Intervista | ‘Il-knisja hi sptar għall-midinbin, mhux palazz għall-qaddisin... Dnubiet għandi iżda l-orjentazzjoni tiegħi mhux dnub’

Il-biki, l-uġigħ, id-daħk u s-suċċessi ta’ persuni LGBTIQ f’Malta skont ir-rakkont ta’ Joseph Carmel Chetcuti. Il-gazzetta tiltaqa’ mal-attivist u l-kittieb fl-għeluq il-50 sena tiegħu ta’ attiviżmu għad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ.  

Joseph Carmel Chetcuti
Joseph Carmel Chetcuti

Potters, it-Tom Bar u l-Lantern. Kollha gay bars, fi żmien li kien iktar diffiċli biex is-soċjetà taċċetta illi li tkun omosesswali mhux għażla xejn.  

L-ILLUM tkellmet ma’ Joseph Carmel Chetcuti, wiċċ sinonimu mal-attiviżmu għad-drittijiet tal-persuni omosesswali iżda wkoll il-kittieb tal-kotba ‘Il-Ktieb Roża: dnub, diżordni u delitti’ u ‘Queer Mediterranean Memories,’ dwar il-vjaġġ li kellhom jgħaddu minnhom persuni LGBTIQ sabiex jaslu fejn qegħdin issa.  

‘Kien hemm ħwienet tal-gays imxerrda ma’ Malta u Għawdex’ 

Il-vjaġġ jibda’ b’mistoqsija dwar il-postijiet li fihom kienu jinġabru l-omosesswali. Chetcuti beda’ mal-ewwel billi għamel distinzjoni bejn ħwienet tax-xorb li huma ‘gay’ u ħwienet tax-xorb li ‘jakkomodaw lill-gay.’ 

Il-ħwienet ‘gay’, beda’ jispjega Chetcuti, huma dawk li l-klijenti prinċipali tagħhom, matul il-ġimgħa kollha kienu nies omosesswali. Min-naħa l-oħra, dawk li ‘jakkommodaw lill-gays’ huma l-ħwienet li jkollhom lejl jew iljieli fil-ġimgħa li jkunu allokati għall-omosesswali. 

“Skond Cookie (Karmenu Preca), l-eqdem bar li kien jaf hu kien id-Dreadnuughts f’Lascaris Wharf, mhux bogħod mit-Telgħa tal-Kurċifiss.  Kif tista’ timmagina kien hemm ħafna ħwienet tax-xorb fil-portijiet ta’ Malta fejn kienu jinġabru l-baħrin Ingliżi.  F’Balzunetta kien hemm il-Klondyke fejn Cookie, Minku (Domenico Murgo) u Bobbi (Bobbie Papagiorcopulo) kienu jtellgħu s-shows.  Kien ikun hemm Charlie Camilleri (Charlie l-Golliwog).” 

Fi kliem Chetcuti, kien hemm ħwienet imxerrda ma’ Malta u Għawdex kollha, bħad-Diddies f’Buġibba, u l-Playboy fil-Għargħur. Kompla jsemmi diversi bars li kienu ġewwa Strada Stretta bħall-Mascot, li skont l-attivist kienu jiffrekwentawh numru ta’ persuni omosesswali. Semma wkoll ir-Robin Hood fejn Karmenu Sant (Każan) kien itella’ x-shows u d-Dick’s Bar li hemm ukoll kienu jmorru ħafna gays. 

‘Għalija l-iktar bars sinjifikanti kienu Potters, it-Tom Bar u l-Lantern.’ 

It-tlett bars sinifikanti skont Joseph Carmel Chetcuti kienu t-Tom Bar, il-Lantern u l-Potters, b’tal-aħħar jiddeskrivih bħala “l-mekka tal-komunità omosesswali f’Malta.” Irrakkonta kif, fit-Telgħa tal-Kurċifiss, kien hemm it-Tom Bar. 

“It-Tom Bar kien iktar minn ħanut ta’ divertiment.  Kellu kuxjenza politika.  Minn hemm nibdet il-Pride Organisation Malta.  Kien ħanut li ħass il-bżonn li jippromovi d-drittijiet tal-omosesswali.  Il-ktieb tiegħi, Il-Ktieb Roża: Dnub, Diżzordni u Delitt, ġie imniedi hemm!”  

Dan il-ktieb, li għalih qed jirreferi Chetcuti, kien l-ewwel wieħed dwar l-omosesswalità bl-ilsien Malti. Kien imniedi minn Evarist Bartolo, li dak iż-żmien kien Ministru tal-Edukazzjoni, fuq il-programm ‘Il-Parlament tal-Poplu” ppreżentat minn Emmy Bezzina. Hawnhekk l-attivist għamel aċċenn għal fatt li Emmy Bezzina għamel ħafna ġid lill-kommunità omosesswali iżda ftit hu rikonoxxut. 

Lura għar-rakkont fuq il-bars, kien hemm il-Lantern li kien jinsab fejn il-Ġnien ta’ Hastings. Chetcuti jiddiskrevih bħala wieħed pjuttost interessanti. 

“Kien post għal dawk li huma interessati fit-teatru u l-arti.  Insomma, post għall-‘puliti’ jew dawk li jriduha ta’ ‘puliti’. Niftakar wieħed li kien jaħdem hemm, kien joqgħod seqer, dejjem jagħmel il-vista tal-latrini biex jaċċerta ruħu li ma jkunx hemm ħmerijiet.  Kont naraha kummiedja, u kien wiehed bħalna.” 

‘Jien ma naċċettax li Malta kienet daqstant ‘reliġjuża’...  Kellha biss l-apparenza li kienet hekk’ 

Il-gazzetta ILLUM staqsietu kemm kien diffiċli li persuna tesprimi ruħha dwar is-sesswalità tagħha fi żmien meta Malta kienet meqjusa bħala gżira reliġjuża u konservattiva. Fil-pront huwa stqarr li hu qatt mhu se jaċċetta li Malta kienet ‘reliġjuża’ u ‘konservattiva.’  

“Kellha biss l-apparenza li kienet hekk.  Il-konservattivi, li għal ħafna snin gawdu l-poter, irnexxilhom jimponu tabù fuq kollox u fuq kulħadd, biex lanqas il-konservattivi stess ma kienu qaddisin. Però kienu jippretendu li huma, għax hekk kien jaqblilhom.” 

Irrakkonta ma’ din il-gazzetta li hu ħareġ fil-beraħ li hu omosesswali fl-1972. Dak iż-żmien kien jgħix Sydney. Madwar tliet snin wara kellu għarus u darba minnhom filgħodu, ġewwa George Street, waħda mill-iktar toroq mimlija bin-nies fil-Belt ta’ Sydney, iddeċidew li jżommu id xulxin.  “Id-dinja baqgħet iddur,” insista, ħadd ma nsulutahom, u kull meta rritorna lura lejn Malta, sostna li dejjem għex ħajtu fil-beraħ. 

Minkejja dan, jirrakkonta wkoll kif fl-1994, kien mistieden biex jidher fuq il-programm ‘Pjazza Tlieta’ u rrifjuta minħabba li kien beda’ jirriċerka l-omosesswali f’Malta u “ma xtaqtx inkun parti mill-istorja ta’ Malta” imma minflok jibqa’ oġġettiv.  Imma ġara li sagħtejn qabel il-programm, Chetcuti jirċievi telefonata mingħand il-mibki Mario Azzopardi (Il-Mulej), jitolbu spjegazzjoni u għalkemm spjegalu kif kien jaħsibha, il-Mulej ordnalu jieħu sehem.  

“Qalli, Ġuż, ma tafx li f’Malta, meta xi qassis, avukat jew tabib jiftaħ ħalqu kulħadd jiftaħ widnejh.  Spjegatlu li z-ziju tiegħi (Guzè Chetcuti) kien wissieni biex ma nidhirx fuq il-program.  U l-Mulej wieġeb, ‘Ħalli kollox f’idejja.  Inkellmu jien.”   

Mar, il-programm sar, kif spiċċa ħaddiem tal-produzzjoni avviċinah u qallu li grupp ta’ rġiel riedu jkellmuh. Ħaseb fl-agħar, ma kienx jaf min huma imma niżel jikkonfrontahom u fi kliemu “kont lest nibgħathom jixxejru” iżda, meta niżel sab ġemgħa ta’ rġiel gay iċapċpulu. 

“Wara l-program Pjazza Tlieta, Lou Bondi u jien morna nieħdu drink f’Potters.  Sibna kommunità ommosesswali ċċassata.  Bilkemm emmnu dak li kienu raw minn fuq it-televiżjoni.  Kienet l-ewwel darba li persuna professjonali omosesswali dehret targumenta ma’ psikologu u qassis.” 

X’kien jiġri jekk koppja omosesswali tinqabad flimkien? 

Mistoqsi x’kien jiġri jekk koppja omosesswali tinqabad flimkien, huwa wieġeb li dak jiddependi jekk kontx sinjur jew le. Hawn isemmi koppja li minħabba li kienu sinjuri, mhux biss kienu jgħixu flimkien mingħajr ebda inkwiet talli, skont Chetcuti, abbużaw id-dritt tal-adozzjoni sabiex wieħed minnhom jibqa’ jgħix Malta. 

“Differenti jekk tkun persuna bħal Robert (Bobbie) Papagiorcopulo u sieħbu l-iSkoċċiz.  F’każ bħal dak tispiċċa bi żjara mill-pulizija u anke ħabs. Din hi l-ġustizzja li jemmnu fiha l-konservattivi.” 

Żied jgħid li kien hemm każi ta’ nies li ġew imsawwta, jew affaċċjaw diskriminazzjoni sfaċċata talli kienu omosesswali. Anzi mhux imsawwta biss imma anke maqtula.  Hawn Chetcuti jsemmi l-qtil ta’ Joseph Campbell, ta’ Duminku Zammit u ta’ Bertu Vella (iċ-Ċikless).  

Jsemmi wkoll li kien hemm serq u rrikattar fuq persuni omosesswali, tant li ħafna kienu jibżgħu javviċinaw lill-pulizija. 

Il-ġenerazzjoni tal-lum jgħidu li ma jridux tikketti’... imma? 

Joseph Carmel Chetcuti jgħid mal-ILLUM li fis-snin 70, persuni omosesswali ġġieldu biex jaċċettaw lilhom infushom kif inhuma u mhux kif jixtiequ li jkunu jew kif ħaddieħor xtaqhom illi jkunu. 

Intant, irġiel omosesswali, iktar kemm beda’ jgħaddi ż-żmien, iktar bdew jużaw termini deskrittivi biex jidentifikaw irġiel oħra fi ħdan il-komunità. Tiketti bħal Beary, għal raġel b’naqra żaqq u sufi, jew otter, għal raġel sufi imma irqiq, bdew jiddominaw l-ewwel il-komunitijiet LGBTIQ fl-Istati Uniti u bil-mod sabu triqithom lejn il-gżejjer Maltin ukoll. Il-gazzetta staqsiet lil Chetcuti jekk għandux opinjoni dwar dan. 

“Il-ġenerazzjoni tal-lum jgħidu li ma jridux tikketti.  M’għadhomx omosesswali u spiċċaw jagħtuna ruxxmata tikketti iktar milli aħna qatt stajna nimmaġinaw.  Illum kulħadd non-binary.  Ftit, ftit, qed jidħlu lura f’qoxrithom, fil-kabinett.  Jiġġieldu għaż-żwieġ imma jridu jibqgħu jgħixu qishom mhumiex miġġewwġa.  Bla responsabbilitajiet.  Għalija t-tikketti juru nuqqas ta’ rispett lejn id-dinjità tal-bniedem.  M’għandi ebda interess inkun naf jekk wieħed hux top jew bottom.  Jekk wieħed jgħabbi jew jiġix mgħobbi.” 

Spjega li fis-70ijiet, il-moviment kien maħtuf, skont hu, mill-lesbjani separatisti u radikali, it-Trotkyites, l-Internationali Socialists, l-iSpartacists u l-Anarkisti.  Minkejja dan iżied jgħid li dawn kienu gruppi zgħar li qatt ma rrapreżentaw lill-kommunità inġenerali.  

Fakkar li issa hemm dik imsejħa bħala ‘Cancel Culture,’ li tiddeskrivi moviment li jikkanċċela l-istima ta’ ċelebrità, persuna, post, jew ħaġa bbażat fuq imġieba li għalihom titqies offensiva. Huwa jgħid li jekk ma taqbilx ma’ dan il-moviment dlonk tarahom iqaċċtuk u għalhekk persuna trid toqgħod mitt darba iktar attenta xi kliem tuża. Skont Chetcuti din hi forma ġdida ta’ ċensura. 

“Pressjoni biex tagħlaq ħalqek.  Fis-70ijiet kellna ċ-ċensura mill-lemin,  illum ċensura mix-xelluġ.  Mill-kommunità tagħna stess! Nemmnu jew ma nemmnux fid-diversità?  Jew nemmnu fid-diversità meta u fejn jaqblilna?” 

‘Lanqas biss kien jgħaddili minn moħħi li jien kont bħal ‘dawk” 

Chetcuti jirrakkonta mall-ILLUM kif meta kien żgħir...“Konna noqgħodu Strada Skoccese, il-Belt.  Darba minnhom kont fil-gallerija.  Rajt ‘sinjorina’ nieżel it-taraġ lejn il-Mandraġġ.  Naħseb kien il-Każan.  Għalija kien miexi qisu mara għalkemm ma nafx jekk il-mixja tan-nisa hiex daqstant differenti minn dik tal-irġiel.  Insomma, kien qed iżegleg!” 

Jgħid li dak iż-żmien ma kienx iħoss li kellu identità omosesswali u lanqas biss kienet tgħaddilu minn moħħu li seta’ kien omosesswali. Żmien wara huwa gradwa fix-xjenza politika, mill-Università ta' Melbourne, b’liċenzja wkoll fit-Teoloġija tant li daħal novizz mal-Franġiskani Minuri Kontwentwali ġewwa Anglesey, North Wales. 

“Darba minnhom, is-surmast tan-novizzi qalilna li jekk aħna omosesswali, il-ħajja reliġjuza mhux għalina.  Bdejt naħseb jekk kienx qed jirreferi għalija.  Illum naf li kien hemm iktar minn wieħed.  Dak seħħ fl-1969, wara l-irvellijiet ta’ Stonewall.  Dak iż-żmien ma kontx naf bihom dawn l-irvellijiet.  Ftit snin ilu indunajt li kien hemm konnessjoni bejn x’qal is-surmast tan-novizzi u l-irvellijiet imma kif jgħid l-Ingliż, God works in mysterious ways!” 

L-irvellijiet ta’ Stonewall kienu sensiela ta’ protesti spontanji minn membri tal-komunità omosesswali b’reazzjoni għal rejds  tal-pulizija li bdew fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu tat-28 ta’ Ġunju, tal-1969, fi Stonewall Inn fil-viċinanzi ta’ Greenwich Village, fil-Belt ta’ New York.  

Pass pass l-istorja politika mill-1973 sal-lum 

Id-29 ta’ Jannar, 1973. Il-Parlament Malti taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Dominku Mintoff japprova d-dekriminalizzazzjoni tal-omosesswalità, bi 28 vot favur u 26 kontra.  

“Il-wasla tal-Ingliżi f’Malta fetħitilna tieqa.  Bdejna naraw dak li fl-imgħoddi kien mistur. L-immigrazzjoni minn Malta lejn l-Awstralja kellha l-istess effett fuq il-Maltin ta’ Malta. F’daqqa waħda sabu Maltin, bħalhom, li ma kinux jaħsbu bħalhom f’kollox. Is-sħubija fl-UE ftit kellha impatt fuq l-omosesswali f’Malta.” 

Chetcuti jirrikonoxxi it-tibdil li seħħ u jgħid li dan seħħ bil-kuraġġ ta’ Perit Duminku Mintoff u Joseph Muscat. Jgħid li l-unika differenza bejn it-tnejn kienet li Mintoff stenna rebħa elettorali qabel ħabbar li kien se jemenda l-Kodiċi Kriminal biex jiddekriminalizza atti omosesswali u l-adulterju filwaqt li Muscat ħabbar kollox qabel l-elezzjoni. 

Mistoqsi liema kienu l-iktar tragwardi diffiċli għal komunità huwa wieġeb li hemm tnejn. L-ewwel waħda hi t-tneħħija ta’ atti omosesswali minn reat tal-1973 li offriet l-opportunità unika lill-omosesswali ta’ Malta biex joħorgu fil-beraħ.  Iżda skont Chetcuti, “sfortunatament, ħafna minnhom baqgħu reqdin.  Ma kien hemm ebda ġlieda għal-liberazzjoni kif rajna fl-Awstralja, l-Ingliterra, l-Amerika, il-Kanada u New Zealand.” 

It-tieni tragward kien iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess li ta rikonoxximent ċar tal-ugwaljanza bejn koppji eterosesswali u koppji omosesswali.  Hawn huwa jżied li l-iktar importanti minn dan ir-rikonoxximent, hi l-kwalità ta’ mħabba li terrenja bejn raġel u raġel, u mara u mara. “Ma tantx jien dilettant tal-espressjonijiet ‘husband’ u ‘wife’.  M’hemmx bżonn nimmitaw lill-eterosesswali,” qal l-attivist.  

Imma minn wara l-1973 ġraw numru ta’ liġijiet li skont Chetcuti huma “importanti ħafna”. Dawn huma; 

  • Is-Civil Unions Act (2014), 
  • Il-Gender Identity, Gender Expression and Sex Characteristics Act (2015), 
  • L-Affirmation of Sexual Orientation, Gender Identity and Gender Expression Act (2015), 
  • Il-Marriage Act and Other Laws (Amendment) (2017), u 
  • Il-Cohabitation Act (2020). 

Minkejja dawn il-liġijiet Joseph Carmel Chetcuti jgħid li tibdil fil-ligijiet jirrapreżenta biss parti mill-ġlieda tal-omosesswali.  “L-ikbar ġlieda hi li nbiddlu lilna nfusna u nirbħu l-appoġġ tal-poplu,” tenna. 

Kemm kienet iebsa biex naslu fejn wassalna illum? 

Fl-1973 probbabli ħadd ma kien jimmaġina li l-omosesswali f’Malta se jkollhom il-libertà li tant kienu joħolmu li se jkollhom, wisq aktar li jiġu trattati bħal kwalunkwe koppja oħra. Minkejja it-titli bombastiċi fuq ġurnali barranin bħal “għaliex il-gżira żgħira ta’ Malta għandha l-aktar liġijiet progressivi favur l-omosesswali, il-kommunità għaddiet minn bidliet u sfidi liema bħalhom sabiex tasal hawn. Il-gazzetta għalhekk staqsiet: Kemm kienet iebsa biex Malta tasal hawn? 

Huwa b’umiltà wieġeb li xejn mhu faċli fid-dinja u li hemm bżonn niġġieldu għal dak li rridu u nemmnu fih u li fuq kollox hu ġust. Fakkar li meta kien Malta, ċertu isqof sostna li l-aġenda ta’ Chetcuti kienet qed tagħmel il-ħsara lill-Knisja imma “illum nafu minn kellu raġun.” Dan għaliex anke l-Papa Franġisku biddel il-mod ta’ kif il-Kinsja tħares lejn l-omosesswali. 

“Fl-aħħar mill-aħħar, il-knisja hi sptar għall-midinbin, mhux palazz għall-qaddisin. Dnubiet għandi iżda l-orjentazzjoni omosesswali tiegħi u l-espressjoni responsabbli ta’ din l-orjentazzjoni żgur mhumiex fost id-dnubiet tiegħi,” temm jgħid mal-ILLUM Joseph Carmel Chetcuti. 

More in Intervisti