‘Jista’ jkun illi m’għandniex rispett lejn l-istorja letterarja tagħna’

Elaine Camilleri tkellmet ma’ Immanuel Mifsud; kittieb, awtur u professur stmat tal-letteratura fl-Università ta’ Malta. Huwa qasam magħna ħsibijietu fuq il-letteratura Maltija u esplorajna l-kontribuzzjoni tal-kittieba Maltin filwaqt li ddiskutejna wkoll in-nuqqas tal-qari li qed jirrenja fostna

Biex nibdew, tista’ tgħidli x’inhi l-mira ta’ PEN f’Malta? 

PEN hija assoċjazzjoni internazzjonali illi għandha numru ta’ fergħat f’ħafna pajjiżi. Ċerti pajjiżi li huma kbar jaf ikollhom iktar minn fergħa waħda, anke ċerti pajjiżi li għandhom aktar minn lingwa waħda jaf ikollok PEN għal kull lingwa.  

Kullimkien, il-mira ta’ PEN hija li jiġi ssalvagwardjat id-dritt tal-espressjoni ħielsa tal-artist, kemm ta’ ġurnalist, imma anke jekk huwa pittur, xorta waħda hija responsabbli għalihom. Li kittieb ma jħossux intimidat. Meta jkun hemm każi ta’ theddid ta’ intimidazzjoni jew fastidju għal raġunijiet ta’ kitba jew ta’ pittura, skont il-każ, aħna nieħdu azzjoni.   

Hija verament rappreżentattiva tal-awturi Maltin? 

Attwalment, PEN ma tirrappreżentax l-awturi Maltin għax din mhijiex union tal-ħaddiema – dik tkun rappreżentanti.  

PEN International għandha statut twil. Lilna, bħala PEN Malta, li biex twaqqafna domna, dawn jitolbuk l-istatut biex jaraw li huwa konduċenti u ideali għal PEN International. Jaraw li t-tmexxija u l-proċess ta’ tmexxija huwa skont il-fehmiet u l-filosofija ta’ PEN International. Jien ma nistax bħala PEN ngħid li dak il-kittieb dejjaqni allura mhux se naqbeż għalih. Le. Bħal kull PEN madwar id-dinja, meta jkun hemm każ ta’ intimidazzjoni, theddid, fastidju għal xi artist, PEN tieħu azzjoni u dan jiddependi mill-każ. Jekk ikun hemm każi bħalma kellna hawn Malta fejn ġurnalist jitneħħa minn postu minħabba l-affarijiet li kiteb, jew qed jiġi mhedded fiżikament jew moralment, aħna nieħdu azzjoni skont il-każ.  

L-aħħar polemika dwar persuna li kellha kunflitt ta’ interess turi l-problema intrinsika taċ-ċokon ta’ pajjiżna u l-firda li hemm fil-komunità ta’ kittieba Maltin? 

Għalfejn ħadna azzjoni? U kif ħadnieha? Oriġinarjament, jien ħriġt stqarrija personali, f’ismi, għaliex ħassejt li din il-persuna għamlet allegazzjoni. Irrid nisħaqha din għax f’diversi gazzetti ma saritx id-distinzjoni bejn allegazzjoni u opinjoni. L-ewwel ħaġa li ġrat kienet li jien ħriġt stqarrija f’ismi u mhux f’isem PEN, u li din il-persuna għamlet allegazzjoni serja u li din il-persuna għandha tagħmel apoloġija lill-kittieba. Fl-istess waqt ħassejt li postha fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) huwa skomdu ħafna u jiena tlabt ir-riżenja.  

Kif daħlet PEN? PEN daħlet għax qablet ma’ dak li għedt jien u ħarġet stqarrija hi. L-effett f’Malta jiġri fuq Facebook, u kien hemm min spinjaha, kien hemm min kellu dan l-interess li aħna PEN Malta qed noħonqu l-libertà tal-espressjoni. U nafu li llum il-ġurnata n-nies jaqraw il-‘headline’ u daqshekk, li bażikament din pinġietna li aħna rridu noħonqu l-libertà tal-espressjoni.  

Aħna pruvajna niċċaraw il-punt, u ħadd ma beda jeħodna bis-serjetà. Il-kittieba, sfortunatament, ħafna minnhom mhux talli ma appoġġjawx dak li għedna aħna talli ħarġu fil-pubbliku kontrina. Jien ma niddejjaqx li ħarġu fil-pubbliku kontrina għax nemmen fil-libertà tal-espressjoni. Li ddejjaqt jien personalment kien li ma bdietx issir din id-distinzjoni li din l-allegazzjoni saret minn manager tal-KNK.  

PEN daħlet għax ħasset li malli din il-persuna għamlet din l-allegazzjoni, il-kittieba qegħdin jidhru f’dawl ikrah u nxteħtet allegazzjoni serja ħafna fuqhom li mhix issostanzjata. Kieku din il-persuna semmiet min, hemmhekk konna nfittxu għall-provi u jekk kien ikollha raġun, nieqfu hemm. Il-fatt li tagħmel allegazzjoni persuna li taħdem fil-KNK, terġa’ u tgħid li ftit wara l-KNK jagħmel mossa li ħadd ma jista’ jifhimha; fejn ħareġ apoloġija hu, minflok hi. Hemmhekk tgħid, mela l-Kunsill jaf b’xi ħaġa?  

Iva, vera l-kittieba ma kinux magħquda f’din il-biċċa. Il-maġġoranza li tkellmu – mhux il-maġġoranza tal-kittieba imma ta’ dawk li tkellmu – ħadu pożizzjoni kuntrarja. Magħhom ingħaqdu nies oħrajn li ma kinux kurrenti ma’ li ġara eżatt u lilna akkużawna li qed noħonqu l-espressjoni tal-kelma. Lili personalment għajruni ‘kiesaħ’, ‘bully’ u ma nafx kemm-il aġġettiv ieħor f’temp ta’ tlett ijiem.  

Jinkwetani wkoll li l-ġurnalisti kontinwament iħambqu fuq il-kontabbilità, u fl-istess waqt, ħafna minn dawn in-nies li jitkellmu fuq il-kontabbilità, meta ġejna f’dal-każ, din sparixxiet. Mhux talli sparixxiet, imma ġejna akkużati li qed noħonqu l-espressjoni tal-kelma, meta aħna qegħdin ngħidu li din il-persuna mhux opinjoni għaddiet, imma allegazzjoni. Għandha pożizzjoni fi ħdan il-KNK u allura din il-mara għandha terfa’ r-responsabbiltà għal dak li qalet. Din la għamlet apoloġija pubblika, u la tat spjegazzjoni.  

Aħna, bħala PEN, kellna laqgħa mal-KNK fejn qalilna li din tat spjegazzjoni għal dak li qalet. Iżda l-Kunsill irrifjuta jgħidilna x’inhi din l-ispjegazzjoni u bażikament bqajna b’xejn.  

Il-Kunsill tal-Ktieb tal-bieraħ u tal-lum kif tiddeskrivih? 

Nista’ nitkellem fuq tal-lum. Il-Kunsill ma nafx kif qed jiffunzjona. Il-maġġoranza ta’ dan il-bord irriżenja allura l-bord mhux qed jiltaqa’. Kif kienet is-sinerġija bejn il-Kunsill u l-bord, qatt ħadd minna ma fehem, lanqas qabel. Issa kollox wieqaf hemm u l-Kunsill qed jaħdem waħdu. U jien naħseb kien id-dover tiegħu li jgħidilna li rriżenja, għax qas dik ma kien qal. Issa li kulħadd jaf, jien inħoss li l-Kunsill għandu jispjega għalfejn u jgħidilna meta se jiġi appuntat bord ġdid.  

Il-bord, il-Gvern irid jaħtru. Jien m’għandix dubju li kieku kienet responsabbiltà tal-Kunsill, ilhom li waqqfuh għomor.  

Naf li l-pubblikaturi għandhom problemi serji. Ħadu daqqa ta’ ħarta bil-COVID u daqqa ta’ ħarta bl-Ukrajna speċjalment għax l-istampar spara ’l fuq ... u qed jilmentaw li l-Kunsill mhux qed jifhimhom u mhux qed jgħinhom. 

Bħala awtur u ħassieb, kemm taħseb li l-Moviment Letterarju Malti huwa politiku f’xogħlu? 

Jiddependi x’tifhem bil-kelma ‘politiku’. Jekk tifhem l-awturi humiex impenjati politikament, jiena tip ta’ bniedem li ma narax li kittieb bilfors għandu jkun hekk. Fis-snin 60 u 70, l-idea li kittieb irid ikun impenjat politikament kienet ħafna iktar b’saħħitha milli hija llum. Tifhimha, għax dakinhar kien perjodu ta’ attiviżmu politiku u ħafna movimentiżmu li llum il-ġurnata qed jieħu forom oħra. Jekk hemm kittieb li qed jikteb fuq il-fjuri, jien ma nistax ngħid, ‘iva din jew dan mhux qed jinduna x’qed jiġri f’Gaża, x’qed jiġri fl-Ukrajna, x’qed jiġri f’Malta?’ Ma nħossx illi għandi b’xi mod nagħmel pressjoni fuq kittieba biex il-kitba tagħhom tkun impenjata politikament. 

Biex inkun onest, m’iniex se nikkundanna lil dawk li ma jiħdux azzjoni politika fil-kitba. M’iniex se ngħid li mhux kittieb tajjeb, għax jista’ jkun l-aqwa kittieb f’Malta, biss ma jidħolx f’dak l-aspett tas-soċjetà. Nixtieq li kittieba jkunu impenjati politikament? Iva. Nagħmel pressjoni biex ikunu? Le, qatt.

Fl-opinjoni tiegħek, xi sfidi jaffaċċja kittieb Malti biex jiġi rikonoxxut f’Malta stess u forsi eventwalment, barra minn xtutna? 

Jien naħseb li ċ-ċokon, trid jew ma tridx, jagħmel effett kbir. Ħa nitkellem bit-tielet kappell akkademiku tiegħi. Jien persważ li f’Malta għandna kittieba tajbin ħafna. U nemmen ukoll li għandna kittieba li għadhom fl-istadju bikri tagħhom u meta nħares lejn x’qed jiktbu issa, qed nantiċipa li għada pitgħada jkunu kittieba vera kbar.  

Meta nitkellmu fuq barra minn Malta, jiddependi fejn. Aħna, forsi minħabba l-passat kolonjali tagħna,  jew minħabba raġunijiet politiċi oħrajn, meta ngħidu tagħmel suċċess barra minn Malta, qed nifhmu d-dinja Anglo-Amerikana. Issib min jgħidlek li t-tali kittieb għandu ħames kotba ppubblikati pereżempju r-Rumanija. Jew jgħidulek it-tali kittieb għandu ktieb ippubblikat ir-Renju Unit. Din tagħmel differenza kbira.  

Mill-ftit esperjenza tiegħi tgħallimt li din id-distinzjoni nagħmluha aħna. Hemm kittieba, pereżempju Rumeni, li dawn m’għandhom l-ebda motivazzjoni li jagħmlu suċċess kbir ir-Renju Unit jew l-Amerka. Jekk dawn jippubblikaw ktieb fir-Renju Unit, għalihom dan huwa pajjiż ieħor. Mentri aħna nħarsu lejn ir-Renju Unit u l-Amerka bħala l-apiċi tas-suċċess.  

Jiddependi wkoll min jippubblikak, għax jekk nibqgħu fuq ir-Renju Unit u l-Amerka hemm numru ta’ pubblikaturi. Altru jippubblikak, pereżempju Bloomsbery, u altru jippubblikak xi ħadd li qatt ma smajt bih.  

Aħna ċ-ċokon verament ngħid li jaħdem kontrina. Ilu ħafna, meta bdejt nikseb esperjenza barra minn Malta, kont issuġġerejt lill-Kunsill jew jieħu r-responsabbiltà hu jew iqabbad lil xi ħadd u jkollu aġenti li jmexxu. L-ewwel kien bdieha l-Kunsill tal-Arti, imbagħad kien ħadha l-KNK, li għandhom il-fondi għat-traduzzjoni.  

Jiena għandi kemm kemm dubju fuq bidliet li seħħew dan l-aħħar, imma l-Kunsill jagħti somom relattivament attraenti biex jgħinu awturi jippubblikaw.  

Diversi minna l-kittieba qegħdin niġu ppubblikati regolarment, imma mhux ir-Renju Unit jew l-Amerka. Hemm numru ta’ pubblikazzjonijiet fil-kumplament tal-Ewropa u issa iktar minn qatt qabel fil-Mediterran Għarbi fejn qabel lanqas kellna kuntatt miegħu. Diversi kittieba qegħdin jiġu ppubblikati f’diversi pajjiżi. 

Il-kotba u l-kittieba bil-Malti huma bosta f’Malta imma l-qarrejja huma ftit. Tinkwetak din? 

Tinkwetani ħafna. Dan se ngħidu mhux b’konsolazzjoni – din mhijiex problema tagħna biss. Hija problema ta’ diversi pajjiżi illi minkejja kemm jiġu ppubblikati kotba, il-qari qed jonqos.  

Pereżempju, l-Italja kien hemm mument fejn il-ħassieba u kritiċi letterarji bdew jgħidu li kien hemm wisq pubblikazzjonijiet u n-nies ma kellhomx ħin li jaqraw kull pubblikazzjoni. Statistikament, bdew jiġu ppubblikati numru ta’ kotba illi realment ma kienx hemm ħin li jinqraw. Mhux għax ma hemmx interess imma għax hemm wisq kotba. Allura kien hemm din il-mewġa ta’ fehmiet fejn lill-pubblikaturi qalulhom biex ma joħorġux dawn il-kotba kollha għax mhux se jinqraw, imma biex jippubblikaw inqas ħalli n-nies jaqraw u jiddibattu.  

Jekk fiżikament mhux possibbli jinqraw mitt ktieb fis-sena, toħroġx mija, oħroġ ħamsin. Il-ħamsin se jinqraw. Jiġifieri kien hemm dan il-mod ta’ ħsieb.  

Lokalment joħorġu ħafna kotba u ovvjament hemm ċerti ġeneri iktar popolari minn oħrajn. Jekk niġu għall-poeżija, dan mhuwiex ġeneru li jinqara wisq u nammira lil dawk il-pubblikaturi li xorta waħda jaċċettaw li jippubblikaw ktieb ta’ poeżija. Ir-rumanzi jinqraw ħafna iktar, u ċerti tipi jinqraw minn ċerti tipi ta’ nies. 

Fil-każ tagħna, jien m’iniex pubblikatur, imma l-kwalità tal-ktieb splodiet u llum il-ġurnata għandna kotba sbieħ. Dan ifisser li l-pubblikaturi qegħdin jaħdmu bis-serjetà f’dak l-aspett u mhux qed ixeħħu. Jien ma naħsibx li qed jiġu ppubblikati wisq kotba fil-każ tagħna. Tifhem illi ħafna mill-kotba jiġu ppubblikati viċin tal-Festival tal-Ktieb li huwa l-uniku Festival tal-letteratura. Inkwantu ta’ numru ta’ kotba ma naħsibx li joħorġu wisq kotba.  

Statistikament, aħna ninsabu fil-qiegħ tal-poplu li jaqra. Hemm soluzzjoni għal din? Onestament ma nafx inwieġeb. Huwa fatt li tagħtina l-istatistika li jintefqu somom ta’ flus għall-kotba lit-tfal, jiġifieri li ġenturi jixtru kotba lit-tfal. Imma sa ċerta età dan l-interess jieqaf. Qabel konna ngħidu li għandna nuqqas imma llum għandna awturi li jiktbu bl-intenzjoni ta’ qarrejja adolexxenti. Jista’ jkun illi m’għandniex rispett lejn il-ktieb, m’għandniex rispett lejn il-kittieba, m’għandniex rispett lejn l-istorja letterarja tagħna. 

Kumpaniji li jippubblikaw il-kotba huma bosta f’Malta. Dan mhux sinjal tajjeb? 

Ma narax li għandna ħafna pubblikaturi. Kellna numru ta’ pubblikaturi li żarmaw ukoll. Lokalment għandek erba’, ħamsa, li huma l-aqwa. Huwa sinjal tajjeb li għandna kumpaniji li jippubblikaw imma ma narax li huma wisq.  

Il-kotba, ir-rumanzi, l-istejjer qosra u l-poeżija huma intrinsikament marbuta f’pajjiżna mat-tagħlim tal-Malti. Kemm hu importanti u kemm hi perikoluża li l-kitba kreattiva tispiċċa marbuta mal-istudji akkademiċi u l-eżamijiet? 

Hija problema. Niġu f’dan, naħseb anke Shakespeare huwa assoċjat mal-eżamijiet biss hawn Malta. Din mhix qed tiġri biss lill-kitba tagħna. Il-letteratura ma tinkitibx għall-eżamijiet imma dan huwa argument filosofiku.  

Ħafna mill-qari li jsir miż-żgħażagħ isir għax huwa għall-eżami. Jien nara ċertu nuqqas fi programmi fejn jiġu diskussi l-kotba. Hemm nuqqas ta’ diskors dwar il-kotba. Hemm nuqqas ta’ diskors dwar il-kotba f’postijiet fejn nafu li jistgħu jgħinu, pereżempju fil-gazzetti. Kien hemm drabi fejn kien hemm ħafna iktar diskors.  

F’Malta pereżempju m’għandniex magazine letterarju. Beda wieħed ftit tax-xhur ilu online li jirrappreżenta mhux biss il-letteratura imma anke artikli interessanti u miktubin tajjeb ħafna. Jiġifieri aħna għal snin twal ma kellniex magazine letterarju f’Malta. Imma jien se nagħmel magazine li ħadd mhu se jaqrah? Min lest jippubblikah, lest li joħroġ il-flus? Din mhix problema tagħna biss. 

Ma tinkwetax li l-qari tal-Malti u l-qari inġenerali naqas drastikament? 

Aħna qegħdin isfel. Inkwetanti ħafna. Sfortunatament dan mhux fenomenu ġdid. Din hija xi ħaġa li ilha hemm. Ma rridx ngħid li hija endemika, għax ma rridx inkun negattiv imma huwa fatt.  

Huwa fatt ukoll li llum il-ġurnata n-nies ma jixtrulekx ktieb fiżiku, imma jixtru ebook. Jien naħseb huwa suq instabbli ħafna, u m’hemmx formola li ħa timxi dejjem. 

Is-sitwazzjoni politika, biex inkun aktar preċiża, l-istaġnar politiku, qed jispira lill-kittieba jew imewwithom? 

Li jmewwithom ma naħsibx. Jien ninnota li f’Malta l-ġrajjiet il-kbar politiċi tagħna, il-proża ma ddiskutithomx. Ħa nieħdu t-Tieni Gwerra Dinjija li nqisuha bħala mument traġiku għal Malta. Xi nkitbu rumanzi fuq il-gwerra f’Malta? Nista’ nsemmihom. Għandek lil Ebejer, rumanz bl-Ingliż u Victor Apap. Hawn qed insemmu avveniment li ġennen lil Malta, kemm fiżikament, għax waqa’ l-bini u mietu n-nies, u kemm soċjalment għax ġab bidliet kbar. Iktar inkiteb fuq il-gwerra f’Malta minn awturi barranin milli minn awturi Maltin lokali.  

L-interdett għad għandna nies sal-lum jitkellmu dwaru. Xi nkiteb dwaru? Dramm dwar l-interdett kellu jinkiteb minn xi ħadd tletin sena wara u min kitbu lanqas twieled fi żmienu! Is-snin 80, l-istess. Kellha tkun il-ġenerazzjoni tiegħi illi bdejna b’impenn nitkellmu fuqu.  

Meta ħriġt ‘L-Aqwa Żmien’ kien hemm min qalli ‘Imma kif tikteb fuq xi ħaġa li qed tiġri issa?’ Għandna din it-tendenza li rridu nħallu ż-żmien jgħaddi biex niktbu fuq xi ħaġa. Il-biċċa hi, li anke jekk inħallu ż-żmien jgħaddi xorta mhux qed niktbu. Il-poeżija hija differenti, trid tikteb fil-ħin, issa. Nifhem li hemm differenza bejn tikteb poeżija li ddum taħdem fuqha tlett ijiem u altru tagħmel tliet snin. Però, hemm din it-tendenza li qatt ma stajt nifhem eżatt u għala li l-avvenimenti politiċi kbar u drammatiċi, katastrofiċi ma jinkitbux.  

M’iniex nitkellem biss fuq l-immedjatezza. Rumanz ma jinkitibx fi tlett ijiem, imma li jkollok faqar totali – dik ma nifhimhiex.  

Bħala kittieba f’Malta, l-aktar li qegħdin ninkwetaw u nikkummentaw dwaru hija l-katastrofi tal-ambjent għax hija l-iktar ħaġa viżibbli. Ma tistax ma tarahiex din. Hija fiżika.  

Fuq l-istaġnar politiku inġenerali, le, ma naħsibx li qed nikkummentaw fuqu. Ix-xewqa tiegħi hi li, mhux kittieba biss, imma kulħadd jikkummenta fuq l-istaġnar politiku. Imma l-kittieba iktar, għax ktieb jibqa’ hemm. 

Problema oħra hija l-kwistjoni tal-vjolenza fuq il-mara għax sfortunatament kellna numru ta’ każi. Qiegħda tibda tidher anke ċerta letteratura queer minn dawk li jappartjenu għal din ir-realtà. Dan jurina li m’aħniex sajmin għalkollox. 

Ir-realtà politika llum hija differenti minn dik ta’ 20 sena ilu. Illum hawn l-isfiduċja fis-sistema partitokratika, li hija ovvja. Anke l-għaliex l-esperiment li dawn iż-żewġ partiti għamlu li jagħtu l-vot lil nies ħafna iżgħar, jidher li ma ħadimx. Dan għaliex, tal-inqas kif qed naraha jien,  għandna ġenerazzjoni tiela’ li taqa’ u tqum. Taqa’ u tqum mhux mill-politika, imma mill-partiti.  

Kont qed naqra li għandek il-partiti bi problema serja ta’ kandidati għall-Kunsilli Lokali. Jien, minn banda, dan nieħdu bħala punt pożittiv immens għax jekk min-naħa l-oħra se jkollna numru ta’ kandidati lesti li jikkandidaw irwieħhom b’mod indipendenti, dan għandu jkun ta’ ġid għal kulħadd. Imma mhux li jkollna nuqqas ta’ kollox. Dik hija problema, għax ifisser li hemm nuqqas ta’ impenn politiku.  

Il-ġenerazzjoni tiegħi, aħna ma naħsibx li konna qegħdin insegwu ideoloġija partikolari. Ta’ qabilna kellhom ideoloġija, mhux qed nitkellem partiti, ideoloġija pereżempju li jirridefinixxu n-nazzjon. Aħna ma konniex nemmnu u anqas naċċettaw il-kunċett ta’ nazzjon. Allura, kkumparati mal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna se nidhru diżinteressati. L-idea ta’ poplu, ta’ għaqda nazzjonali, lilna ma ddoqqilniex. L-ewwel nett dawk ta’ tampari, aħna għexna l-adolexxenza tagħna fis-snin tmenin, meta dan il-pajjiż kien maqsum qasma kbira.  

Illum il-ġurnata, anke x’inhu u min hu Malti għandna dubji fuqu. Qabel ma kellniex dubji xi tfisser li tkun Malti. Illum x’jiġifieri tkun Malti? Għax xtrajt passaport, jagħmlek Malti? Jekk ġejt hawn u kellek l-ulied hawn, jagħmlek Malti? Illum, fejn jidħol il-kunċett tal-‘Maltin’, il-Maltin huma diversi. Qabel, il-Maltin, kienu l-Maltin. Minħabba dawn l-affarijiet, ir-realtà politika f’Malta nbidlet ħafna minn ċerti aspetti.  

More in Intervisti