni, jaf il-kruċjata li għamilt fil-futbol kontra l-korruzzjoni. Tajjeb wieħed jistaqsi minn fejn ġejja din l-akkuża. Hemm xi ħaġa li turi illi jien meta kien hemm kwistjoni ta’ korruzzjoni ma ġġilidthiex?” jistaqsi Delia. “Fil-każ tal-VGH kont jien li ftaħt proċeduri fil-Qorti biex inwaqqa’ l-kuntratt.”

Huwa jikkwalifika; “Għax ma titkellimx fuq il-korruzzjoni biss ma jfissirx li inti m’intix kontra l-korruzzjoni. Xi ħadd isemmi ħaġa waħda li hija waħda, fejn jien kont tolleranti għall-korruzzjoni,” jisfida Delia.

Huwa stieden lil dawk kollha li ma jridux jafu bih, l-aktar ħafna votanti Nazzjonalisti speċjalment dawk fl-10 distrett, biex jiġġudikawh fuq id-deċiżjonijiet li jagħmel u fuq l-aġir tiegħu , “mhux x’qal xi ħadd dwari. Dwar il-fatti u fuq id-deċiżjonijiet li se nieħu, mhux x’qal xi ħadd li hemm ċans li nagħmel.”

Staqsejtu jekk hu baqax jipprova jagħmel kuntatt mal-familja Caruana Galizia, bir-risposta pronta tkun li hu qatt ma prova jagħmel kuntatt mal-familja, wara li dawn urew bl-aktar mod ċar li ma jixtiqux il-preżenza tiegħu f’attivitajiet relatati ma’ Daphne Caruana Galizia. Ifakkar li hu talab skuża għall-istqarrija tiegħu illi Caruana Galizia kienet ‘biċċa blogger’.

Huwa qal iżda li minkejja kollox huwa jifhem il-weġgħat li għandhom il-familja.

‘Din hija n-New Way... li mhux tagħna biss tajjeb’

U la semmejna n-Nazzjonalisti li ma jridux jafu b’Delia, irrimarkajtlu illi mingħajr l-appoġġ ta’ dawn se jkollu riżultat ħażin ħafna fl-2019.

“Inkun arroganti jekk nispekula kif se jivvutaw jew x’ivvutaw in-nies. Jiena għalhekk mort u qed immur niltaqa’ ma’ mijiet ta’ nies, kuljum...”

Infakkru iżda illi dan mhux qed jirrifletti fis-sondaġġi, inkluż f’dawk ippubblikati mill-kamra tal-aħbarijiet tagħna.

“Jiena għandi obbligu nisma’ u nara x’qed jgħidu in-nies. Min jawguralek, min jgħidlek prosit, min jgħidlek li ma jaqbilx miegħek u ħafna jilqgħuni billi jgħiduli, jien Laburist ta...”

“Kienet x’kienet l-għażla tal-persuna fl-aħħar elezzjoni ġenerali, lili ma tagħmillix differenza. Jekk pensjonat ma jistax ilaħħaq mal-ħajja bil-pensjoni mhux se noqgħod nistaqsih lil min ivvota, jekk koppja ma tistax tissellef mill-bank u lanqas tikri għax il-kirjiet għolew, mhux se nistaqsihom kif ivvutaw fl-aħħar elezzjoni ġenerali jew ma’ min iżommu ommhom jew missierhom...”

Imma nfakkru illi hu politiku. U jrid li n-nies jivvutawlu, irid jagħti r-riżultati. “Eżatt imma biex nikkonvinċihom irrid nurihom l-umiltà, mhux niddeċiedi nkellimhomx jew nismagħhomx skont lil min ivvutaw.”

“Din hija n-New Way, li m’għandniex l-arroganza li naħsbu li aħna biss nafu kollox u li tagħna biss tajjeb,” jinsisti Delia f’ġustifikazzjoni għall-messaġġ li rebħu l-elezzjoni li għamlitu Kap tal-PN.

Elezzjonijiet MEPs: ‘Sena mhux biżżejjed’

Imma issa new way u mhux new way, il-Partit Nazzjonalista jitlef mhux jirbaħ l-appoġġ qiegħed. Hemm xejra ċara li qed tirriżulta f’kull sondaġġ u illi turi illi minkejja tnaqqis minn fost dawk li vvutaw Labour fl-2017, xorta hemm distakk ta’ bejn 80,000 u 90,000 vot.

Imma allura telfa bħal din ma tkunx ċertifikat ħażin għan-New Way u turija ċara li l-poplu ma jridx lil Delia?

“L-ebda politiku qatt m’għamel pjan biex jiġi determinat f’sena. Ma naħsibx li dak li ġara f’20 sena b’telfiet kbar, se nbiddlu f’sena.”

 “Ma narax l-elezzjonijiet tal-MEP bħala bħala xi ħaġa ta’ barra minn did-dinja jew ġudizzju kbir fuqi u fuq il-partit.”

Kif qed issaħħaħ il-partit jekk il-partit qed jitlef l-appoġġ?

Delia jfakkar illi fl-ewwel sena l-PN kellu elezzjonijet interni u proċess ta’ riorganizzazzjoni. “Dan huwa proċess sħiħ biex il-PN ibiddel il-mentalità fi ħdanu li wasslet għal tant telf...”

“Sena mhix biżżejjed...”

‘Nittama li jonqos id-distakk...’

Nirrimarkalu illi donnu qed jaqta’ qalbu u rassenjat għal telfa kbira fl-2019. “Jiena ma naqta’ qalbi qatt. Kieku naqta’ qalbi taħseb li kont se nidħol f’partit li kien għadu kif esperjenza l-akbar telfa elettorali fl-istorja, li kellu sitwazzjoni ta’ finanzi kienu kif kienu u li kien qed jitlef l-appoġġ, fuq medda ta’ snin,” jinsisti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Nassigurah imma li ħafna Nazzjonalisti qatgħu qalbhom.

“Jekk veru tridu tgħixu f’pajjiż ħieles u demokratiku, irridu nibnu fuq it-tajjeb li bena dan il-Gvern imma nbiddlu fejn hu ħażin.”

“Nagħmel kuraġġ lil min irid li l-pajjiż jibqa’ sejjer tajjeb, mingħajr ma jkun hawn korruzzjoni. Nagħmel kuraġġ lil min irid żvilupp imma mingħajr ma jweġġa’ tant lill-ambjent. Nagħmel kuraġġ lil min irid li jkollna nies li kapaċi jiġu pajjiżna u jkollna x-xogħol, imma mhux il-prekarjat. Lil min irid li jkollna barranin ta’ ċerta livell, imma mhux kriminalità li qed naraw f’kull belt u raħal.”

Imma jittama li d-distakk enormi jista’ jnaqqsu fl-2019?

“Nittama iva, għal pajjiżi. Għal pajjiżi nittama li l-Oppożizzjoni tkun b’saħħitha biżżejjed biex iżżomm lill-Gvern saqajh mal-art mhux jibqa’ għaddej kif għaddej mingħajr ma jkun sensittiv...nittama, biex ikollna politika li tħares lejn il-futur, mhux politika taċ-ċekkijiet u l-karità...”

“Ir-riżultat jiġi waħdu wara li nagħmel ix-xogħol u niltaqa’ man-nies...”

‘Aħjar l-FIAU tmexxi fejn għandha tmexxi...’

Ftit Ħdud ilu din il-gazzetta ppubblikat storja illi fiha indikat illi l-FIAU mistennija titlob lill-Parlament Ewropew biex titneħħa l-immunità tal-MEP David Casa wara li dan tal-aħħar ippubblika rapport li jinsisti illi jinkrimina lil Konrad Mizzi.

Din il-gazzetta staqsiet għaliex il-Partit Nazzjonalista ma ħariġx għonqu għal Casa. “Onestament, inti l-ewwel wieħed li qed tistaqsini u se nwieġbek hekk; l-FIAU għandha ħafna xi twieġeb u rendikont x’tagħti, naħseb aħjar l-FIAU tikkonċentra fuq jekk għandhiex tmexxi fejn għandha tmexxi, minflok tattakka lil min qed iwassal l-informazzjoni.”

More in Politika