L-inkjesta 'Egrant' konkluża u l-eżitu tagħha huwa ċar

Dan is-sit jista' jiżvela li l-inkjesta dwar l-allegazzjoni Egrant hija konkluża ... mhux magħruf għalfejn għadha mhux qiegħda f'idejn L-AĠ

Il-PM Joseph Muscat u martu Michelle...dwarhom saret l-allegazzjoni li huma sidien ta' kumpanija fil-Panama li minnha għaddew iktar minn $1 miljun
Il-PM Joseph Muscat u martu Michelle...dwarhom saret l-allegazzjoni li huma sidien ta' kumpanija fil-Panama li minnha għaddew iktar minn $1 miljun

Dan is-sit jinsab infurmat mis-sorsi tiegħu li l-inkjesta dwar il-Kumpanija fil-Panama Egrant issa hija konkluża. Din l-inkjesta kellha tindaga żewġ allegazzjonijiet gravi li saru fil-konfront ta’ Joseph u Michelle Muscat. Jiġifieri li Muscat hija sid il-kumpanija Egrant u li minn din il-kumpanija, allegatament operattiva mill-bank Pilatus f’Malta għaddew mal-$1 miljun li kienu ġejjin minn kont fl-Ażerbajġan.

Dan is-sit huwa infurmat illi l-inkjesta issa hija magħluqa kif fil-fatt kien indikat fuq il-gazzetta ILLUM ta’ nhar il-Ħadd li għadda u aktar minn hekk, dan is-sit jinsab infurmat ukoll li l-eżitu tagħha huwa pjuttost ċar.

Minkejja dan il-fatt, mhux magħruf għalfejn ir-rapport tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar l-istess inkjesta għadu m’għaddiex għand l-Avukat Ġenerali, biex imbagħad wara jkun magħmul pubbliku.

L-allegazzjonijiet fil-konfront tal-PM Joseph Muscat u martu Michelle, saru minn Daphne Caruana Galizia u kienu r-raġuni ewlenija li wasslet biex il-Partit Nazzjonalista jorganizza dimostrazzjoni li matulha l-Kap tal-PN Simon Busuttil saħansitra qal li l-Pulizija, l-President u anke s-Servizzi Sigrieti għandhom ineħħu lil Muscat minn Prim Ministru.

Minn dak inhar, quddiem l-inkjesta dehret eks impjegata tal-bank Pilatus li stqarret li kienet rat isem Michelle Muscat anke jekk jirriżulta li fil-fatt hi qatt ma marret b’dokumenti l-Qorti. Din il-whistleblower kienet tkeċċiet mill-bank minħabba akkużi ta’ frodi, għalkemm hi qed tisħaq li baqghet qatt ma tħallset għax-xogħol li għamlet mal-bank, każ li għaddej fil-qorti bħalissa.

Apparti din il-persuna xehedu wkoll Joseph u Michelle Muscat u anke t-tmexxija tal-Bank Pilatus li għaddew filmat estensiv ta' CCTV minn ġewwa l-bank, inkluż ta' dak il-lejl illi matulu saret l-allegazzjoni u meta uffiċjali tal-bank dehru ħerġin b'bagalja. 

Kien eżatt bħal-lum ġimgħa illi l-Prim Ministryu u Mexxej Laburista Joseph Muscat reġa tefa’ l-kwistjoni Egrant taħt il-lenti, hekk kif sostna li hu lest jirreżenja jekk jirriżulta li l-allegazzjoni dwar Egrant kienet minnha.

Minn dakinhar,  Muscat ta’ kuljum u f’kull attività, sal-bieraħ stess fl-Università, baqa’ jagħmel l-istess sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex jekk l-allegazzjoni li martu hija sid ta’ Egrant u li rċeviet mal-$1 miljun minn kont fl-Ażerbajġan jirriżulta li mhix minnha, jerfa’ r-responasabilità tiegħu u jirreżenja.

Meta saret l-allegazzjoni, il-PN u l-media tiegħu qalu li Muscat għandu jintefa' l-ħabs, filwaqt li Joseph Muscat iddeskriviha l-akbar gidba fl-istorja politika Maltija. 

 

 

 

More in Politika