Aġġornata | Malta bl-akbar żieda fis-surplus fost il-pajjiżi tal-UE

Skont ċifri ppubblikati mill-Eurostat u kkonfermati wkoll mill-NSO, matul is-sena li għaddiet, il-pajjiż għamel surplus ta’ €436.6 miljun

Fl-2017, Malta rreġistrat l-akbar żieda fis-surplus fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Skont ċifri ppubblikati mill-Eurostat u kkonfermati wkoll mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, matul is-sena li għaddiet, il-pajjiż għamel surplus ta’ €436.6 miljun.

Dan ifisser żieda ta’ 3.9% fuq l-2016 meta s-surplus kien ta’ €335.7 miljun.

Is-surplus ikun ikkalkulat billi wieħed jara d-differenza li jkun hemm bejn id-dħul tal-Gvern, jiġifieri €4,494.6 miljun u l-ħruġ, li s-sena li għaddiet kien jammonta għal €4,057.9 miljun.

Għalhekk, meta wieħed iqabbel l-2016 mal-2017 jinduna li d-dħul żdied b’€612.6 miljun filwaqt li l-ħruġ żdied b’€276.9 miljun.

Id-dejn tal-Gvern naqas b’€85.8 miljun għal €5,642.6 miljun.

Skont l-NSO, il-Gvern daħħal l-aktar mit-taxxa tad-dħul, it-taxxa fuq il-produzzjoni u l-kontribuzzjonijiet soċjali.

Għal kull €100, il-Gvern nefaq l-aktar fil-pagi (€36) u fil-benefiċċji soċjali (€28 miljun).

Skont iċ-ċifri tal-Eurostat, wara Malta, kienu Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, u l-Lussemburgu l-aktar li rreġistrat żieda fis-surplus.

Apparti dawn, l-Iżvezja, il-Ġermanja, l-Olanda, id-Danimarka, il-Bulgarija, il-Greċja, il-Kroazja u l-Litwanja, wkoll irreġistraw surplus.

L-Islovenja rreġistrat bilanċ, jiġifieri la għamlet surplus u lanqas defiċit.

L-akbar defiċit kien irreġistrat fil-Portugal u fi Spanja. L-Irlanda, l-Estonja, il-Latva u l-Finlandja wkoll irreġistraw defiċit.

"F’leġiżlatura waħda tneħħiet iż-żieda kollha fid-dejn ta’ tliet gvernijiet Nazzjonalisti," - PL

Intant, fi stqarrija l-Partit Laburista insista li dan huwa surplus rekord u li "f’leġiżlatura waħda tneħħiet iż-żieda kollha fid-dejn ta’ tliet gvernijiet Nazzjonalisti."

"B’hekk Malta ta’ Għada, li qed inħejju llum, mhux se jkollha l-piż tad-dejn li ħallew gvernijiet nazzjonalisti," tisħaq l-istqarrija.

L-istqarrija tinsisti li dak ippubblikat illum ifisser li Gvern Laburista, kiseb:

  • L-ikbar surplus fl-istorja.
  • L-ewwel titjib fil-finanzi pubbliċi f’sena ta’ elezzjoni, u
  • L-ewwel tnaqqis fil-piż tad-dejn pubbliku.

More in Politika