'Il-Gvern konfuż dwar il-kuntratt għall-estensjoni ta' San Vinċenż' - PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li minflok jispjega, il-Gvern qed iwieġeb bi stqarrijiet li ma jagħmlux sens bejniethom

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern spiċċa f'konfużjoni sabiex jispjega l-proċedura li ntużat fl-għoti tal-kuntratt tal-estensjoni ta' 500 sodda f'San Vinċenz.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li minflok iwieġeb, il-Gvern spċċa jattakka u jgħajjar lill-Oppożizzjoni waqt li fakkar li lanqas il-Ministeru tal-Finanzi ma jafx bil-€274 miljun għal din l-estensjoni, li għad trid tinbena. 

Nhar is-Sibt li għadda, il-PN talab lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga dan u l-kuntratt għax fi kliemu l-Gvern “naqas illi minnufih jiċċara l-fatti dwar il-proċedura li ntużat għat-tmexxija ta' din l-estensjoni f'San Vinċenz.”

Madanakollu, il-Partit Laburista wieġeb billi talab lil Adrian Delia biex jitlob lid-Deputat Mario de Marco biex jagħtih l-informazzjoni għax, skont il-PL, kien hu l-Avukat li ddefenda fil-Qorti l-istess kuntratt. Fakkru wkoll li l-perit li ddiżinja dan il-proġett kien l-eks Ministru George Pullicino.

Iżda fi tweġiba oħra, il-Partit Nazzjonalista baqa’ jinsisti li n-nies qed jistennew sistema ta' għoti ta' kuntratti li tkun waħda trasparenti u li l-kuntratti pubbliċi jingħataw skont il-proċeduri u skont il-liġi.

Minflok, saħaq il-PN, “il-Gvern wieġeb biss b'sensiela ta' stqarrijiet mimlijin konfużjoni li ma jaqblux bejniethom jekk dan kienx fil-fatt direct order jew le.”

L-istqarrija ttem tgħid li l-Oppożizzjoni ma tikkritikax il-kuntratturi jew lin-negozjanti anzi trid iżda se tibqa' tkun viġilanti fuq il-ħidma tal-Gvern u fejn ikun hemm it-tgerfix se tibqa' titlob lill-Awtoritajiet sabiex jinvestigaw.”

More in Politika