Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Froġa imperjali

Joe Ellis jitkellem dwar il-Brexit

Joe Ellis / 1 ta' Lulju 2016 19:53
Brexit: Froġa Imperjali
Bil-mod il-mod, il-poplu tar-Renju Unit qiegħed jirrealizza l-froġa li qela’ nhar il-Ħamis li għadda.

Malli dehret ix-xejra tar-riżultat, Nigel Farage, il-kap tal-UK Independence Party f’diskors ewforiku li ta fl-4 am, tkellem dwar għabex ġdid għar-Renju Unit u illi dan kien il-jum tal-indipendenza tar-Renju Unit.  Nigel Farage ma damx ma rtira minn waħda mill-għajtiet prinċipali tal-kampanja tiegħu.  Qal illi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-U.E. ma kienx ser ifisser illi r-Renju Unit immedjatament kien ser jiffranka £ 350 m fil-ġimgħa illi jkunu jistgħu jiġu nvestiti fin-National Health Scheme.

L-MEP konservattiv Daniel Hannan illi kien ukoll favur il-Brexit f’daqqa waħda ddikjara illi wara kollox il-moviment ħieles illi r-Renju Unit ser ikollu jaċċetta jekk irid iżomm aċċess għas-suq waħdani ta’ aktar minn 400 m konsumatur ser ifisser livelli simili ta’ immigrazzjoni bħal fil-passat.  Hannan qal “Frankament, min jaħseb illi wara l-vot m’hux ser ikun immigrazzjoni mill-U.E. ser ikun iddiżappuntat.”  Dana minkejja illi l-kampanja għall-Brexit għamlet plejtu kbir dwar l-immigrazzjoni ta’ ċittadini mill-U.E. Anke tat x’tifhem illi t-Turkija kienet ser issir membru dal-waqt u illi r-Renju Unit ma kienetx tista’ żżomm id-dħul tat-Turkija.  Dan meta r-Renju Unit, minn Cameron sa l-mexxej l-ieħor tal-kampanja Vote Leave, l-ekssindku ta’ Londra Boris Johnson, kienu qabel minn ta’ quddiem favur id-dħul tat-Turkija.

Johnson fid-diskors tar-rebħa tiegħu ma weriex l-istess ewforija ta’ Farage.  Anzi stqarr illi m’hemmx għaġla sabiex ir-Renju Unit jinvoka l-artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona.  Johnson ipprova jkun konċiljatorju kemm jista’ jkun mal-kumplament tal-Ewropa imma ma damx ma deher ċar illi ftit kienu dawk fil-kontinent illi kienu lesti għall-kompromessi mar-Renju Unit. 

L-artiklu 50 tat-Trattat tal-Lisbona huwa l-mekkaniżmu illi permezz tiegħu, pajjiżi membri tal-U.E. jistgħu joħorġu mill-Unjoni.  Malli jiġi nvokat, pajjiż ikollu sentejn  biex jirnexxielu jagħlaq in-negozjati tal-ħruġ, liema negozjati jridu jiġu approvati b’maġġoranza kwalifikata tal-pajjiżi membri u tal-Parlament Ewropew. Malli jagħlqu s-sentejn, jekk ma jintlaħaqx ftehim, it-trattati ta’ dħul tar-Renju Unit ma jibqgħux fis-seħħ sakemm ma tingħatax estensjoni għan-negozjati mill-pajjiż membri kollha.  Kwalunkwe ftehim ġdid illi jirregola r-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-U.E., u ma ninsewx illi ftit jew wisq nofs l-esportazzjoni u l-importazzjoni tar-Renju Unit tmur jew toriġina mill-U.E., irid jiġi approvat mill-gvernijiet u mill-parlamenti tal-pajjiżi membri kollha.  Tassew ir-Renju Unit irnexxielha tpoġġi ruħha f’posizzjoni negozjali ferm dgħajfa kif ser naraw.

Fid-diskors tar-riżenja tiegħu, David Cameron illi jġorr responsabilità kbira għal dak illi l-editorjalista ta’ The Guardian, Polly Toynbee qablitu mat-telf tal-kolonji amerikani da parti ta’ Lord North, qal ukoll illi l-artiklu 50 għandu jiġi nvokat mill-prim ministru l-ġdid illi m’hux ser jinħatar qabel Ottubru li ġej.  Skond Matthew Elliott, il-kap eżekuttiv tal-kampanja Vote Leave, ir-Renju Unit għandha tibda negozjati informali dwar ir-relazzjoni futura tagħha mal-U.E. qabel ma tinvoka l-artiklu 50.  Dawn it-taħdidiet għandhom ikopru l-aspetti kollha tar-rapport il-ġdid bejn ir-Renju Unit u l-U.E. inkluż il-kontribut tar-Renju Unit għall-U.E. sabiex ikollha aċċess għas-suq waħdani, it-trattati ta’ estradizzjoni u l-hekk imsejħa “passporting rights” fis-servizzi finanzjarji .  Qal illi ma jara l-ebda raġuni għala m’għandhux jinstab arranġament sensibbli sabiex min jopera fil-qasam finanzjarju mir-Renju Unit ma jistax jibqa’ jbiegħ is-servizzi tiegħu fil-kumplament tal-U.E.

Intant l-ex ministru tad-difiża konservattiv, Liam Fox illi kien ukoll figura prominenti fil-kamp tal-Brexit anke ażżarda biex igħid illi l-anqas hemm għalfejn ir-Renju Unit tinvoka l-artiklu 50 “qabel ma tkun l-ewwel wetqet perjodu ta’ riflessjoni, sabiex il-Kabinett jiddetermina eżattament x’qed infittxu u f’liema perjodu ta’ żmien. Perjodu ta’ kalma, perjodu ta’ riflessjoni, sabiex niddiġerixxu kollox u nistabilixxu x’inhuma t-teknikalitajiet meħtieġa.”  

Madankollu, il-mexxejja ewropea kollha qed jagħmluha ċara illi l-artiklu 50 għandu jiġi nvokat immedjatament sabiex tonqos l-inċertezza.  Juncker għamilha ċara illi qatt ma kien hemm xi relazzjoni passjonali bejn ir-Renju Unit u l-U.E. u d-divorzju m’hux ser ikun amikevoli.  Mill-ewwel  bdew jinstemgħu vuċijiet illi l-kummissarju brittaniku illi kien jieħu ħsieb is-servizzi finanzjarji għandu jitneħħielu l-portafoll u l-bieraħ stess irriżenja.

Minn dan kollu jidher ċar illi l-kamp tal-Brexit ftit li xejn għandu pjan ċar x’ser jiġri wara dan il-vot.  Ikolli naqbel mal-prim ministru skoċċiż, Nicola Sturgeon, illi f’Westminster hemm vojt ta’ poter.  Fi żmien meta r-Renju Unit għandu bżonn id soda fit-tmun,  din l-id ma tidher imkien.  Cameron, illi l-kapaċitajiet ta’ tmexxija tiegħu qatt ma kienu daqshekk impressjonanti, irriżenja.  Suċċessur tiegħu jkun magħruf biss f’Ottubru.  Il-kamp tal-Brexit ma għandu l-ebda pjan xi triq ser jaqbad wara l-vot u ħlief għal Nigel Farage, ma għandu l-ebda għaġla biex jinvoka l-artiklu 50.  U fil-partit laburista hemm irvell sħiħ kontra l-mexxej Jeremy Corbyn illi kellu kampanja referendarja tassew kajmana u idher illi ħafna partitarji laburisti vvutaw għall-Brexit minkejja illi l-posizzjoni uffiċjali tal-partit Laburista u tat-trade unions kienet kontra.  Bosta kienu dawk illi ġew affetwati ħażin bil-proċess ta’ globalizzazzjoni, illi tilfu x-xogħol u l-pagi tajba illi kellhom, illi ddejqu bil-miżuri t’awsterità tal-gvern konservattiv u użaw il-vot biex jirvellaw kontra l-klassi ta’ tmexxija.  U ma tawx każ it-twissijiet kollha illi sarulhom mill-establishment, mill-ex-prim ministri, mill-istituti ekonomiċi, mill-Bank of England, mill-I.M.F. eċċ.

Probabilment illi r-Renju Unit ilu ma jkun f’qagħda daqshekk delikata minn Dunqerque.  L-istess eżistenza tiegħu hijafid-dubju.  Wara illi l-Iskozja vvutat bi ħġarha biex tibqa’ fl-U.E., Nicola Sturgeon ma damietx ma ħabret pjanijiet għal tieni referendum sabiex l-Iskozja tinqata’ mir-Renju Unit.  Sturgeon iddikjarat ukoll illi l-Iskozja kienet ser tibda kampanja diplomatika sabiex iżżomm postha fl-U.E.  Meta kien sar l-ewwel referendum, Spanja ħarġet bi ħġarha kontra tali possibilità minħabba l-biża’ illi l-Katalunja ukoll tiddikjara l-indipendenza.  Imma issa ċ-ċirkostanzi nbidlu. Ir-Renju Unit irid jitlaq imma komponenti tiegħu jrid jibqa’ fl-U.E. Dan huwa territorju totalment ġdid u diffiċli tipprevedi x’ser jiġri.

Anke fl-Irlanda ta’ Fuq illi ukoll ivvutat sabiex tibqa’ fl-U.E.  hemm ċerta movimenti.  Wara illi tħabbar ir-riżultat, id-domanda għall-passaporti irlandiżi illi ċ-ċittadini tal-Irlanda ta’ Fuq għandhom dritt għalih sparat.  L-unika fruntiera tar-Renju Unit mal-U.E. hija fl-Irlanda u fil-preżent din il-fruntiera hija miftuħa.  Imma kwalunkwe pajjiż tal-U.E. jista’ issa joġġezzjoni għal dan u l-istatus ta’ din il-fruntiera żgur ser ikun is-suġġett ta’ diskussjonijiet twal.

Il-mudell illi bosta mill-esponenti tal-Brexit jixtiequ fil-futur hu dak tan-Norveġja.  Wieħed qajla jifhem kif l-elettorat tar-Renju Unit għażel din it-triq.  Minflok ma  jibqa’ membru sħiħ bid-drittijiet u privileġġi kollha relattivi, f’każ li jadotta tali mudell, ikollu jibqa’ jaċċetta l-moviment ħieles taċ-ċittadini tal-U.E. u r-regolamenti kollha li għandhom x’jaqsmu mas-suq waħdieni sabiex iżomm l-aċċess għal dan is-suq.  Barra minn hekk, ir-Renju Unit ikollu jħallas għall-privileġġ għal tali aċċess.  Fil-fatt, in-Norveġja timplimenta 75% tal-liġijiet komunitarji u tħallas ras’imb’ras 85% tal-kontribut attwali tar-Renju Unit imma m’għandha l-ebda kontroll fuq il-liġijiet illi tadotta l-U.E.   L-assurdità tal-posizzjoni illi ħa l-elettorat tar-Renju Unit toħroġ mill-fatt illi jekk s’issa r-Renju Unit kellu dritt ta’ veto fuq membri ġodda bħalma hi t-Turkija, la darba ma jibqax membru, ma jkunx jista’ jżomm id-dħul ta’ membru ġdid.  Imma xorta jkollu jaċċetta illi ċittadini ta’ dan il-membru l-ġdid jaħdmu fir-Renju Unit.  Insomma kapolavur impressjonanti tal-Konservattivi ngliżi.

Tant kemm il-posizzjoni tar-Renju Unit wara dan il-vot hija vulnerabbli illi kważi kważi jiena bdejt nemmen illi l-ebda mexxej brittaniku m’hu qatt ħa jinvoka l-artiklu 50.  Trid tkun verament għami jekk ma tindunax illi ser tpoġġi ruħek f’posizzjoni illi biex tagħlaq ftehim ġdid mal-U.E., ikollok iċċedi lil Spanja konċessjonijiet fuq Ġibiltà u lill-Irlanda fuq il-parti ta’ fuq tal-gżira u l-Greċja ma tridx wisq biex tinsisti illi tieħu lura l-Elgin Marbles ukoll.  U fl-istess ħin timmina l-għaqda tar-Renju.  Ma tridx wisq illi jkollna elezzjoni ġdida fir-Renju Unit u gvern ġdid ma jħossux marbut bir-riżultat tar-referendum illi wara kollox huwa konsultattiv u ma jimminax is-sovranità tal-parlament. 

Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-U.E. jista’ jkun opportunità ġdida għall-U.E. sabiex issaħħaħ l-għaqda bejn il-membri, liema għaqda r-Renju Unit f’dawn l-aħħar snin dejjem ostakola.  Fil-qasam tas-siġurtà u tad-difiża, fl-għaqda bankarja, fis-suq waħdieni u f’ħafna oqsma oħra, hemm lok ta’ aktar ko-operazzjoni u l-assenza tar-Renju Unit tista’ sservi biex l-U.E. issir għaqda ferm aktar koerenti milli kienet fil-passat riċenti.  U r-rapport il-ġdid illi r-Renju Unit ser ikollu mal-U.E. jista’ jservi ta’ eżempju għal min jitħajjar isegwi t-triq ta’ Farage, Johnson u sħabhom.

Fir-rigward ta’ pajjiżna, in-nuqqas ta’ “passporting rights” ta’ kumpaniji fil-qasam finanzjarju bbażati fir-Renju Unit jista’ jiftaħ opportunitajiet kbar illi għandna nibdew nippruvaw nisfruttaw minn issa.  Jekk inħajru l-kumpaniji finanzjarji jiċċaqalqu minn Londra, it-torrijiet illi hemm ippjanati ma jdumux vojta. 

Kif igħid l-ingliż, every cloud has a silver lining.

Avukat, opinjonist, Għawdxi, Ewropeist konvint. Barra l-prattika tal-professjoni li jħobb, hu direttur f'kumpaniji tal-familja. Xogħlu jġibu f'kuntatt ma' nies f'oqsma differenti. Isegwi l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi f'bosta pajjiżi, speċjalment dawk Ewropej. Iħobb b'passjoni l-mużika lirika, klassika imma anke r-rock ta' dari.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook