Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

‘Irridu naqdu lil min ħaqqu, u nfiehmu lil dawk li m’għandhomx raġun’

“Min m’għandux ix-xogħol ta’ ministru hu aktar liberu li jpoġġi x-xogħol tal-Partit bħala prijorità”

John Busuttil / 30 ta' Mejju 2016 17:49
L-uniku kandidat mit-tlieta li qed jikkontestaw il-kariga ta’ deputat mexxej għall-affarijiet tal-Partit li mhux fil-Kabinett hu l-avukat Stefan Zrinzo Azzopardi. Persuna li għal 10 snin kien ukoll il-president tal-Partit Laburista u kkontesta l-elezzjoni ġenerali f’żewġ okkażżjonijiet.

Lanqas laħaq poġġa bilqiegħda fl-uffiċċini tagħna li ma stasejtux il-mistoqsija ‘ovvja’ dwar għaliex jaħseb li d-delegati għandhom jivvutaw lilu bħala deputat mexxej u mhux lit-tnejn l-oħra.

“Inġorr esperjenza ta’ ħidma twila fil-Partit Laburista, u naħseb li dik l-esperjenza tista’ tkun ta’ għajnuna kbira biex inservi bħala deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit. Fil-partit ħdimt fuq saffi differenti. Bdejt il-ħidma tiegħi fuq il-livell lokali, doqt ukoll kif jaħsbuha n-nies meta kont ukoll kandidat u eventwalment għamilt 10 snin bħala president tal-Partit fejn esperjenzajt ir-rebħa kbira li kellna fl-2013. Għixt ukoll iż-żmien meta Joseph Muscat inħatar mexxej tal-Partit u rajt u esperjenzajt ukoll d-diffikultajiet u l-iebes ta’ partit għal snin twal fl-oppożizzjoni. U dawn l-esperjenzi li lili tawni formazzjoni importanti ħafna fil-ħidma tiegħi politika nemmen li jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira biex inkomplu nibnu fuq dak li sar matul is-snin. U fl-istess ħin nagħtu s-saħħa u l-enerġija ġdida lill-Partit Laburista.”

Madwar xahrejn ilu kien hemm l-istess elezzjoni għall-istess kariga, u Stefan ma kienx ikkontesta l-kariga, bl-uniku kandidat kien il-ministru Konrad Mizzi. Dan ifisser li Stefan dawwar ħsiebu fi żmien xahrejn? “L-evalwazzjoni li għamilt biex nikkontesta kienet meta Konrad Mizzi ħabbar li rriżenja mill-kariga. Persuna dejjem tqis li tieħu d-deċiżjonijiet tagħha skont iċ-ċirkostanzi ta’ quddiemha. Anke l-aktar darba li kont avviċinat biex nikkontesta kienet meta kien hemm ir-riżenja ta’ Konrad wara d-deċiżjonijiet tal-Prim Ministru u kien hemm, li ħassejtni komdu li nikkontesta.”

‘Nista’ nagħti iktar enerġija u niffoka fuq ix-xogħol tal-Partit’

Il-‘cavallo di battaglia’ tiegħu u tad-delegati li qed jaħdmu biex jaraw lilu fil-kariga hi għax hu mhux ministru tal-Gvern u għalhekk ikollu aktar ħin għalihom. “Il-konsiderazzjoni li nikkontesta twieldet mill-fatt li rajt li kien hemm bżonn element differenti f’din it-tellieqa bejn tlett iħbieb. Element li jfisser li m’iniex qed nerfa’ r-responsabilitajiet kbar li qed jerfgħu l-ħbieb tiegħi Owen u Chris, u ħassejt li jien stajt nagħti enerġija u niffoka aktar fuq ix-xogħol tal-Partit. Konvint mix-xogħol kbir li qed jagħmel il-Gvern immexxi minn Muscat, xogħol li jista’ jsir minħabba l-ħila tiegħu bħala mexxej flimkien mal-fatt li madwaru għandu tim ta’ ministri li qed jagħmlu xogħol tajjeb u li qed imexxu l-Gvern u lil pajjiżna ’l-quddiem. Min-naħa l-oħra, jien nara sitwazzjoni fejn il-Partit Laburista bħala partit irid jagħmel xogħol politiku li jieħdu lil hinn mix-xogħol tal-Gvern u dan hu element li għandna bżonn insaħħu iżjed. Tajjeb li ngħidu li meta se mmorru għall-elezzjoni ġenerali, se mmorru bħala partit u t-tħejjijiet li jridu jsiru għall-elezzjoni li jmiss apparti mill-istorja ta’ suċċess li qed jikteb dan il-Gvern, irid ikun hemm partit organizzat u mħejji fi żmien fejn il-Gvern għaddej b’ritmu qawwi ta’ xogħol. U jien nista’ nkun dik l-għajnuna u spalla għal Joseph Muscat biex il-partit inħejjuh kemm għall-elezzjoni ġenerali kif ukoll biex nerġgħu noħolqu l-opportunità li jkun il-benniena ta’ ideat ġodda għal ġejjieni tal-Partit Laburista.

“Naħseb li kulħadd ikollu l-elementi li jista’ juża bl-aħjar mod possibbli. Il-Partit irid ikun ħajt ta’ kenn għan-nies. Fis-sens li meta jaraw li dak li għandhom jedd għalih, mhux qed jeħduh, iridu jħossu li hemm partit bi strutturi li jkunu forma ta’ għassies tal-Gvern biex naraw għaliex ċertu affarijiet mhux iseħħu. Nemmen iżda li jrid ikun hemm sinerġija bejn il-Gvern u l-Partit għax wara kollox, il-mexxej tal-Partit hu l-istess Prim Ministru. Illum hemm Joseph Muscat imexxi lil Malta iżda kien il-Partit li beda din it-triq. Jien qed ngħid li x-xogħol li rridu nagħmlu bħala partit għandu jmur lil hinn mix-xogħol tal-gvern iżda nerġa’ ntenni li fl-istess waqt, għandu jkun għassies jew ħajt ta’ wens għal-Laburisti. Jien nista’ nkun dik il-vuċi li tara li tmexxi l-istrutturi tal-partit ’il quddiem.”

Stefan Zrinzo Azzopardi qal ukoll li hi ħaġa naturali, anke jekk inkwetanti li meta partit jitla’ fil-Gvern, l-attenzjoni tispiċċa fuq ix-xogħol tal-gvern. “Nista’ nqabbel dak li kien jiġri qabel id-9 ta’ Marzu 2013 u dak li ġara wara li Muscat sar Prim Ministru ta’ Malta. Mill-esperjenza tiegħi ta’ 10 snin president, il-kwartieri kein dejjem post ħaj, u Joseph Muscat kien ikun il-kwartieri kuljum għax kien mexxej ta’ partit u kien jaħdem biss fuq ix-xogħol ta’ partit. Meta sar Prim Ministru, il-prijorità tiegħu saret u għadha t-tmexxija tal-pajjiż, bil-konsegwenza li l-attenzjoni fuq il-partit tiġi allinjata mar-responsabilitajiet il-ġodda. Konsegwenza ta’ dan, ir-ritmu tax-xogħol tal-partit naqas.”

Ta’ min isemmi wkoll li Stefan Zrinzo Azzopardi ma kienx delegat meta saret il-mozzjoni biex membru parlamentari jkun jista’ jikkontesta l-kariga ta’ deputat mexxej. “Personalment inħoss li jekk niġi magħżul mid-delegati, il-prijorità prinċipali tiegħi se tkun ħidma tal-partit.”

Dwar x’tip ta’ ħidma għandu jagħmel il-partit, Stefan qal li wieħed irid jara wkoll kif jiżvolġu l-affarijiet u x’tip ta’ ħidma se jkun hemm bżonn biex il-kariga ta’ deputat mexxej tkun qiegħda timtela’ b’mod assolut.

“Dan ma jfissirx li skont l-emenda li saret, il-persuni li qed jikkontestaw m’għandhomx dawn il-kwalitajiet, iżda dwar il-kwistjoni tal-prijorità tax-xogħol u r-responsabiltajiet. Naħseb li persuna li m’għandux ix-xogħol ta’ ministru, għandu l-vantaġġ li jagħti prijorità lix-xogħol tal-partit b’mod aktar liberu minn min ikun qed jerfa’ ċertu responsabbilitajiet. Għalhekk jien għamilt din l-għażla li npoġġi ismi fuq il-lista.”

‘Ikun hemm min jagħmel talbiet li ma jistgħux jintlaqgħu’

Fuq il-mezzi tax-xandir, taqra li ħafna partitarji Laburisti qed igergru li ma ġewx moqdija jew li ma saritx ġustizzja magħhom kif kienu mwegħdin. Fid-deputat mexxej qed jaraw il-persuna li jressaq l-ilmenti tagħhom u jgħin li ssir ġustizzja magħhom. “Nifhem u nemmen li wieħed irid jara li kull każ fih l-istorja tiegħu. Jien jinkwetawni l-‘isweeping statements’. Jien inħares lejn il-pubbliku in ġenerali li għandu d-dinjità tiegħu u li għandu jingħata widen biex wieħed jifhem minn xiex ikun għaddej. Hemm nies li minħabba li huma assoċjati u affiljati mal-Partit Laburista, kien hemm żminijiet u ċirkostanzi li dawn ma ħadux dak li kien jixirqilhom u issa qed jitolbu rimedju. Hemm uħud li ħadu, oħrajn li għadhom qed jistennew deċiżjonijiet, u oħrajn iħossu li ma ngħatawx widen biżżejjed għal dak li għaddew minnu. Nemmen li f’dan il-proċess, apparti li nħarsu lejn il-persuni fid-dinjità tagħhom, għandu jkun proċess sinċier billi tagħtih l-opportunità li jkellmek, li tispjegalu, tfissirlu l-affarijiet kif inhuma, u wieħed jieħu d-deċiżjonijiet fuq dak il-każ partikolari u x’tip ta’ għajnuna hemm bżonn, skont iċ-ċirkostanzi. Ħafna drabi jkun hemm ‘statements’ ġeneriċi li mhux qed jinqdew, u fil-verità iva jkun hemm min għandu raġun u jkun hemm oħrajn li jrid ikun hemm aktar ħsieb kif tista’ tasal. Ikun hemm ukoll min jagħmel talbiet li ma jistgħux jintlaqgħu.”

‘Jekk il-Gvern idaħħal l-abort, jien niġġildilha internament’

Stefan Zrinzo Azzopardi hu persuna li ħareġ fil-pubbliku bis-saħħa kontra l-abort u anke kontra l-‘morning after pill’. Dan il-fatt jista’ jpinġih bħala persuna konservattiva meta l-Gvern tal-ġurnata hu wieħed b’mentalità aktar liberali. “Jien kontra l-abort u kontra kull ħaġa li twassal għal xi tip ta’ abort. Iżda nemmen li kif ix-xjenza qed tavvanza, jien persuna b’moħħ miftuħ u lest li nisma’ u niġi konvint bi studji serji. Iżda bħala prinċipju jien ma naqbilx ma dak li jikkawża abort.”

Jekk ikun deputat mexxej u l-gvern tal-ġurnata jdaħħal l-abort, x’jagħmel Stefan Zrinzo Azzopardi? “Inkun persuna li nitkellem kontra. Dak li hu twemmin fundamentali għal din il-mistoqsija ipotetika, bħala deputat mexxej inkun qed nonqos jekk ma ngħidx dak li qed ngħid illum. Niġġilidha bl-istil tiegħi b’dibattitu intern u dixxiplinat li jkun organizzat mill-istrutturi tal-partit. Għalkemm il-Partit dejjem tkellem ċar li hu kontra l-abort.”

‘Il-partit għandu jkun il-gwardjan ta’ dak li jiġri fil-Gvern’

Zrinzo kompla jitkellem dwar kif beħsiebu jmexxi l-proċess jekk jintagħżel bħala Deputat Mexxej, fejn l-istrutturi tal-partit ma jkunux f’vacuum u jiriflettu s-sentiment li jkun hemm barra. “Immedjatament bħala deputat mexxej irrid li flimkien mal-istrutturi tal-partit, mal-unions, korpi kostitwiti, mas-soċjetà ċivili u NGOs inniedu proċess ta’ konsultazzjoni. B’hekk, flimkien mal-grass roots tagħna, nifhmu x’hemm bżonn isir biex minn hemm inkunu nistgħu nitħejjew għall-kungress biex noħolqu linji gwida u minn hemm jitħejja l-programm elettorali.”

Hemm min isemmi li d-deputat mexxej ta’ qablu, Toni Abela kien isib bibien magħluqa fil-ministeri. Għalhekk tlabnieh jgħidilna jekk għandux iċ-ċavetta għal dawn il-bibien. “Kulma trid iżżomm, komunikazzjoni miftuħa. Bil-partit gwardjan ta’ dak li qed isir fil-Gvern, għandu jkun hemm proċess li jsir kuljum fejn wieħed irid jindika b’mod sinċier u korrett fejn qed jeħlu l-affarijiet, u dan għandu jgħin anke lill-Prim Ministru li jkollu rispons importanti. Għax meta l-Prim Ministru se jerġa’ jmur għand il-poplu biex bħala partit inkunu nistgħu nerġgħu niksbu dik il-fiduċja, tajjeb li naraw fejn għandna bżonn insaħħu l-ħidma tagħna biex meta mmorru quddiem il-poplu għall-fiduċja tiegħu nkunu ħadna l-passi meħtieġa u mhux nindirizzaw l-affarijiet meta jkun tard wisq.”

Stefan qal li ċ-ċavetta tas-suċċess tal-2013 kienet li l-partit fetaħ komunikazzjoni qawwija interna u kontinwa, “fejn in-nies tagħna żammejniehom f’kuntatt kontinwu u kollha kienu jħossuhom parti mill-Partit. Issa li l-attenzjoni marret fuq il-Gvern u li qegħdin xhur qabel l-elezzjoni, nemmen li hu l-mument opportun li nerġgħu niftħu bis-sħiħ b’enerġija ġdida din il-komunikazzjoni importanti. Irridu nagħtu t-tweġibiet lin-nies li qed jistaqsu u nindirizzaw l-osservazzjonijiet li qed jagħmlu lill-Gvern.”

 

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook