Mhux se jkun hemm biżżejjed klassijiet għall-istudenti Melliħin

L-iskola primarja tal-Mellieħa ilha aktar minn sentejn tuża kmamar tal-Mellieħa Sports Club bħala klassijiet

Għad m’hemm l-ebda indikazzjoni meta mistennija jibdew ix-xogħlijiet fuq l-estenjoni tal-iskola primarja tal-Mellieħa, hekk kif il-pjanti tal-proġett għadhom quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għall-approvazzjoni. Dan minkejja li numru ta’ studenti qed ikunu kostretti jieħdu l-lezzjonijiet tagħhom fil-Mellieħa Sports Club, bil-possibilità li minn Ottubru li ġej, aktar studenti jkollhom jibdew jieħdu l-lezzjonijiet f’binja oħra barra mill-iskola.

L-estensjoni tal-iskola primarja tal-Mellieħa ilha fuq l-ixkaffa ftit taż-żmien mhux ħażin anke jekk il-popolazzjoni ta’ din l-iskola qed tiżdied u qed jinħass sewwa n-nuqqas ta’ spazju u klassijiet għall-istudenti.

Għall-estensjoni tal-iskola diġà hemm biċċa art lesta biex fiha jibdew ix-xogħlijiet. Din l-art tinsab kantuniera ma’ Triq Napuljun Caruana Dingli u Triq il-Mitħna l-Ġdida.

Madwar 20 sena ilu, l-istess biċċa art kienet ippjanata biex tilqa’ fiha faċilitajiet sportivi.  Iżda aktar tard kien sar ftehim biex il-grawnd tal-futbol tal-Mellieħa, jibda jintuża wkoll mill-iskola primarja, tant li lura fl-2010/11 dan kien sar bil-fondi tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM spjegaw kif mis-sena skolastika li jmiss se tinħoloq mill-ġdid il-problema ta’ nuqqas ta’ klassijiet tant li mhux eskluż li tinstab binja jew faċilità oħra, barra mill-iskola, biex tilqa’ fiha xi klassijiet, l-istess kif diġà qed isir fil-Mellieħa Sports Club.

Matul din is-sena skolastika, l-iskola primarja tal-Mellieħa, li hija parti mill-Kulleġġ Marija Reġina, qed tilqa’ fiha 630 student. Fl-aħħar ta’ din is-sena se jispiċċaw madwar 60 student u huwa stmat li fis-sena skolastika li jmiss jidħlu bejn 80 u 110 student ġdid. B’hekk, il-popolazzjoni tal-iskola tista’ tiżdied b’madwar 50 student u dan meta diġà hemm problema bil-klassijiet.

Bħalissa, il-Mellieħa Sports Club (li jinsab viċin l-iskola) qed jilqa’ fih madwar ħames klassijiet tal-kindergarten. Iżda jekk il-Gvern ikollu jsib faċilità oħra biex tilqa’ fiha aktar klassijiet, x’aktarx li din id-darba mhux se tkun fuq in-naħa l-oħra tat-triq.

Skont sorsi, l-uniku possibilitajiet huma jew is-sala parrokjali, li kienet diġà ssemmiet qabel il-Mellieħa Sports Club, jew inkella wieħed miż-żewġ każini tal-baned jew il-binja tas-Soċjetà Korali u Orkestrali Marija Bambina. Min jaf sewwa l-Mellieħa, mill-ewwel jifhem li dawn qegħdin ftit ’il bogħod mill-iskola mhux ħażin.

Lura fl-2016, il-Kumitat tal-Kontijiet Dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika wara riżoluzzjoni mressqa mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ippjanar, dak iż-żmien Michael Falzon, kien ivvota favur li tiġi emendata konċessjoni li kienet ingħatat lill-Mellieħa Sports Club “b’tali mod li tinfetaħ ftit mill-użu ristrett,” li kellha.

Falzon kien insista li “nħass il-bżonn ta’ iktar spazju għal dawk li huma skopijiet edukattivi,” u wara sejħa ta’ interess, il-club kien wera interess li jagħmel parti mill-faċilitajiet disponibbli.

L-iskola primarja, l-art għall-estensjoni u l-Mellieħa Sports Club
L-iskola primarja, l-art għall-estensjoni u l-Mellieħa Sports Club

Pressjoni qawwija fuq l-iskejjel...

Waqt l-istess seduta, li seħħet fit-13 ta’ Jannar, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo kien tkellem dwar il-fatt li l-popolazzjoni fl-iskola tal-Mellieħa kulma jmur qed tiżdied anke minħabba “influss qawwi ta’ nies li qed jiġu pajjiżna bil-familji li jkunu jinkludu tfal fl-età tal-iskola.”

Il-Ministru Bartolo kien spjega li minkejja li kien hemm indikazzjonijiet li l-iskejjel qed jitbattlu u allura se jinħolqu spazji ġodda (tant li fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista kienet saret lista ta’ skejjel li se jkunu għall-bejgħ) is-sitwazzjoni nbidlet.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Bartolo kien qal li nħolqot “pressjoni qawwija” tant li nħarġet espressjoni ta’ interess f’San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa, “biex nakkomodaw lil dawn it-tfal, jew nakkomodaw parti minn skola u jkun hemm spazju biżżejjed għal dawn it-tfal.

“Ma tistax tfaqqa’ subgħajk u tfaqqas skola...”

“Fortunatament din il-faċilità (Mellieħa Sports Club) qiegħda kemm taqsam it-triq mill-iskola primarja tal-Mellieħa u allura għalina kienet komda, bil-faċilitajiet jinbidlu u jsiru addattati biex jaċċettaw fihom it-tfal u b’hekk inkunu nistgħu nużawha bħala annex,” saħaq il-Ministru.

Għal dan il-għan, jekk il-Mellieħa Sport Club qed jagħti €931 kull sena, il-Gvern qed iħallas €18,240 biex juża l-faċilitajiet.

Skont ir-rapport uffiċjali tas-seduta, il-Ministru Bartolo kien insista li din mhux is-soluzzjoni ideali għax, fi kliemu, l-aħjar huwa li “nkabbru l-iskejjel u nestenduhom,” iżda fl-istess nifs qal “ma tistax tfaqqa’ subgħajk u tfaqqas skola.”

Billboards qabel l-elezzjoni u pjanti quddiem il-PA...

Kien hawn li beda l-pjan biex din l-art tinbidel f’estensjoni tal-iskola, anke għax il-popolazzjoni tal-Mellieħa baqgħet tikber. Wara li fl-2013 kien rebaħ il-Partit Laburista, ma kien issemma xejn aktar dwar din l-iskola, sakemm ġimgħat qabel l-elezzjoni li għaddiet tpoġġew  żewġ billboards biswit din l-art b’impressjoni artistika ta’ kif ġejja l-estensjoni tal-iskola.

Minkejja dan, sorsi infurmati qalu ma’ din il-gazzetta li dik l-impressjoni artistika hija differenti minn dak li hu ppjanat li jsir, anke wara li l-pjanti tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Ministru Evarist Bartolo wara Mistoqsija Parlamentari mill-Whip tal-Oppożizzjoni u Deputat Mellieħi, Robert Cutajar.

Għall-istess Mistoqsija Parlamentari, li saret fl-10 ta’ April li għadda, il-Ministru insista li ma setax jagħti t-timeframes tal-proġett għax “dawn jiġu stabbiliti meta jinħarġu l-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar.”

Intant, f’ħolqa fuq is-sit tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), li titratta l-proġetti ewlenin li l-Fondazzjoni qed taħdem fuqhom u li jridu jkunu lesti sal-2019, l-estensjoni tal-iskola tal-Mellieħa ma tissemma mkien.

Dan minkejja, li għall-Mistoqsija Parlamentari oħra tad-Deputat Robert Cutajar u li saret fl-10 ta’ Ottubru tal-2016, il-Ministru Bartolo kien qal li “hu ppjanat li ssir estensjoni tal-iskola tal-Mellieħa fl-2018. Deċiżjonijiet tekniċi u applikazzjonijiet għandhom isiru għal ħabta ta’ nofs l-2017.”

Il-pjanti tal-estensjoni
Il-pjanti tal-estensjoni
Il-pjanti tal-estensjoni
Il-pjanti tal-estensjoni

X’se tinkludi l-estensjoni? Biżżejjed?

Skont l-aħħar pjanti, bl-estensjoni tal-iskola se jkunu qed jiżdiedu madwar 25 klassi, apparti kamra tal-IT u librerija, fost oħrajn. Taħt l-istess estensjoni se jkun qed jinbena parkeġġ ta’ żewġ sulari. Minkejja dan, l-istess sorsi qalu li kieku jintuża l-potenzjal kollu tal-art, il-parkeġġ jista’ faċilment jinżel żewġ jew tliet sulari oħra u jaqdi wkoll il-bżonnijiet tar-residenti.

Apparti hekk, wara li flew il-pjanti, sorsi nnuttaw kif is-sala tal-iskola preżenti, li tintuża mill-komunità tal-Mellieħa, mhux se tkun minsusa. Fi kliemhom hemm fejn din is-sala titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid biex tkun akbar u taqdi aħjar il-bżonnijiet tal-iskola u dawk tal-għaqdiet tal-Mellieħa. Bħalissa, din is-sala tesa’ madwar 400 persuna.

Proġetti li l-FTS intrabtet tlesti sal-2019

  • Skola primarja ġdida għall-Kulleġġ Marija Reġina f’San Pawl il-Baħar (Qawra)
  • Skola primarja ġdida għall-Kulleġġ San Tumas Moore f’Wied il-Għajn
  • Skola primarja ġdida fir-Rabat Għawdex
  • Ristrutturar tal-iskola primarja tal-Kulleġġ Santa Tereza fl-Imsida.
  • Estensjoni ma’ waħda mill-binjiet tal-primarja tal-Kulleġġ San Nikola tar-Rabat
  • Estensjoni tal-iskola primarja tal-Kuleġġ Santa Klara ta’ Pembroke
  • Bini ta’ sala ġdida għall-Kulleġġ San Thomas Moore ta’ Santa Luċija
  • Villaġġ għall-Edukazzjoni u l-Isport fil-Ħamrun
  • Childcare Centre f’San Ġiljan
  • Laboratorji għal suġġetti vokazzjonali fl-iskejjel sekondarji kollha
  • Ċentru multisensorju ġdid fl-iskola primarja tal-Marsa.

More in Politika