Clayton Bartolo: 'Il-kwistjoni mhux x’ħallasna... imma x’qed jieħu l-pajjiż'

F'intervista esklussiva mal-ILLUM, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo jispejga l-infiq fil-pagi ta' David Williams u l-Kummissarju tal-Films Johann Grech

Fl-2023, Malta rat tliet miljun turist ... Taħseb li l-kwalità qed tiġi ssagrifikata għal dan l-influss ta’ turisti? 

Naħseb li wieħed mill-iżbalji li kien isir fil-passat huwa jekk pajjiżna għandux imur għall-kwalità jew kwantità. Dik hija mentalità żbaljata li wasslet biex sar l-iżvilupp fil-passat, li ma kienx qed isir b’mod tajjeb għax marru għan-numru, fil-fehma tiegħi waħda mill-eħfef deċiżjonijiet li wieħed jista’ jieħu.  

Aħna nifhmu li l-kwantità u l-kwalità jridu jimxu id f’id. F’pajjiżna dak li rridu nilħqu; taħlita tajba bejn it-tnejn għaliex irridu lil dawk it-turisti biex nilħqu l-massa kritika biex insostnu l-investimenti li saru, iżda mill-banda l-oħra rridu turisti li qed jonfqu iżjed flus f’pajjiżna u li jiġu għall-esperjenza awtentikà li noffru.  

Meta nitkellmu fuq kwalità, mhux qed ngħidu lussu biss, imma f’dak kollu li tagħmel fih il-kwalità. Jekk se toqgħod f’lukanda 3 jew 5 star, taf f’liema propjetà qed toqgħod u xi kwalità tistenna; turisti li jonfqu mill-inqas irridu nżiduhom bil-mod ma’ nies li jonfqu iżjed. Fil-fatt għandna marketing iktar immirat u dirett li qed jgħinna niksbu dawn ir-riżultati.  

X’jidhirlek mill-idea ta’ capping kif issuġġerixxa l-kelliem tal-Oppożizzjoni għat-turiżmu? U jekk iva, kif tista’ tiġi applikata? 

Jien naħseb capping m‘għandux ikun hemm. Kienu semmew iċ-ċifra ta’ xi 4.7 miljun turist. Il-pajjiż ma jiflaħhiex dik iċ-ċifra. Nafu x’inhuma l-limitazzjonijiet tagħna, nafu x’inhi l-infrastruttura tagħna u għalhekk qed nieħdu d-direzzjoni li rridu turisti jonfqu iktar flus. Li jkollok faxxa ikbar ta’ turisti ta’ kwalità iva, capping le. 

Meta nisma’ l-kelma capping u moratorju tinkwetani minħabba li t-turiżmu għandu effett ġenerali fuq l-ekonomija kollha. Il-mument li tagħmel capping fuq it-turiżmu huwa l-mument li se jkollok reazzjoni lura fuq il-kumplament tal-ekonomija. Wara kollox għandu jkollok il-fiduċja tal-investitur Malti u barrani. Dak li jinvesti f’Malta se jistenna li jikseb flusu lura, u jaf li l-Gvern qed joħloq l-aqwa mezz possibbli biex il-privat ikompli jimxi ’l quddiem. Allura kif se niġi nsemmi l-capping?  

Mill-banda l-oħra, li jkun hemm direzzjoni għall-investiment, iva, naqbel. Investiment fit-turiżmu ma jfissirx biss f’lukandi u ristoranti iżda f’ħafna iktar, perżempju installations kulturali li neqsin minnu, li l-privat ikun iktar kreattiv kif ukoll fil-qasam diġitali. Meta l-Gvern jara dan it-tip ta’ investimenti se jagħti l-appoġġ tiegħu.  

Mingħajr linji tal-ajru low cost ma kienx ikollna rekords? 

Hawn misconception li low cost carriers iġiblek nies ta’ kwalità baxxa biss. Aħna li qed  nagħmlu huwa li nsibu l-formula addattata għal pajjiżna. Nafu li s-settur tal-konferenzi, ħafna mid-delegati juzaw legacy carriers u mhux low cost. Mela aħna f’dak is-settur nafu li għandna bżonn dawk it-tip ta’ carriers.  

Rigward il-free individual travellers (FIT) li jużaw il-low cost. Ma tistax tneħħi ħaġa u tuża oħra. Għalhekk irridu naraw li jkollna formula ta’ linji tal-ajru jtiru lejn Malta u li jaqdi 99% tat-turiżmu f’Malta għaliex il-1% huma turisti mill-baħar. Nemmnu li għas-sajf li ġej, il-linja nazzjonali tal-ajru ħa jkollha bookings tajbin ħafna.  

Qed inħarsu lejn swieq ġodda? 

Iva. Il-pass li jmiss huwa l-long haul trips, swieq lil hinn mill-Ewropa. Qegħdin ninvestu f’marketing għal swieq Amerikani, Awstraljani, Ġappuniżi u tal-pajjiżi tal-Golf. Sal-lum nafu illi minkejja li m’hawnx titjira diretta, f’Malta ġew 550,000 Amerikan u 50,000 mill-Awstralja. Nafu li jekk ha nibdew noħolqu d-domanda, meta ħa nitkellmu mal-airlines se jkunu iktar imħajra jaħdmu minn u lejn Malta. 

Diġà qed ninvestu fihom u bdejna niġġeneraw id-domanda għal pajjiżna. Qegħdin naħdmu ma’ diversi linji tal-ajru, kemm legacy carriers u low cost carriers.  

Bi €2.7 biljun dħul mit-turiżmu, kemm hu importanti t-turiżmu għall-ekonomija? 

Qegħdin inħarsu li t-turist li jiġi Malta jħalli iżjed flus milli kien iħalli ta’ qabel. It-turiżmu u l-importanza tiegħu tinħass għax minnu qed jiekol kulħadd; mit-taxxi tas-settur tat-turiżmu qed jirnexxilna nsostnu l-programm soċjali tal-Gvern, mis-sussidji fl-enerġija, dan ġej mit-taxxa tat-turiżmu. Dawn huma flus li qed jiġu ġġenerati mit-turiżmu u li mbagħad jidħlu fis-soċjetà kollha. Qed ninvestu kullimkien biex nattiraw iktar turisti li jgawdu minnhom. Mhux għat-turisti biss, imma daqstant għall-Malti, l-aqwa turist li rridu nieħdu ħsieb u ngħollu l-livell ta’ għajxien tiegħu. Nagħmlu pjazez, bajjiet, promenades biex il-Malti wkoll igawdihom. 

Meta nħarsu lejn is-servizz għat-turist, naraw li min iżurna mhux qed jitħalla b’togħma ta’ awtentiċità. Kif nistgħu nġibu aktar Maltin f’dan is-settur? 

Min jaħdem f’din l-industrija jrid ikollu livell bażiku ta’ kredenzjal u taħriġ. Is-servizz huwa parti integrali u rridu naraw li min qed jagħti s-servizz għandu ħiliet bażiċi.  

L-ewwel nibdew minn dawk il-barranin li jridu jaħdmu f’Malta biex tingħatalhom l-iskill card. Irrid li jkollna nies li jafu jitkellmu bl-Ingliż, li jafu affarijiet fuq Malta, li għandhom customer service tajjeb u li jridu jkunu jafu wkoll is-setturi li se jkunu qed jaħdmu fihom.  

Il-pass ta’ wara huwa li nagħmlu skill card lill-Maltin ukoll. Għandna Maltin li ilhom jaħdmu f’din l-industrija b’ħafna esperjenza imma qatt ma tgħallmu b’mod formali. Se nagħmlu ‘Recognition of Prior Learning’ (RPL) fejn issirlek intervista u l-esperjenza li għandek tiġi rrikonoxxuta u tingħatalek skills card. Mill-banda l-oħra, studenti ġodda li jkunu għadhom qed jagħżlu l-karriera tagħhom ikunu jistgħu jikkunsidraw it-turiżmu bħala karriera ideali għalihom. Din hija waħda mill-industriji li tista’ tibda mill-qiegħ nett u tispiċċa fuq nett.   

Il-pressjoni fuq l-ambjent naturali hija notevoli. Ħu post bħal Kemmuna. Kemm għandna nissagrifikaw mill-ambjent naturali tagħna? 

L-ambjent importanti u dan jorbot mas-sostennibbiltà. Irid ikollna sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali f’ekwilibriju.  

Jien m’iniex bniedem tal-estremi. Ftit tas-snin ilu kienu naqsu d-deckchairs minn Kemmunett. Is-sajf li għadda neħħejna d-deckchairs minn fuq il-moll u poġġejniehom f’żewġ postijiet separati biex erġajna naqqasna l-ammont ta’ deckchairs li kien hemm fi Blue Lagoon. Issa tgħidli, tajjeb dan? Skont minn liema lenti tħares lejha. Sabiħ li jkollok bilanċ imma bilanċ ma jfissirx li l-ekonomija u l-ambjent ikunu 50/50. Forsi wasal iż-żmien li l-ambjent jieħu iżjed prijorità fuq l-ekonomija u wasal iż-żmien li jkollna prattiċi iżjed ambjentalment sostenibbli. Irridu naqtgħu l-generators tal-gabbani f’Kemmuna biex innaqqsu l-emissjonijiet u anke nwaqqfu l-mużika li tkun ġejja mill-gabbani. Kien hemm lista ta’ talbiet li wħud diġà ġew indirizzati u oħrajn qed nindirizzawhom. Dak kollu jrid isir mingħajr ma nagħtu daqqa lill-industrija, li t-turist jibqa’ jingħata s-servizz u li l Malti jmur Blue Lagoon, u li l-bidla tkun qiegħda ssir b’mod kontinwu.  

Hemm il-kontroversja ta’ David Walliams li tħallas €120,000 għal ġurnata. Huwa minnu li dawn huma r-rati għal persuna ta’ dan il-kalibru, imma verament temmen li din kienet bżonjuża? 

Iva, huwa minnu li jitħallsu dawn ir-rati. Il-ftehim ta’ David Walliams kien wieħed tajjeb għaliex b’hekk l-industrija tal-film tibqa’ timxi ’l quddiem. Mhux David Williams biss kien bżonjuż imma l-film festival kollu kemm hu. Għandek festivals bħal Toronto u Berlin Ale. Għaliex m’għandux ikollna l-film festival bħal pajjiżi oħra?  

Jattendu għal dawn il-festivals nies tal-ogħla kwalità. Jekk irridu mmorru iktar għall-kwalità irid ikollna dawn it-tip ta’ avvenimenti ta’ kwalità biex nattiraw nies li se jonfqu iktar f’pajjiżna u nies li jkunu kapaċi jġibu n-nies f’pajjiżna. Il-kwistjoni mhux x’ħallasna lil David Williams, imma x’qed jieħu l-pajjiż minn dak kollu li qed nagħmlu.  

Il-Kummissjoni tal-Film ġiet ikkritikata kemm-il darba li għalkemm qed tiftaħ il-bibien għall-Maltin fis-settur, il-Maltin mhux qed ikollhom rwoli prominenti. X’inhu l-kumment tiegħek fuq dan?  

Diġà bdew ikollhom rwoli prominenti. Aħna qed immorru għal taħlita bejn films blockbusters u wħud iżgħar u mini series. Fil-passat kien ikollok film wieħed kull sentejn, imbagħad xejn.  

Grazzi għall-ekosistemi li qed noħolqu, irnexxielna nattiraw films iżgħar. B’hekk għandek Maltin li qegħdin f’pożizzjonijiet ogħla, u qed jiksbu l-esperjenza li għandhom bżonn biex għada pitgħada, meta jiġi blockbuster issib Maltin f’pożizzjoni għolja. Vera li fil-film Gladiator ma kellekx nies bħala heads of department imma ma ninsewx li dan beda jinġibed f’pajjiż ieħor qabel ma ġie Malta. Films żgħar li jinġibdu f’pajjiżna jagħżlu lil Maltin.  

Ċert li kif qed tiżviluppa l-industrija, se jiġu films li jdumu iktar u jagħżlu Maltin f’pożizzjonijiet għolja u jeħduhom magħhom f’pajjiżi oħra. Barra minn hekk, qed jiġi offrut training neċessarju f’din l-industrija u għalhekk nemmen li m’għandniex nattakkawha.  

Hija ġġustifikata li l-Kummissarju tal-Films jitħallas somma daqstant għolja? 

Jien għandi fiduċja fih. Ma narax kemm qed jieħu paga. Jien li nara huwa li grazzi għall-ħidma tiegħu, is-sena li għaddiet kellna sena rekord fl-industrija tal-films.  

Li nista’ ngħid huwa li minn mindu daħal Johann Grech bħala Kummissarju tal-Films, f’pajjiżna ntefqu 500 miljun ewro fi produzzjonijiet tal-films. Jien għalhekk inħalli r-riżultati jitkellmu. In-numri ma jigdbux. Hemm 1,000 familja taħdem f’din l-industrija.  

Nistaqsi, nattakkawha għax kontra l-persuna? Hemm xi aġenda kontra l-Kummissarju tal-Films? Ma jafux dawn li jekk jagħmlu hekk qed jattakkaw anke lil dawn il-familji li jaqilgħu x’jieklu minnha? Finalment ma ninsewx l-Open Day u kemm-il persuna attendiet bi ħġarha għaliha. 

Meta tikkunsidra s-suċċess tal-ftehim mal-Manchester United, il-Gvern qed iħares biex jagħmel ftehim simili ma’ klabbs oħrajn tal-futbol? 

Il-kuntratt tal-Manchester United jgħidlek esklussivament li trid tkun magħhom. F’dal-mument ma nistgħux niddiskutu ma’ timijiet oħrajn. Inkun prużuntuż jekk ngħid x’se jiġri wara li jiskadi dan il-ftehim. 

Din l-intervista saret qabel ma’ kien ippubblikat l-impatt tal-Meditterean Film Festival, u l-Inkjesta ta' Jean Paul Sofia.

More in Intervisti