Il-Ministeru ma jiċħadx li l-iskola primarja tal-Mellieħa se terġa’ ma tlaħħaqx mal-istudenti

L-iskola primarja tal-Mellieħa diġà qed taffaċċja problema ta’ spazju tant li 80 student qed jirċievu l-lezzjonijiet fil-Mellieħa Sports Club

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ma ċaħadx il-possibbilità li l-Gvern ifittex aktar siti alternattivi biex jilqgħu fihom klassijiet għall-istudenti tal-iskola primarja tal-Mellieħa.

Fit-22 ta’ April li għadda, il-gazzetta ILLUM irrappurtat kif din l-iskola diġà qed taffaċċja problema ta’ spazju, tant li lura fl-2016, il-Kumitat tal-Kontijiet Dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kien approva emenda mressqa mill-Gvern bil-għan li l-Mellieħa Sports Club ikun jista’ jintuża  bħala estensjoni ta’ din l-iskola.

Għall-mistoqsijiet mibgħuta minn din il-gazzetta, kelliema għall-Ministeru kkonfermat li bħalissa l-Mellieħa Sports Club, li jinsab ftit passi ’l bogħod mill-iskola, qiegħed jilqa’ fih 80 student imqassma f’seba’ klassijiet.

Fl-istess seduta tal-Kumitat, imsemmi aktar ’il fuq, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, kien ikkwotat jgħid li minħabba l-influss ta’ barranin inħolqot “pressjoni qawwija” fuq l-iskola, tant li nħarġet espressjoni ta’ interess f’San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa biex binijiet oħra jintużaw bħala estensjoni tal-iskejjel.

Il-Mellieħa Sports Club kienet waħda minn dawn il-faċilitajiet.

‘Jitilqu 62 student jidħlu 80’

Madanakollu, sorsi li kienu tkellmu mal-gazzetta ILLUM saħqu li mis-sena skolastika li jmiss se terġa’ tinħoloq problema ta’ spazju f’din l-iskola primarja tant li jista’ jagħti l-każ li jkollhom jinstabu siti alternattivi oħra biex jilqgħu xi klassijiet.

Mitlub jikkonferma dan, il-Ministeru għall-Edukazzjoni għażel li ma jweġibx la jekk dan hux minnu u anke liema huma s-siti li jistgħu jiġu kkunsidrati.

Minkejja dan, ikkonferma dak li kienet irrappurtat din il-gazzetta, jiġifieri, li kif jiġri kull sena, f’Ottubru li ġej se jkunu qed jidħlu aktar studenti milli se joħorġu fil-ġimgħat li ġejjin u dan meta diġà hemm problema ta’ spazju.

Skont il-Ministeru, preżentament din l-iskola tilqa’ fiha 620 student minn kindergarten 1 sa Year 6. Fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jitilqu 62 student u f’Ottubru li ġej se jidħlu madwar 80 student ġdid.

L-iskola u l-Mellieħa Sports Club
L-iskola u l-Mellieħa Sports Club

Klassijiet fil-każin tal-banda?

L-istess sorsi, li kienu tkellmu mal-gazzetta ILLUM kienu qalu li l-uniku siti alternattivi li jistgħu jilqgħu aktar klassijiet huma, jew is-sala parrokkjali (li kienet diġà ssemmiet qabel il-Mellieħa Sports Club), jew wieħed miż-żewġ każini tal-banda, inkella l-binja tas-Soċjetà Korali u Orkestrali Marija Bambina.

Għall-kuntrarju tal-Mellieħa Sports Club, dawn is-siti jinsabu ftit ’il bogħod mhux ħażin mill-iskola.

Il-Ministru Bartolo kien ammetta li siti alternattivi żgur mhux is-soluzzjoni ideali, għax fi kliemu l-aħjar huwa li “nkabbru l-iskejjel u nestenduhom,” għalkemm kien saħaq li “ma tistax tfaqqa’ subgħajk u tfaqqas skola.”

L-Awtorità tal-Ippjanar għadha qed tevalwa l-estensjoni

Fil-fatt, għadu mhux magħruf meta se jibda l-bini tal-estensjoni tal-iskola primarja tal-Mellieħa għalkemm preżentament l-applikazzjoni (PA2255/18) qed tiġi pproċessata mill-Awtorità tal-Ippjanar u tinsab fl-istadju tal-iscreening.

Fit-tweġibiet tiegħu, il-Ministeru għall-Edukazzjoni ċaħad li fuq billboards kienet ingħatat espressjoni artistika differenti minn kif fil-fatt ġejja l-estensjoni tal-iskola.

Il-Ministeru spjega kif fuq il-billboards la kien hemm impressjoni artisitika u lanqas pjanta imma sempliċiment ritratt tal-iskola li jindika fejn ser isir il-proġett. “Il-billboards preżenti juru kif il-proġett issa se jkopri spazju akbar,” temm jispjega l-Ministeru.

Il-pjanta għall-estensjoni tal-iskola
Il-pjanta għall-estensjoni tal-iskola

More in Politika