141 immigrant se jitniżżlu Malta...se jitqassmu kollha f'pajjiżi oħra

Malta taċċetta li żżomm 54 immigrant minn dawk li ġew salvati lbieraħ

Il-Gvern Malti wara diskussjonijiet ma' Franza aċċetta li jiddaħħlu f'Malta l-141 immigrant abbord il-bastiment Aquarius wara li kien assigurat li l-immigranti kollha se jitqassmu fost ħames pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.

Dawn il-pajjiżi huma Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Portugal u Spanja, bl-Italja tidher li żammet soda fil-pożizzjoni tagħha u ma taċċetta xejn.

Intant, il-Gvern Malti fi stqarrija ħabbar li se jkun qed iżomm 54 immigrant mill-114 li lbieraħ ġew salvati mill-Forzi Armati. Is-60 l-oħra se jkunu qed jitqassmu fi stati membri oħra.

Il-Gvern fakkar ukoll li din kienet it-tieni darba li ddaħħal fis-seħħ dan il-mekkaniżmu volontarju meta Malta kienet aċċettat il-bastiment Lifeline wara li assigurat li pajjiżi oħra membri jgħinuha terfa' l-piż u jieħdu wħud mill-immigranti.

"Il-Gvern Malti jikkunsidra dan bħala eżaempju konkret ta' tmexxija Ewropea u ta' solidarjetà," ittemm tgħid l-istqarrija.

Fi Tweets differenti, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta aċċettat li tilqa' dawn l-immigranti minkejja li ma kellha l-ebda obbligazzjoni legali li tagħmel dan. Huwa rringrazzja wkoll lill-President Franċiż Emmanuel Macron u saħaq li Malta u Franza qablu dwar triq 'il quddiem għall-immigrazzjoni.

Intant, il-ġimgħa li għaddiet, Amnesty International ma tantx kellha kliem pożittiv għal Malta u l-Italja.

Fost oħrajn, fir-rapport ‘Between the Devil and the deep blue sea’, Amnesty International tfakkar illi minħabba li Malta ma rratifikatx l-emendi tal-Konvenzjoni għas-Sigurtà fuq il-Baħar (SOLAS) fl-2004, l-Italja u Malta huma marbutin b’verżjonijiet differenti tal-istess konvenzjoni.

Ikkritikat l-aktar lil Malta fid-dawl tad-deċiżjoni li ħadet fuq il-bastiment Sarost 5 meta rrifjutat li ddaħħal għandha 40 immigrant u dan minkejja li temmen li l-immigranti għandhom jidħlu fl-iktar port sigur u mhux fil-port tal-pajjiż fiż-żona ta’ salvataġġ (SAR) li jkunu fiha. Kien għalhekk li insistiet li f'dan il-każ, Malta “falliet”.

More in Politika