Jibqa’ mhux magħruf jekk hux se jkun hemm biżżejjed klassijiet għall-istudenti Melliħin

  • Il-Ministeru għadu ma jafx jekk l-iskola hix se terġa’ tispiċċa bla spazju
  • Possibbilità li jiżdiedu l-klassijiet fil-Mellieħa Sports Club

Inqas minn xahar qabel l-iskejjel jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom, għadu mhux magħruf jekk l-iskola primarja tal-Mellieħa hux se jkollha terġa’ ssib sit alternattiv, barra mill-iskola, biex jilqa’ fih numru ta’ klassijiet.

Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM dwar jekk hix se terġa’ tinħoloq problema ta’ nuqqas ta’ spazju u għalhekk jekk hux qed jiġu kkunsidrati siti alternattivi għal xi klassijiet, il-Ministeru għall-Edukazzjoni wieġeb biss li l-applikazzjonijiet bħalissa għadhom miftuħa u jkollu f’idu d-dettalji preċiżi meta tibda s-sena skolastika.

Madanakollu, sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu li x’aktarx se jkunu qed jiżdiedu aktar klassijiet fil-Mellieħa Sports Club, li sas-sena skolastika li għaddiet, kien qed jilqa’ fih madwar 80 student imqassma f’seba’ klassijiet.

Il-Gvern qed iħallas €18,240 biex juża dawn il-faċilitajiet u dan huwa mniżżel fil-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat tal-Kontijiet Dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, tat-13 ta’ Jannar tal-2016 u li fiha l-Kumitat kien approva emenda mressqa mill-Gvern biex il-Mellieħa Sports Club ikun jista’ jintuża  bħala estensjoni ta’ din l-iskola.

Il-Mellieħa Sports Club kien intgħażel wara li saret sejħa ta’ interess u l-club kien wera interess li jagħmel parti mill-faċilitajiet disponibbli għal skopijiet edukattivi.

Iżda kemm deħlin studenti ġodda?

Anke jekk għadu mhux magħruf kemm se jkunu qed jidħlu studenti ġodda f’din l-iskola, fit-2 ta’ Ġunju li għadda, il-Ministeru kien ikkonferma dak li kienet irrappurtat l-ILLUM fix-xhur ta’ qabel, jiġifieri, li kif jiġri kull sena, dan ix-xahar se jkunu qed jidħlu aktar studenti milli ħarġu f’Ġunju u dan meta diġà hemm problema ta’ spazju fl-iskola.

Sa Ġunju li għadda, din l-iskola, li tagħmel parti mill-Kulleġġ Marija Reġina, kienet qed tilqa’ fiha 620 student minn kindergarten 1 sa Year 6. F’Ġunju telqu 62 student u dan ix-xahar se jidħlu madwar 80 student ġdid.

Huwa fatt magħruf li l-popolazzjoni tal-Mellieħa qiegħda kulma jmur tiżdied. Il-Ministru Evarist Bartolo stess kien saħaq, waqt is-seduta tal-Kumitat tal-Kontijiet Dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, li l-popolazzjoni fl-iskola tal-Mellieħa kulma jmur qed tiżdied anke minħabba “influss qawwi ta’ nies li qed jiġu pajjiżna bil-familji li jkunu jinkludu tfal fl-età tal-iskola.”

Dakinhar ukoll, il-Ministru Bartolo insista li s-soluzzjoni li jintuża l-Mellieħa Sports Club mhijiex l-aktar waħda ideali. Tant u hekk li fl-istess seduta, il-Ministru kien qal li l-aqwa soluzzjoni hija li “nkabbru l-iskejjel u nestenduhom,” anke jekk insista li “ma tistax tfaqqa’ subgħajk u tfaqqas skola.”

L-iskola primarja, l-art għall-estensjoni u l-Mellieħa Sports Club
L-iskola primarja, l-art għall-estensjoni u l-Mellieħa Sports Club

Imma l-estensjoni tal-iskola fadlilha?

Għall-Mistoqsija Parlamentari tal-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar u li saret fl-10 ta’ Ottubru tal-2016, il-Ministru Bartolo kien qal li “hu ppjanat li ssir estensjoni tal-iskola tal-Mellieħa fl-2018. Deċiżjonijiet tekniċi u applikazzjonijiet għandhom isiru għall-ħabta ta’ nofs l-2017.”

Minkejja dan, sa issa, għadu lanqas mhu magħruf meta se jibda l-bini tal-estensjoni tal-iskola primarja tal-Mellieħa.

Preżentament, l-applikazzjoni (PA2255/18) qed tiġi pproċessata mill-Awtorità tal-Ippjanar u tinsab fl-istadju tal-iscreening, bil-Ministeru jisħaq mal-gazzetta ILLUM li l-estensjoni tal-iskola tal-Mellieħa hi parti minn pjan ta’ xogħol li għaddej f’diversi skejjel u kulleġġi.

Madanakollu, sal-lum, l-estensjoni ta’ din l-iskola għadha lanqas tidher fuq is-sit tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) li titratta l-proġetti ewlenin li l-Fondazzjoni qed taħdem fuqhom.

Kemm hu ppjanat li jiżdiedu klassijiet?

Skont il-pjanti, li l-Ministru Evarist Bartolo kien poġġa fuq il-Medja tal-Kamra, bl-estensjoni tal-iskola se jkunu qed jiżdiedu madwar 25 klassi, apparti kamra tal-IT u librerija, fost oħrajn. Taħt l-istess estensjoni se jkun qed jinbena parkeġġ ta’ żewġ sulari.

L-estensjoni se tkun qed tinbena fuq biċċa art li tinsab kantuniera ma’ Triq Napuljun Caruana Dingli u Triq il-Mitħna l-Ġdida.

More in Politika