Il-PN jitlob li jkun investigat il-kuntratt għat-tkabbir ta’ San Vinċenz

...u l-PD fetaħ kwerela formali mal-Kummissjoni Ewropea, biex tinfetaħ investigazzjoni 

San Vinċenz De Paule
San Vinċenz De Paule

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija sostna li jeħtieġ li tiġi kjarifikata l-proċedura li l-Gvern uża għat-tmexxija tal-estensjoni ta' 500 sodda fir-residenza San Vinċenz “u dan b'rispett sħiħ lejn it-trasparenza. Għalhekk permezz tat-tliet membri tiegħu fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jitlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-kuntratt li ngħata sabiex jiġi mistħarreġ jekk il-Gvern mexiex mar-regolamenti u l-proċeduri stabbiliti.”

Il-PN qal li din it-talba sabiex l-Awditur Ġenerali jinvestiga se ssir wara li l-Gvern “naqas illi minnufih jiċċara l-fatti dwar il-proċedura li ntużat għat-tmexxija ta' din l-estensjoni f'San Vinċenz. Dan meta artikli li dehru fil-midja lokali qalu li joint ventureprivat ingħata direct orderta €274 miljun mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali sabiex titmexxa estensjoni ta' 500 sodda li għad trid tinbena f'San Vincenz. “

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b'Dizabilità u Anzjanità Attiva fi stqarrija kien ċaħad, iżda din ġiet kontradetta minn dak li ppubblika l-Gvern stess fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tal-20 ta' Lulju 2018. Kelliem għall-Ministeru għall-Finanzi kien qal li l-Ministeru ma kienx approva din id-direct order u ntalab rapport, wara li l-Ministru Edward Scicluna qal li ma kienx jaf b'dan it-tenderta' aktar minn kwart ta' biljun ewro. 

“Fid-dawl ta' dan kollu u fin-nuqqas min-naħa tal-Gvern li jiċċara s-sitwazzjoni, l-Oppożizzjoni qed tagħżel li permezz tat-tliet membri fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi Beppe Fenech Adami, Kristy Debono u Claudio Grech, li titlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-kuntratt sabiex f'gieħ it-trasparenza u l-governanza tajba jiġi ċċarat u stabbilit xi proċedura ntużat għat-tmexxija ta' din l-estensjoni fil-kumpless tal-anzjani f'San Vinċenz.” 

Intant minn naħa tiegħu l-Partit Demokratiku qal li issa “żżejjed kolu żejjed” u ħabbar li d-Deputati tal-PD, Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia rreġistraw kwerela formali mal-Kummissjoni Ewropea, biex tinfetaħ investigazzjoni dwar il-ksur tar-regolamenti tal-UE f’ għotja ta’ kuntratt li jinvolvi r-residenza San Vincenz.

“Il-Partit Demokratiku hu tal-fehma li l-Gvern qed jonqos milli jamministra b’mod ġust, trasparenti  u kontabbli l-flus miġbura mit-taxxi u l-bejgħ tal-assi tal-poplu. Dan hu każ iehor tipiku.”

“Hemm dubji serji kemm il-proċedura addotta hi korretta fil-każ tal-offerta li tammonta għal €274,000,000 ta’ fondi pubbliċi għall-bini ta’ swali ġodda. Dan ifisser li regolamenti u prattiċi ma ġewx segwiti a skapitu ta’ flus iċ-ċittadini.”

“Il-Partit Demokratiku jemmen bis-sħiħ li l-anzjani tagħna għandhom ikollhom kull opportunità li jgħixu ħajja dinjituża f’ambjent kemm jista’  bħal ta’ djarhom. Il-flejjes li qed jintefqu fuq binja residenzjali li qed  ticċentralizza aktar din it-tip ta’ kura f’ zona wahda, jfisser  li seta jsir użu ferm aħjar minnhom kieku jkollna djar residenzjali żgħar fil-qalba tal-ibliet u rħula tagħna u fejn l-anzjani niehdu hsiebhom fl-ambjent li huma mdorrijin fih.”

 

 

More in Politika