Intervista | 'Il-vaċċin huwa l-uniku soluzzjoni ... imma sadanittant ejjew nidraw ngħixu normal ġdid'

Il-mara tal-mument titkellem mal-ILLUM  - dwar il-vaċċin, l-antibodies, l-ajruport u n-normalità l-ġdida...

Charmaine Gauci
Charmaine Gauci

Kuljum kulħadd ikun qed jistenniha biex jismagħha tagħti l-aħħar dettalji dwar il-COVID-19, iżda xogħol il-Professur Charmaine Gauci ma jiqafx mal-coronavirus. Il-gazzetta ILLUM tkellmet mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika dwar ix-xogħol kollu li jitwettaq fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika.

Fil-fatt, dan id-Dipartiment għandu taħtu tliet direttorati: Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, li jippromovi l-ħajja sana u anke jaħdem fuq il-prevenzjoni ta’ mard infettiv bħalma hija l-influwenza, id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali, li fost oħrajn iħares lejn is-sigurtà fl-ikel u l-ambjent u anke d-Direttorat li huwa responsabbli għall-istandards fis-servizzi tas-saħħa, fejn minn dan id-Direttorat jinħarġu l-liċenzji għas-servizzi li huma relatati mas-saħħa, mill-spatrijiet u l-kliniċi bħal tal-X-rays għall-ħwienet tat-tatoos.
Iżda xogħolha ma jiqafx hawn. Gauci u t-tim tagħha huma responsabbli mill-aspett regolatorju kollu tal-mediċini, mill-manifattura sakemm dawn jaslu għand il-pazjent. Fil-fatt, minn taħt id is-Supretendent tas-Saħħa jgħaddu wkoll il-mediċini kollha li jitpoġġew fuq is-suq u hija wkoll responsabbli mil-liċenzjar tal-ispiżeriji. Taħtha jaqgħu wkoll il-Kunsilli tal-professjonisti tas-saħħa bħall-Kunsill Mediku li huwa responsabbli mit-tobba u d-dentisti, il-Kunsill għall-Infermiera u Qwiebel u professjonijiet oħra.

Apparti dawn, għandha sezzjoni li taħdem fuq l-istrateġiji dwar aspetti ta’ saħħa pubblika  differenti, bħal dawk fuq it-tabakk u sentejn ilu waqqfet dipartiment ieħor li jħares fuq kif sfidi soċjali, bħalma huma l-faqar, il-qagħad u l-akkomodazzjoni jistgħu jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem.

X’kienet l-aktar deċiżjoni diffiċli li ħadet il-professur Gauci?

Ovvjament bħalissa ħafna mir-riżorsi huma ffukkati fuq il-COVID-19 li ġie fuqna bħal sajjetta fil-bnazzi. L-ILLUM staqsiet lill-Professur Gauci x’kienet l-aktar deċiżjoni diffiċli li ħadet fl-aħħar ġimgħat.

“Meta għalaqna l-ħwienet kienet waħda mid-deċiżjonijiet diffiċli. Għandek persuni li l-uniku dħul tagħhom huwa minn dawn il-ħwienet. Apparti s-sidien hemm il-ħaddiema u l-familji tagħhom,” saħqet Gauci.

Deċiżjoni oħra diffiċli kienet meta ġew biex jingħalqu l-iskejjel.

“L-edukazzjoni hija waħda mill-aktar aspetti bażiċi importanti u għalhekk bi qbil  mal-Ministeru għall-Edukazzjoni rajna kif nistgħu nassiguraw li l-istudenti jkunu jistgħu jkomplu bit-tagħlim. Ma rridux li għax inzertaw fl-iskola fi żmien il-pandemija dan ikun ta’ dettriment għall-karrieri tagħhom fil-futur. Vera li l-aspett ta’ kuntatt fiżiku  jibqa’ importanti imma bħalissa dan mhux possibbli. Hija sitwazzjoni ġdida u rridu nimprovizzaw,” saħqet Gauci.

Il-COVID-19 kemm se jinfetta Maltin u Għawdxin?

Is-sitwazzjoni hija stabbli iżda l-awtoritajiet għadhom qed jippjanaw għall-agħar xenarji. L-ILLUM staqsiet lill-Professur Gauci kemm qed ibassru li dan il-virus jolqot Maltin u Għawdxin.

Gauci spjegat kif l-awtoritajiet qed iħarsu lejn żewġ aspetti. Wieħed mill-mudelli li qed iħarsu lejn huwa bbażat fuq dak f’Ħong Kong, anke għax is-sitwazzjoni, fejn tidħol id-densità tal-popolazzjoni, hija simili għal dik f’Malta.

“Meta għandek densità għolja, ir-rata ta’ trasmissjoni se tkun akbar,” spjegat Gauci. “Aspett ieħor li jista’ jżid it-trasmissjoni jinsab fil-kultura tagħna għax aħna nħobbu noħorġu u niltaqgħu mal-familji. Hija sabiħa imma fiċ-ċirkostanzi ma tgħinx. Għalhekk addattajna l-mudell ta’ Ħong Kong li jimmudella s-sitwazzjoni skont il-każijiet u l-impatt fuq kemm se jiġu affetwati nies. Permezz tiegħu rajna, skont kemm tkun ir-rata ta’ trasmissjoni, kemm se jkollok nies li jimirdu, li se jkollhom jidħlu l-isptar, kemm se jkollok pazjenti fl-ITU u anke kemm jista’ jkollok imwiet.”

Apparti minn hekk, kompliet tgħid Gauci, bħalissa qed isiru testijiet fil-laboratorji fuq id-demm ta’ persuni biex wieħed jistabbilixxi kemm persuni ltaqgħu diġà mal-virus u allura żviluppaw anti-bodies.

“Bħalissa qed nivvalidaw dawn il-kits biex meta jkollna kits tajbin inkunu nistgħu nkomplu bl-istudju tagħna biex nistabbilixxu kemm kellna nies mill-popolazzjoni li diġà kienu infettati biex b’hekk inkunu nistgħu naraw x’jista’ jiġri f’każ li jkollna t-tieni mewġa,” spjegat Gauci.

La ħafna qed ifiequ mingħajr bżonn ta’ kura, hemm bżonn li jkollna vaċċin?

Ftit kienu l-pazjenti f’Malta li kellhom jiddaħħlu l-isptar. Ħafna baqgħu d-dar u fiequ mill-virus. Allura għaliex hemm bżonn il-vaċċin?
Il-Professur fakkret li anke jekk il-maġġoranza tal-pazjenti f’Malta kienu nies ta’ età medja, jibqa’ l-fatt li l-anzjani u dawk b’mard kroniku jibqgħu l-aktar vulnerabbli.

“Il-biża’ tagħna hija li jekk ikollok it-trasmissjoni fil-komunità u l-anzjani jibdew joħorġu, hemm ċans li jiltaqgħu mal-virus, jimirdu u jiżviluppaw kundizzjonijiet serji. Dan huwa virus qattiel u jmarrad ħafna nies. L-uniku soluzzjoni biex tkun tista’ tmur lura għan-normal huwa l-vaċċin,” saħqet Gauci. “Sakemm ma hemmx vaċċin irridu nibqgħu għaddejjin bil-miżuri ta’ distanzja soċjali.”

La min fieq ikun żviluppa anti-bodies mhux aħjar li jimirdu aktar nies ħalli nkunu nifilħu għall-virus?

Din il-ġimgħa ħarġet ukoll l-aħbar li min fieq mill-COVID-19 qed ikun avviċinat biex jagħti d-demm hekk kif potenzjalment dan jista’ jkun ta’ għajnuna għal dawk infettati. L-ILLUM staqsiet lill-Professur jekk ikunx aħjar li aktar persuni jimirdu bil-virus biex il-popolazzjoni tiżviluppa l-anti-bodies li jiġġieldulu.

Bdiet tispjega kif ir-riċerka dwar dan għadha għaddejja anke biex ikun stabbilit jekk min ikun fieq mill-virus ikunx żviluppa biżżejjed anti-bodies li jipproteġuh ġaladarba jerġa’ jiltaqa’ mal-virus.

“Mela trid tistabbilixxi jekk tiżviluppax anti-bodies, jekk tiżviluppax biżżejjed u kemm idumu jservu dawn l-anti-bodies għax inti ma tafx kemm se ddum ma terġa’ tiltaqa’ miegħu,” spjegat. “Fil-każ tal-influwenza, tiżviluppa anti-bodies għal ftit xhur. Fil-każ tal-anzjani, għal erba’ xhur biss.”

Propju għalhekk li l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa qed twissi biex l-ebda pajjiż ma jmur “għall-immune passport,” fejn għax persuna tkun fieqet tista’ titħalla tmur fejn trid.

“Dan kollu se jkollu impatt fuq l-iżvilupp tal-vaċċin,” insistiet Gauci.

Ħafna mill-pazjenti f’Malta mhux qed ikollok sintomi. Kif nikkumparaw ma’ pajjiżi oħra?

Huwa fatt li ħafna mill-pazjenti f’Malta ma żviluppawx sintomi. L-ILLUM staqsiet lil Gauci kif nikkumparaw ma’ pajjiżi oħra.
“Simili,” bdiet twieġeb. “Bdejna nagħmlu t-testijiet fuq nies bla sintomi f’dawn l-aħħar ġimgħat u sa issa r-rata hija ta’ 13% mit-total tal-każi pożittivi. Minn dawn neħħejna l-50 resident taċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far. Neħħejnihom għax minħabba diffikultà fil-kommunikazzjoni ma tkunx tista’ tistabbilixxi eżatt jekk kellhomx sintomi jew le.”

Gauci insistiet ukoll li ftit huma l-pajjiżi li qed jagħmlu testijiet fuq persuni bla sintomi bħal Malta.

Bħalma qed isiru testijiet fuq ħaddiema tas-saħħa u carers jistgħu jsiru wkoll testijiet fuq l-ispiżjara?
Spiżjara li tkellmu mal-ILLUM talbuna nistaqsu lil Gauci jekk jistgħux jibdew jiġu ttestjati anke huma, l-istess kif qed isir lill-ħaddiema tas-saħħa u l-carers.

Dwar dan il-Professur saħqet li min irid iserraħ rasu, anke jekk sintomi ma għandux, jista’ dejjem iċempel 111.

“Aħna ressaqna t-testijiet kemm jista’ jkun lejn il-komunità. Ftaħna żewġ ċentri, f’Ħal Farruġ u Pembroke li huma drive-through. Persuni jmorru bil-karozza, isirilhom it-test mill-karozza u jibqgħu għaddejja. Għandna ċentru f’Għawdex u anke ċentru f’Mater Dei għall-ħaddiema,” kompliet tispjega.

Għadek fiduċjuża li t-tieni mewġa ma sseħħx Malta?

Din il-ġimgħa rajna wkoll sitwazzjoni fil-Ġermanja fejn kien hemm żieda fil-każi wara li ġew irrilaxxati xi miżuri. L-ILLUM staqsiet lil Gauci jekk għadhiex fiduċjuża li t-tieni mewġa ma tersaqx lejn Malta.

Gauci spjegat kif f’ħafna mill-pajjiżi fejn żdidulhom il-każi marru minn sitwazzjoni ta’ lockdown totali għal rilaxx ta’ ħafna miżuri f’salt.
“Aħna tgħallimna minn dawn is-sitwazzjonijiet. Għalhekk ftaħna ftit miżuri biex naraw x’se jkun l-impatt tagħhom. Jekk nibqgħu hekk, inkunu nistgħu nkomplu b’miżuri oħra. Il-koperazzjoni ta’ kulħadd tibqa’ importanti.”

Fakkret ukoll f’fattur ieħor li ma hemmx ċertezza dwaru, jiġifieri jekk is-sħana tnaqqasx il-firxa tal-virus. “Irridu nkunu mħejjija għal kollox. Jekk f’Ottubru jibda jerġa’ jqajjem rasu, irridu nkunu lesti.”

Tibża’ li issa n-nies tibda tiddejjaq u tibda toħroġ aktar?

Il-ġranet sbieħ bdew u x-xemx hija wkoll importanti għall-bniedem. Staqsejna lil Gauci kif jista’ jinħoloq bilanċ bejn l-appelli biex wieħed jibqa’ d-dar u li persuna toħroġ tieħu ftit xemx.

“Jekk wieħed se joħroġ importanti joħroġ f’ħinijiet u jmur f’postijiet fejn ma jkunx hemm ħafna nies,” saħqet il-Professur. “Importanti li meta wieħed joħroġ jibqa’ għaddej u mhux joqgħod jieqaf. Hekk tkun qed tagħmel aktar eżerċizzju u ma tkunx viċin persuni.”

Ħafna min-negozji f’Malta jiddependu mit-turisti. Hemm ċans li l-ajruport jinfetaħ?

Tkellimna wkoll dwar l-ajruport, anke għax l-ekonomija Maltija kważi kważi tiddependi b’mod esklussiv mit-Turiżmu.

“Malli se tiftaħ l-ajruport, se jibdew ġejjin in-nies minn diversi pajjiżi u dak huwa riskju li jerġa’ jibda jkollok it-trasmissjoni...Hemm pajjiżi li jimmoniterjaw biss il-pazjenti li jiddaħħlu fl-isptar u allura r-rata fil-komunità ma tkunx magħrufa u għalina dik importanti,” spjegat Gauci waqt li saħqet li Malta tista’ tikkontrolla aktar il-fruntieri għax hija gżira.

Fakkret kif minkejja li Malta rnexxielha tikkontrolla l-każi importanti, xorta kellek każi li ħarġu fil-komunità u għalhekk li l-ftuħ tal-ajruport tibqa’ miżura ta’ “riskju għoli.”

X’se jkunu l-miżuri mnaqqsa fil-jiem li ġejjin?

Ma’ Gauci l-ILLUM tkellmet ukoll dwar il-miżuri li se jkunu rrilaxxati fil-jiem li ġejjin jekk is-sitwazzjoni tibqa’ stabbli. Bdiet tispjega kif ġew identifikati kriterji li jistabbilixxu kif jinfirex il-virus.

“Għalhekk kull miżura ngħatat riskju: baxx jew intermedju, medju, għoli jew għoli ħafna. Sa issa rrilaxxajna dawn ta’ riskju baxx jew intermedju. Jekk nibqgħu għaddejjin tajjeb, inkunu nistgħu naslu għall-miżuri ta’ riskju medju. Ovvjament ir-rilaxx isir iżda dejjem trid iddaħħal miżuri ta’ mitigazzjoni magħhom,” saħqet Gauci.

Fl-aħħarnett, x’inhu l-appell tiegħek dwar it-teleworking?

Charmaine Gauci saħqet li tifhem li min iħaddem jixtieq li mmorru lura għan-normal, iżda fi kliemha għalissa dan mhux possibbli. L-appell tagħha huwa biex fejn it-teleworking ħadem dan jinżamm

.“Minn din il-pandemija tgħallimna wkoll. Antiċipajna miżuri. Hemm mezzi li bdejna naħdmu bihom u li huma tajbin,” saħqet Gauci. “Ix-xogħol jidher. Jekk ix-xogħol baqa’ għaddej normali, it-teleworking għandu jibqa’.”

L-appell tagħha huwa biex kulħadd jaddatta malajr għal dawn is-sitwazzjonijiet ġodda. “Ejjew naddattaw għal dan in-normal ġdid. Hekk nibqgħu nimxu mal-miżuri mingħajr piż żejjed u kulħadd ikun qed jgħin fil-kontroll tal-pandemija.”

More in Intervisti