Intervista | ‘Mhux l-ewwel darba li waqt sessjoni ta’ terapija raġel skuża ruħu talli beka... Għaliex?’

Il-maskulinità għadha dominanti? Għaliex il-kelma impotenza toħloq effetti daqstant negattivi? L-ILLUM tintervista lill-Psikologu u Sesswologu Nicholas Briffa dwar il-mard, l-emozzjoni u l-vulnerabilità fost l-irġiel  

Kulħadd ikollu xi ġurnata stressanti u jinfexx fil-mowbajl u l-midja soċjali. Qalb ir-ritratti tat-tfal, tal-maħbubin jew ta’ xi platt ikel ta’ spiss fuq Facebook jiddominaw il-kliem ta’ motivazzjoni u kuraġġ tal-psikologu, terapista tal-familja u sesswologu Dr Nicholas Briffa.  

Għaldaqstant il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma Briffa fejn fost oħrajn tiddiskuti l-edukazzjoni fuq il-kanċer u l-mewt, l-isterjotipi tal-ġeneru, t-trobbija u l-biża’ mill-vulnerabilità.  

‘Il-maskulinità għadha dominanti wisq’    

Minkejja li tul din l-intervista l-ILLUM u Briffa tkellmu fuq kwistjonijiet varji, il-qofol tagħha kien ir-raġel fis-soċjetà u dan fid-dawl tal-fatt li dan ix-xahar huwa ddedikat għall-Movember.  

Fil-fatt nhar il-Ħadd li għadda din il-gazzetta tkellmet mal-Kirurgu Urologu Dr Patrick Zammit li jemmen li r-raġuni għaliex ħafna rġiel joqgħodu lura milli jagħmlu t-testijiet meħtieġa hija minħabba li jibżgħu mill-vulnerabilità. Aktar minn hekk jibżgħu li jekk jinstab li għandhom il-kanċer, jew anke marda oħra serja, ma jkunux jistgħu jipprovdu għall-familja.  

Għalhekk, l-ILLUM tistaqsi lill-psikologu dwar dan u għaliex illum, minkejja li qed tinħoloq aktar kuxjenza fuq is-saħħa mentali tal-irġiel, dan il-kunċett għadu ingranat fis-soċjetà tagħna.  

“Il-maskulinità għadha dominanti wisq,” qal Briffa. 

Innota b’pożittività li fis-soċjetà ta’ llum il-mara, “grazzi għall-ġlieda għal aktar uwaljanza,” hi esposta għall-istess opportunitajiet li għandu r-raġel. Minkejja li din fiha nnifisha hija xi ħaġa tajba, jgħid li għal ċertu rġiel din hija ta’ theddida.  

“Jiena ta’ kuljum niltaqa’ ma’ din ir-realtà, li ħafna irġiel li jħossuhom intimidati minn dawn l-avvanzi,” qal Briffa. Apparti minn hekk huwa sostna mal-ILLUM li jiltaqa’ ma rġiel li jħossuhom mhedda li marthom stess għandha xogħol, kundizzjonijiet u paga aħjar minnhom.  

Għal Briffa, x’inhi r-raġuni li l-maskulinità għadha daqstant fattur importanti għal raġel?  

Jemmen li dawn l-affarjiet, “kollha huma dovuti għall-isterjotipi tal-ġeneru li lkoll konna esposti għalihom fit-tfulija.” Spjega li l-ewwel skola tagħna, jiġifieri dak li nitgħallmu b’mod dirett u anke dak indirett, kienu l-ġenituri tagħna.  

“Mit-trobbija, moħħna assorba l-immaġni ta’ kif għandha tkun relazzjoni, ta’ kif wieħed iġib ruħu mal-mara jew ir-raġel u ta’ kif inrabbu lit-tfal tagħna stess, fost oħrajn,” żied Briffa. Sintendi, dan apparti r-relazzjonijiet u influwenzi li persuna jkollha malli tkompli tikber u n-normi li wieħed jitgħallem mill-ambjent ta’ madwaru.  

Jgħid li dawn il-fatturi kollha jesponu lill-bniedem, f’dan il-każ l-irġiel, għal sterjotipi ta’ kif wieħed għandu jġib ruħu, ta’ kif jirreaġixxi għal aħbarjiet koroh u ta’ kif jesprimi l-emozzjonijiet tiegħu.  

‘Mhux l-ewwel darba li raġel skuża ruħu talli beka’  

Il-psikologu irrakkonta li ġieli ltaqa’ ma rġiel li waqt sessjoni ta’ terapija, li fiha l-emozzjonijiet ħadu l-kontroll, skużaw ruħhom talli bkew.  

“Din turi kemm il-vulnerabilità għadha kwistjoni pertinenti mal-irġiel għaliex ma hemm l-ebda raġuni għaliex wieħed għandu jiskuża lilu nnifsu talli għamel xi ħaġa ordinajra u esprima emozzjoni. Fuq kollox m’hemmx regoli ta’ min jista’ jew ma jistax jibki,” qal Briffa.  

Irrakkonta wkoll li mhux l-ewwel darba li kien f’xi festin jew il-bandli u jisma l-kliem, “ejja! Tibkix inti tifel kbir issa.” Għal dan huwa jistaqsi, “jiġifieri biex tibki ma tistax tkun tifel jew raġel? Ma tistax tibki meta’ taqbeż ċertu età?”  

Stqarr li bil-mod, il-mod qed jinkissru dawn l-ideoloġiji u qed jinħolqu aktar fluwidità fl-irwoli tal-ġeneru, “biex anke fid-dinamika tal-familja, l-irwoli jinqassmu skont l-eżiġenza u mhux dak li int ġejt mgħallem li suppost tagħmel.”  

‘Il-mistħija xi kultant tirbaħ’  

L-aħħar snin, l-istatistika turina li hemm ħafna aktar irġiel milli nisa li jsofru fis-silenzju. Tant hu hekk li ħafna mill-attentati u suwiċidji fl-aħħar snin saru mill-irġiel. Iżda dawn il-persuni ma humiex statistika u l-ILLUM tistaqsi lill-Briffa jekk dawn l-isterjotipi hux qed ikomplu jwasslu għaż-żieda fil-każi ta’ suwiċidju.  

Kompla jgħid li waħda mill-fatturi għaliex l-irġiel joqgħodu lura biex jirrikorru għall-għajnuna hija minħabba l-mistħija. “Bl-ingliż ngħidu, shame, il-biżà li jekk jiena niftaħ qalbi mat-terpista jew ma xi ħadd ieħor, mhux se jibqgħu jarawni f’dawl pożittiv jew sempliċement kif kienu  jarawni qabel,” qal Briffa.  

Fl-istess waqt jistaqsi, “l-irġiel qegħdin jikellmu ma’ xulxin? Għaliex meta jaraw lil xi ħadd kwiet ma jistaqsux jekk għandux bżonn xi ħaġa? Bħala soċjetà nieħdu ħsieb xulxin? Qed nikkomunikaw biżżejjed?” 

‘Qabel kienu jużaw it-terminu impotenza. Illum qtajniha, is-sesswalità ma tagħmlekx raġel’ 

L-ILLUM tagħmel referenza għal dak li qal l-Urologu Zammit u li l-kanċer tal-prostata, apparti l-effetti li jħalli l-kanċer innifsu u t-trattamenti biex jeqirduh, joħloq problemi oħra li jaffettwa s-sesswalità tagħhom.  

Qal li qabel it-tobba kienu jużaw it-terminu impotenza biex jiddeskrivu meta raġel ikollu problemi simili, “iżda din kien hemm bżonn li tinqata’ darba għal dejjem.”  

Briffa isostni mal-ILLUM li dejjem jgħid lill-irġiel li jirrikorru għall-għajnuna tiegħu li,  s-sess “ma jagħmlekx raġel.”  

“Hemm ħafna fatturi li jagħmluk raġel iżda ma jfissirx li jekk inti f’dak il-mument partikolari ikollok problemi sesswali, ma jfissirx li int raġel inqas minn ħaddieħor,” qal Briffa. Huwa proprju għalhekk li jisħaq kontra l-użu tal-kelma “impotenza” għaliex il-kelma nnifisha tindika mod ieħor.  

Il-psikologu spjega wkoll li l-kanċer jaffettwa s-self esteem, il-burdata u kif raġel iħares lejn ir-relazzjonijiet li għandu, kemm ta’ ħbiberija, kif ukoll dawk aktar intimi. Qal li meta wieħed jamalgama dawn il-fatturi kollha, iwassal biex dawn l-irġiel iħossuhom biss farka ta’ dak li kienu qabel u għaldaqstant ikompli jsostni kemm huwa importanti li jirrikorru għall-għajnuna.  

Fakkar li bħala professjonist li jiffaċċja sitwazzjonijiet bħal dawn ta’ spiss, ma jaħdimx waħdu anzi ħafna drabi jifforma parti minn tim multidixxiplinarju li jara li l-ħtiġijiet ta’ dawn il-persuni, inkluż is-sieħeb/sieħba tagħhom, jiġu indirizzati darba, darbtejn u anke aktar.  

“Apparti minn hekk, sakemm it-terapista u s-sesswologu jirnexxielu jaħdem mal-persuna fuq dawn l-affarjiet jipprova jibni relazzjoni ta’ fiduċja biex ikun jista’ jgħinu aħjar,” kompla Briffa.  

Lil hinn minn hekk huwa enfasizza li l-ewwel ħaġa li jgħid lil persuni li jkunu għaddew jew għadhom għaddejjin minn mument ikrah minħabba saħħithom huwa li l-ġisem għaddej minn evoluzzjoni. “Il-ġisem għaddej minn bidla. Jekk jingħata l-kura ma jfissirx li hu batut. Kif jgħid il-Malti, iż-żmien isajjru l-bajtar u l-ġisem għaddej minn proċess sħiħ. Ma jfissirx li l-ġisem hu fallut u li se jieqaf minn jum għall-ieħor,” qal Briffa.  

Bħala raġel taħseb li l-kampanja tal-Movember hi effettiva?  

Lil hinn minn lenti ta’ professjonist, l-ILLUM staqsiet lil Briffa jekk hu, bħala raġel, jaħsibx li l-kampanja ta’ Movember hijiex effettiva biżżejjed.  

Għal dan huwa wieġeb li minkejja li kull sena din il-kampanja dejjem qed tagħmel aktar ħoss, għadha ferm lura meta mqabbla ma’ tal-Pink October.  

Għaldaqstant jappella biex ikun hemm aktar “role models” li għaddew mill-esperjenza simili u ħarġu rebbieħa, bħalma ġara meta kien hemm il-kampanji fuq is-saħħa mentali biex jinkoraġixxuhom.  

“Hemm bżonn ta’ aktar irġiel li ma jiddejqux jitkellmu fuq il-vulnerabilità u li kulħadd, mis-sema ‘l isfel, hu ugwali. Kulħadd jista’ jgħaddi minn żmien diffiċli u li jista’ jkollu diffikultajiet. Kemm minn perspettiva ta’ saħħa fiżika, dik mentali u sesswalità fost oħrajn,” kompla Briffa.  

‘Aħna naprezzaw il-ħajja propju għax nafu li aħna mhux għal dejjem’ 

Fi tmiem l-intervista, din il-gazzetta tirrimarka li filwaqt li ħafna jappellaw biex dawn is-suġġetti jibdew jiġu nkorporati fis-sistema edukattiva, għad hemm ġenituri li ma jaqblux ma’ dan għaliex dawn huma suġġetti ta’ natura sensittiva u wisq kumplessi għal tfal ta’ età żgħira. Minkejja dan, Briffa ma jaqbel xejn.  

“Hemm bżonn li nġiegħlu lit-tfal jirrealizzaw li bħalma hemm il-ħajja, hemm il-mewt. Fl-aħħar minn l-aħħar aħna naprezzaw il-ħajja għax nafu li aħna mhux għal dejjem u hemm il-mewt,” żied Briffa.  

Fuq l-istess nota huwa qal li llum is-sistema edukattiva tgħallem lit-tfal dwar l-istupru, x’inhi l-imħabba vera u d-differenza bejn persuna li qed tagħtik l-attenzjoni għax tħobbok u persuna li qed tagħmel avvanzi sesswali. “Grazzi għal dan it-tip ta’ għarfien, qed nevitaw ħafna traġedji u sitwazzjonijiet negattivi.”  

Fl-aħħar huwa qal li jekk it-tfal, minn ta’ età żgħira ikunu mgħarrfa fuq dawn il-valuri u l-importanza li wieħed jieħu ħsiebu tiegħu innifsu, anke mentalment, dak li jkun ma jiddejjaqx imur għall-għajnuna. 

“Fl-aħħar minn l-aħħar ħadd ma hu perfett u kulħadd jgħaddi minn mumenti diffiċli u jkollu bżonn l-għajnuna, jew l-akkumpanjament ta’ xi ħadd ieħor,” temm jgħid mal-ILLUM il-psikologu, sesswologu u terapista tal-koppji Nicholas Briffa.  

More in Intervisti