Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

‘Nilbsu maskra biex naħbu dak li verament qed inħossu’

Minn xhiex jgħaddu ġenituri bi tfal li jbatu minn problemi ta' saħħa mentali? Kemm għenet id-dehra ta' Hector Bruno fuq it-TV? X'sar u x'għad irid isir f'dan il-qasam biex ħajjet in-nies tkun mtejba? 

Albert Gauci Cunningham / 26 t'April 2016 11:07
Vince Tonna
Minkejja li l-mezzi tax-xandir f’dawn l-aħħar ġimgħat kienu kważi esklussivament iffukati fuq il-Panama u minkejja li l-politiċi kienu ffukati fuq maratoni Parlamentari, fir-realtà u lil hinn mid-dominju strett politiku, eluf ta’ nies kienu ffukati fuq affarijiet li jolqtuhom kuljum b’mod iktar dirett. 

Vince Tonna huwa wieħed minn dawk li għalih il-maratoni Parlamentari u l-battibekki politiċi huma xi mkien fuq wara fil-prijoritajiet ta’ ħajtu. Bħala Social Worker għal 30 sena sħaħ, membru tal-Mental Health Association u bħala persuna li għexet u għadha tgħix il-problemi fis-saħħa mentali mill-qrib, il-prijoritajiet tiegħu jiċċentraw madwar il-bżonn illi eluf ta’ nies li għaddejjin minn  diffikultajiet ta’ saħħa mentali jkollhom l-għajnuna neċessarja, kemm fil-komunità u anke lil hinn.

Id-dehra ta’ Hector Bruno...kemm għenet?

Nidba l-intervista ma’ Tonna billi nsemmilu d-dehra ta’ Hector Bruno fuq il-programm Xarabank, fejn dan l-attur ferm famuż lokalment u li ġab tant tbissim u daħq ametta li kien għaddej minn żmien diffiċli, maħkum mid-dipressjoni. 

Kemm tagħmel ġid stqarrija ta’ xi ħadd daqstant magħruf fil-pubbliku? Tonna jwieġeb billi jfakkar illi “bħala persuna li ħdimt u għadni naħdem qrib din ir-realtà, nista’ nassigurak illi anke dawk li jagħtu l-għajnuna lil persuni b’dipressjoni jbatu minn mumenti diffiċli ħafna.” Tonna jfakkar kif l-istress u l-ansjetà jistgħu jkunu fatturi ewlenin f’dipressjoni li jkollha persuna. “Għalhekk meta noħorġu mill-bieb ’il barra ħafna drabi jkollna nilbsu maskra biex il-vera emozzjoni li jkollna naħbuha.”

Dwar Hector Bruno jkompli jgħid hekk “ninżagħlu l-kappell lil Bruno għall-kuraġġ u għall-għajnuna kbira li l-preżenza tiegħu tatna. U meta ngħid tatna qed nirreferi għal madwar 30,000 persuna li f’dan il-pajjiż ibatu minn dipressjoni kronika. 

Ninħasad naqra u nibda naħseb li Tonna ħa żball fin-numri. Imma le. Fi stqarrija maħruġa mill-Kummissarju tas-Saħħa Mentali f’Awwissu 2014 jirriżulta illi f’pajjiżna hawn madwar 30,000 persuna li jbatu minn dipressjoni kronika, bir-rata tkun ogħla fost in-nisa milli fl-irġiel. 

Kemm hi diffiċli li xi ħadd jitkellem dwar saħħa mentali, imma? Kemm tagħmel differenza li xi ħadd bħal Hector jitkellem b’mod apert dwar l-isfidi li qed jiffaċċja? “Tagħmel differenza kbira. Ħafna ma jmorrux għand it-tabib jew psikologu għax jibżgħu li se jibgħathom Monte Carmeli, għalhekk qed nesiġu li kull sptar mentali għandu jkun parti integrali mill-Isptar Mater Dei.”

"Staqsi lill-politiċi għaliex m’hawnx l-urġenza biex niffaċċjaw din il-problema, mhux lili"
“Hawn min ibati mill-kanċer, hawn min ibati mid-dijabete u hawn min ibati minn problemi ta’ saħħa mentali. Jeħtieġ ninormalizzaw l-isfidi li jiffaċċjaw persuni b’dawn il-problemi u nneħħu l-istigma. Kull persuna li tiftaħ qalbha u taqsam l-esperjenza personali tagħha qed tagħmel i-ġid bħalma kien għamel ukoll, id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea wkoll. 

Huwa jgħid li kellu esperjenzi fejn iltaqa’ ma’ nies li jkunu għaddejjin minn żmien tant ħażin u fisser kif hu jirreferihom għand persuna li tkun tista’ tagħtihom l-għajnuna. Minkejja dan, enfasizza illi l-istigma li sfortunatament iġorru sptarijiet bħal Monte Carmeli għadha qawwija u dan jista’ jwassal biex persuna ma tfittixx l-għajnuna fl-aktar punt li verament ikollha bżonnha. 

Statistika bażika dwar is-saħħa mentali għadha nieqsa

Minkejja li nafu li hawn madwar 30,000 li jirrapurtaw li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali, fir-realtà statistika komprensiva dwar dan f’Malta għad ma teżistix. 

Tonna jgħid li huwa importanti li jkollna l-istatistika bħal m’hemm fl-Unjoni Ewropea biex fuqha nkunu nistgħu nibnu l-politiki f’dan il-qasam. Fil-fatt skont statistika li kellu f’idejh Tonna għal waqt l-intervista jirriżulta li fl-Unjoni Ewropea persuna minn kull erbgħa tgħaddi minn esperjenza ta’ mard mentali f’ħajjitha filwaqt li, saħansitra wieħed minn kull ħamest itfal taħt il-15-il sena jgħaddu mill-istess esperjenza. 

‘Għadna qed niftgħu l-problema taħt it-tapit’

Tonna ma jomgħodhiex wisq u jgħid illi minkejja l-progress sar f’diversi oqsma fil-pajjiż, din l-isfida għadha qed tintefa’ taħt it-tapit. L-ILLUM tistaqsih għalfejn iħoss li dan huwa l-każ u jekk iħossx li l-fatt li għandna nqisu dan is-suġġett bħala tabù soċjalment hux qed jirrifletti fuq ċerta inazzjoni jew inerzja mill-klassi politika. 

Tonna jwieġeb fil-pożittiv għaż-żewġ mistoqsijiet u jispjega kif f’pajjiżna għad lanqas hemm informazzjoni ċara u bażika dwar is-saħħa mentali. Fosthom Tonna jindika Mistoqsija Parlamentari illi għaliha ma kienx hemm risposta dwar kemm qed jintefqu flus f’dan il-qasam. “Nafu li bħala pajjiż fl-2015 investejna €461 miljun fil-qasam tas-saħħa, imma kemm minn dawn qed imorru għas-settur tas-saħħa mentali ma nafux.” 

Għalfejn tħoss imma li m’hawnx sens urġenza biżżejjed biex ikun indirizzat dan is-settur? tistaqsi l-ILLUM. “Staqsi lill-politiċi għaliex m’hawnx l-urġenza biex niffaċċjaw din il-problema, mhux lili” tkun ir-risposta pronta ta’ Tonna.  “Mhux hekk biss,” ikompli jgħid, “lanqas għandna rendikont ċar ta’ kemm hemm ħaddiema jew x’nuqqas ta’ ħaddiema hemm f’dan is-settur. Jekk trid tibni politika f’dan il-qasam jeħtieġ illi jkollok, tal-inqas dawn id-dettalji bażiċi.”

Qed isir xogħol...imma għad fadal xi jsir

Vince Tonna iżda jgħid li ma jridx idoqq biss id-diska negattiva u jisħaq illi qed isir ħafna pożittiv anke mill-Gvern preżenti f’dan il-qasam, jibqa’ biss il-fatt li għadu mhux qed isir biżżejjed. 

Jispjega kif taħt din l-amministrazzjoni sar titjib fuq is-servizz ECT li jingħata lil persuni bi problemi ta’ mard mentali, sar titjib kbir fuq il-Community Treatment Orders f’liema każi l-pazjenti jingħataw pjan ta’ kura u anke nfetħu żewġ units separati f’Monte Carmeli biex it-tfal ma jkunux fl-istess post ħdejn l-adulti. 

Minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi l-akbar problema ta’ Tonna hija li saret Liġi tas-Saħħa mentali fl-2012, li magħha qablu ż-żewġ partiti fil-Parlament u minkejja li għaddiet s’issa din il-liġi għadha ma bdietx tkun implimentata. 

"X’jibqa’ f’ġenitur li qed jgħix fil-biża’ li ibnu jew bintu se toħroġ fil-gallarija u tikkometti suwiċidju?"
“Din il-liġi tgħaqqad lil dawk kollha involuti fil-proċess t’għajnuna lill-pazjenti bi sfidi bħal dawn. Il-liġi tgħid li għandek ikollok tim multi-dixxiplinarju li jgħin biex jingħata pjan ta’ kura lil kull min ikun għamel użu mill-isptar. F’dan it-tim ikollok it-tabib, imbagħad il-psikologu u l-psikjatra wkoll, biex b’hekk tkun ikkreata dik ix-xibka t’appoġġ illi sservi ta’ għajnuna lill-pazjent.”

Tonna jfakkar kif l-għan tal-liġi, sabiħa fuq il-karta imma li għadha ma bdietx tkun implimentata, huwa li kull min għandu problemi ta’ saħħa mentali għandu jingħata l-kura fil-komunità. Huwa jfakkar illi fil-fatt din il-liġi mhix qed tivvinta r-rota hekk kif diġà jeżistu pjani ta’ kura simili, fosthom  mal-ħabsin illi għandhom pjan ta’ kura għal kif se jgħixu ħajjithom fil-komunità ladarba jitilqu mill-ħabs.

B’nies professjonisti li jservu bħala tim, ikompli jgħid Tonna, jkun assigurat illi l-pazjent ikun mħares u li tkun assigurata s-saħħa u l-kura kontinwa tal-pazjent. “Imbagħad f’dawk il-każi li huma aktar fit-tul il-pazjent jintbagħat Monet Carmeli jew fl-isptar il-ġdid għal dan il-għan.”

Ma sibt lil ħadd fil-Crisis Intervention Unit

Tonna jitkellem ukoll dwar il-Crisis Intervention Unit u jgħid illi filwaqt li barra minn pajjiżna dan jopera għal 24 siegħa kuljum, f’pajjiżna jopera għal 12. “Ninkwieta illi darba kelli l-esperjenza mill-aktar kerha illi ħadt lil xi ħadd f’dan il-Unit fl-4:00 p.m. u ma sibt lil ħadd li seta’ jgħinni. Kellna minflok immorru l-emerġenza. Tweġġgħak hux, li taf illi għandek unit apposta, imma li mhux qed jopera għax m’hemmx biżżejjed nies.  

Tonna saħaq illi huwa importanti li l-Unit jopera matul il-jum kollu għax f’każi ta’ emerġenza, bħal meta xi ħadd jagħmel attentat ta’ suwiċidju, “ikollok bżonn tim ta’ nies speċjalizzati, mhux tabib komuni li probabilment jgħidlek li l-każ mhux ta’ jdejh.” 

Il-biżgħat tal-ġenituri

Jekk hemm min ibati l-aktar f’dawn is-sitwazzjonijiet, huma żgur il-ġenituri. Tonna jispjega kif fl-esperjenza tiegħu hu jiltaqa’ ma’ ġenituri li jinsabu mwerwrin u li jgħixu taħt il-biża’ kontinwa li wliedhom se jwettqu suwiċidju . 

“Nitkellem f’isem tant ġenituri u carers, għalhekk ġejt biex nitkellem ma’ din il-gazzetta, biex inwassal ir-realtà ta’ tant nies. Meta ġenitur jisma’ b’mod kontinwu lil bintu jew ibnu jgħidlu mà jew pà ddejjaqt ngħix, x’jifdal fih? X’jibqa’ f’ġenitur li qed jgħix fil-biża’ li ibnu jew bintu se toħroġ fil-gallarija u tikkometti suwiċidju? Jew ġenitur li l-ħin kolli jara lil bintu jew ibnu rieqed minħabba l-mediċini jew għax ma jkunx jiflaħ jiffaċċja l-ħajja ta’ kuljum.

 Tonna jgħid li l-akbar żball tal-ġenituri jkun jekk dawn jinjoraw jew jibqgħu jiċħdu din ir-realtà.

Il-faqar u r-realtà tas-saħħa mentali

Lil hinn mis-saħħa, Tonna jgħid illi hemm ukoll il-fattur tal-mezzi finanzjarji. “Għandek individwi jew ġenituri li jifilħu jħallsu għal sessjonijiet għand il-psikologu jew għand il-psikjatra, jifilħu jħallsu biex ikollhom sessjonijiet kontinwi u jibnu relazzjoni b’saħħitha mal-professjonist. Imma dawk li m’għandhomx il-mezzi? Dawk li m’għandhomx il-flus? Dawk x’se jagħmlu?”

Huwa jgħid illi fil-każ ta’ dawk li m’għandhomx biżżejjed flus jibgħat għalik il-psikjatra kull tliet xhur u għalhekk l-għajnuna ma tkunx daqstant effettiva, “ma tinbeniex relazzjoni bejn il-pazjent u l-professjonist biżżejjed.” 

"Int forsi problema kapaċi tiffaċċjaha, imma forsi ħaddieħor le"
Imma allura x’qed jgħid Tonna? Li l-problemi ta’ saħħa menatli huma iktar prevalenti fost il-foqra għax ma jistgħux iħallsu? “Iva, jista’ jkun” jgħid Tonna li jgħid ukoll illi f’każi fejn persuna titlef ix-xogħol u m’għandhiex flus tista’ ddur għal ċerti vizzji bħax-xorb u tipjip. 

“Apparti minn dan hija kwistjoni suġġettiva wkoll u jiddependi mill-karattru ta’ persuna. Int forsi problema kapaċi tiffaċċjaha, imma forsi ħaddieħor le. Jiġifieri għalkemm din hija kwistjoni ta’ klassi soċjali wkoll għax xi wħud m’għandhomx il-mezzi jista’ jkun ukoll li torbot ħafna mal-karattru ta’ persuna.”

Huwa jgħid li hemm bżonn li jkun hemm viżibilità akbar tas-sitwazzjoni reali li fiha qed jgħixu ħafna nies u ħeġġeġ liż-żewġ partiti biex jingħaqdu u jaħdmu għall-għan ta’ għajnuna u kura fil-komunità. “Ejjew naħdmu fuq il-manifesti u l-wegħdi taż-żewġ partiti. Il-liġi tal-Guardianship issa saret, kienet ilha fuq l-ixkaffa tant żmien, jiġifieri affarijiet qed isiru imma għad fadal ħafna xi jsir.”

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook