Fitch tirrikonoxxi li 's-saltna tad-dritt f'Malta hija b'saħħitha'

Fitch tbassar li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta se jkun qed jiżboq dak ta’ pajjiżi oħra

L-Aġenzija Internazzjonali tal-Kreditu, Fitch, ikkonfermat il-credit rating ta’ Malta fil-livell ta’ A+ wara li l-ġimgħa li għaddiet, l-aġenziji DBRS u Moody’s, għollew il-klassifika ta’ Malta.

Skont Fitch, matul din is-sena, it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta se jkun qed jiżboq dak ta’ pajjiżi oħra.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Finanzi saħaq li Fitch qed tirrikonoxxi li f’Malta hawn saltna tad-dritt b’saħħitha u anke l-ħidma effettiva tal-Gvern.

L-Aġenzija tal-Kreditu tinnota wkoll li fl-ewwel tliet kwarti tas-sena li għaddiet, l-ekonomija kibret b’7.2% l-aktar minħabba ż-żieda fl-esportazzjoni u anke tnaqqis minimu fl-importazzjoni.

Fitch tgħid ukoll li l-bilanċ ġenerali tal-Gvern se jibqa’ f’surplus ta’ 1.5% tal-prodott gross domestiku matul l-2018. Tbassar ukoll li d-dejn tal-pajjiż mistenni jibqa’ jonqos u jinżel sa’ 45.1% tal-GDP sal-aħħar tal-2019.

Il-Ministeru għall-Finanzi laqa’ dawn il-konklużjonijiet u nnota kif Fitch qed tirrikonoxxi wkoll li r-rata ta’ qgħad f’Malta hija l-inqas fl-Unjoni Ewropea.

More in Politika