Il-PL ifakkar f'sehem Mario De Marco u George Pullicino fl-estensjoni ta' San Vinċenz

Mario de Marco huwa r-rappreżentant tal-konsorzju privat li rebaħ it-tender pubbliku u George Pullicino huwa l-Perit li ddiżinja dan il-proġett

Mario Demarco u George Pullicino
Mario Demarco u George Pullicino

"Jekk Adrian Delia jixtieq iktar informazzjoni dwar l-estensjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paul milli diġa tawh l-investituri privati li ltaqa magħhom, kull m’għandu jagħmel huwa li jsaqsi lid-deputat tiegħu Mario de Marco li ddefenda fil-Qorti l-istess kuntratt li llum qed jitlob li jiġi investigat." 

Hekk sostna l-Partit Laburista (PL) fi stqarrija aktar kmieni illum. Il-PL sostna illi "d-deputat Mario de Marco huwa r-rappreżentant tal-konsorzju privat li rebaħ it-tender pubbliku u bħala avukat rebaħ kull appell li tressaq kontra l-kuntratt li l-Partit Nazzjonalista qiegħed issa jikkontesta."

Dan filwaqt li, kompla jgħid il-PL, "l-eks ministru George Pullicino huwa l-Perit li ddiżinja dan il-proġett li issa l-Partit Nazzjonalista qed jipprova jitfa dubji fuqu."

Kien nhar is-Sibt li għadda, il-PN talab lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga dan u l-kuntratt għax fi kliemu l-Gvern “naqas illi minnufih jiċċara l-fatti dwar il-proċedura li ntużat għat-tmexxija ta' din l-estensjoni f'San Vinċenz.

Madanakollu, il-Gvern qed jinsisti li diġa ta l-informazzjoni kollha fi stqarrija waħda wara l-oħra. "B’differenza minn Gvernijiet preċedenti li kienu jordnaw estensjonijiet b’ordni diretta mill-Kabinett, dan huwa proġett li mexa bi proċess pubbliku skont ir-regolamenti kollha. L-estensjoni ta’ San Vinċenz se twassal biex tonqos il-lista ta’ stennija għal anzjani li għandhom bżonn urġenti għal kura f’residenza."

"Waqt li qed jipprova jimplika li l-konsorzju privat ingħata trattament speċjali mill-Gvern, il-Partit Nazzjonalista għandu fi ħdanu li min iddiżinja u lil min iddefenda l-proġett f’isem l-istess konsorzju. Ħadd iktar minnhom ma jista jagħti d-dettalji li jixtieq Adrian Delia," temm jg]id il-PL.

 

 

More in Politika