Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Sena mill-aktar pożittiva qabel is-sena mill-aktar deċiżiva - Zammit Lewis

“Kieku kelli nitkellem dwar x’għamel ħażin il-PN fl-Airmalta jew x’suppost għamel li kien tajjeb u m’għamilx, tista’ taqbad il-gazzetta kollha u ttihieli biex nimlieha.”

Albert Gauci Cunningham / 11 ta' Jannar 2016 16:52
Il-Ministru Edward Zammit Lewis jilqa’ lill-gazzetta ILLUM fl-uffiċċju tiegħu b’ċertu sens ta’ ottimiżmu, u forsi bir-raġun. Bir-raġun għax il-pajjiż għadu ħiereġ minn sena li fiha Malta kisret kull rekord qatt milħuq fis-settur turistiku f’pajjiżna, inkluż rekord multi-miljunarju fl-industrija tal-films.

Minkejja dan, is-sena li għadha kif bdiet tista’ ma tkunx kollha ward u żahar għall-Ministru responsabbli mil-linja nazzjonali tal-ajru, li din is-sena se jkollha d-destin tagħha miktub b’ċertezza. Jew ’l isfel u ’l barra jew inkella aktar b’saħħitha b’sieħeb strateġiku li jista’ jdaħħalha f’era ġdida, anke jekk inċerta għall-bidu.

Niddeċiedi li ma nibdiex bl-Airmalta mill-ewwel u nħalliha għal aktar tard fl-intervista meta din tkun qabdet ritmu aħjar. Għalissa nħarsu naqra lura u nistaqsi lill-Ministru jekk is-suċċess fit-turiżmu huwiex dovut għalih u għall-Gvern jew inkella minħabba fatturi esterni lil hinn minn pajjiżna.

“Iva,” afferma Zammit Lewis, “is-sena l-oħra kienet rekord fejn qbiżna mhux biss il-previżjonijiet tagħna, iżda l-previżjonijiet tal-World Tourism Organisation għal tkabbir fl-Ewropa u fil-Mediterran ukoll.”

Huwa mill-ewwel isemmi ċ-ċifra ta’ turisti li għalkemm għadha mhux uffiċjali mistennija tirrfletti n-numru ta’ wasliet f’Malta. “Fl-2015, se jkunu ġew pajjiżna 1.8 miljun turist, kellna żieda fl-ammont ta’ ljieli u morna tajjeb ħafna fin-nefqa. U huwa dwar dan tal-aħħar li rridu dejjem inħarsu mill-qrib. Irridu nħarsu lil hinn minn kemm ġew turisti biss u niffukaw ukoll fuq kemm qed jonfqu,” qal Zammit Lewis li ma naqasx milli jagħti ftit mill-preġju tar-riżultat lill-Gvern preżenti. “Il-Gvern huwa qrib is-settur privat u qed jaħdem b’interazzjoni kontinwa miegħu u ma’ entitajiet bħall-MHRA. U tinsiex dan il-Gvern raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma li jagħmlu 9% mill-ispiża totali tal-lukandiera.”

Naturalment, il-Ministru jfakkar kif kien hemm fatturi esterni wkoll l-aktar minħabba problema ta’ sigurtà u inċidenti fl-Eġittu u t-Tuneżija li huma pajjiżi ġirien u kompetituri tagħna. M’hemmx dubju li Malta, matul is-sena li għaddiet, kien imissha porzjon konsiderevoli tas-suq ta’ turisti li normalment imorru jixxemmxu Sousse jew iżuru postijiet ta’ storja fl-Eġittu.

Imma din tal-‘kwalità mhux il-kwantità’ issa xbajna nisimugħa u anke jekk jidher li huwa argument li malajr jintogħġob mhux neċessarjament jagħmel sens. Apparti minn hekk, in-narrativa ta’ kull Gvern dejjem kienet favur aktar numri.

“Kieku m’għandniex in-numri, għandna problema, nibdew b’dik. Issa l-kwalità u l-kwantità nistgħu nirrikonċiljawhom għax fit-turiżmu tant sejrin tajjeb li m’għandniex bżonn ‘terapiji xokkanti’. Illum qegħdin f’sitwazzjoni fejn il-lukandiera qed jagħmlu profitti li qatt ma raw qabel, issa anke fix-xitwa qed joperaw bi profitti,” qal Zammit Lewis b’ċertu sens ta’ sodisfazzjon. “Issa għandna ċ-ċans li nirfinaw il-prodott tagħna aktar.”

In-nefqa tat-turist f’Buġibba/Qawra żdiedet b’€20 miljun

Imma dak li qed jgħid il-Ministru, jista’ jkun wisq ta’ ġeneralizzazzjoni. Mhux kulħadd sejjer tajjeb. Mhux kulħadd jista’ jirfina.

Nippreżenta lill-Ministru b’argument li għamel negozjant miegħi m’ilux. Fil-Qawra, madwar ħames snin ilu kienet għalqet lukanda ewlenija ta’ tliet stilel li kienet it-tielet l-akbar lukanda fl-inħawi. Huwa minnu li t-turisti li kienet tattira din il-lukanda partikolari ma kienux miljunarji, anzi kienu ħafna dawk li b’ton kondixxenti kienu jsibuhom bħala l-Ingliżi tal-‘fish and chips’. Imma mal-għeluq ta’ din il-lukanda li kellha mijiet ta’ kmamar, spiċċaw ġew għarkupptejhom madwar 20 negozju ieħor ta’ kull tip. Bl-aktar mod ċar, din tal-kwalità fuq il-kwantità ma ħadmitx hawn u tlifna l-kwantità, ma daħħalniex kwalità u negozji spiċċaw fallew.

Zammit Lewis iwieġeb billi jitkellem dwar iż-żona kollha ta’ San Pawl il-Baħar/Qawra/Buġibba. “Jiena bħala Ministru ma kont xejn kuntent bil-prodott offrut f’din iż-żona imma tajjeb niftakru xi writna hawnhekk. Dan il-Gvern wiret żona fejn kien hemm proċess ta’ lukandi kollha qed jagħlqu. Fil-fatt, għalqu numru sostanzjali ta’ lukandi li kienu ta’ benefiċċju għan-negozji tal-madwar.” Kuntrarjament għal din is-sitwazzjoni, jgħid Zammit Lewis, “illum qed naraw li 11-il lukanda ddeċidew li jagħmlu jew qegħdin fil-proċess li jagħmlu t-tibdiliet. Apparti minn hekk, fl-2015 it-turisti nefqu €20 miljun aktar f’dik iż-żona biss. Hija żona importanti li neħtieġu nagħmlu titjib fiha.”

Zammit Lewis ikompli jgħid, dwar iż-żona turistika ewlenija fit-tramuntana ta’ Malta, li taħt Gvern preċedenti, “kien hemm momentum negattiv, issa dan bdejna ndawruh f’momentum pożittiv. Il-fatt li 11-il intraprenditur qed jagħmlu investiment f’tisbiħ u tibdil jew qed japplikaw biex jagħmlu dan, huwa ċertifikat pożittiv għaż-żona. Baqa’ ħafna xi jsir imma bdejna mexjin.”

L-Airmalta għadha ma sabitx l-identità tagħha

Wara rapporti li dehru f’diversi ġurnali, l-aħħar wieħed ikun kważi b’ċertezza, qed ikun rappurtat kif l-Etihad hija l-linja tal-ajru preferuta biex tkun is-sieħeb strateġiku tal-Airmalta. Zammit Lewis la ċaħad u lanqas ikkonferma dan. “Allura, se tikkonferma jew tiċħad din l-aħbar illum?” Zammit Leiws ma jirrispondix b’mod dirett u minflok jmur lura għar-raġuni għalfejn intagħżel sieħeb. “Il-proċess huwa twil u laboruż. Il-kompetizzjoni li hawn hija kbira. Għandek il-linji tal-ajru l-kbar li ġeneralment jagħmlu vjaġġi twal u anke għaddejjin minn ċerti diffikultajiet. Imbagħad għandek il-‘low cost’ li joperaw fuq mudell differenti u profitabbli. Għax għandhom kontroll strett tan-nefqa. L-Airmalta fejn hi? Qiegħda fin-nofs. Għadha ma sabitx l-identità tagħha.”

Zammit Lewis, f’referenza għad-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo fakkar kif kien hemm min staqsieh għalfejn se ssir il-privatizzazzjoni jekk se niefqu nagħmlu t-telf.

Imma l-Ministru jsostni li l-viżjoni tal-Gvern għal-linja tal-ajru tmur lil hinn. “Irridu nħarsu lejn il-futur tal-linja tal-ajru. Irridu Airmalta li tista’ tikkompeti, li tista’ toffri opportunitajiet lill-ħaddiema tagħha, li jkollha network ta’ rotot ikbar mil-lum u li tiġi fid-daqs it-tajjeb u fis-sitwazzjoni finanzjarja tajba billi tkun kapaċi tikkontrolla l-infiq. Issa jien x’għażla għandi? Jew li naħrab u nipprokrastina jew ngħid li għandna linja tal-ajru li ma rriduhiex tfalli u naħdmu biex naraw li dan ma jseħħx.”

Huwa jgħid li flimkien mal-Prim Ministru, ingħataw parametri ċari lil kull min kien interessat u “għamilnieha ċara li l-Airmalta ma tistax tkun żmantellata u li aħna nibqgħu nżommu l-maġġoranza tal-ishma.”

Imma l-Etihad jew le?

Tajjeb u pożittiv diskors Zammit Lewis, imma dan mhux diskors għall-gallarija, din intervista u l-mistoqsija kienet ċara “jiċħad jew jikkonferma li l-Etihad hija l-linja tal-ajru preferuta mill-Gvern biex tkun sieħeb tal-Airmalta?” Il-Ministru mhux beħsiebu jagħti risposta daqshekk faċli dwar dan u jgħid biss li bħalma ġara dejjem, għaddejjin diskussjonijiet differenti, “biex fl-aħħar tikkonsolida ma’ min huwa l-eqreb għall-parametri tiegħek.”

Nerġa’ nistaqsih allura jekk l-aktar kandidata preferuta hija l-Etihad f’dan il-konsolidament, bit-tweġiba tkun iktar skjetta din id-darba, anke jekk mhux eżattament dak li xtaqt nisma jien. “Ma nistax ngħid min hu s-sieħeb strateġiku għax qegħdin f’mument sensittiv u ma rridx nippreġudika n-negozjati.”

Flotta li tikber għal bejn 12 u 13-il ajruplan

Huwa jgħid li l-objettiv tal-Gvern hu li l-flotta ta’ ajruplani tal-Airmalta tiżdied għal bejn 12 u 13. ‘Imma skużi, dan il-Gvern ma naqqasx il-flotta preżenti?’ nistaqsih mill-ewwel.

Jirribatti billi jgħid li “t-tnaqqis mhux l-objettiv. L-objettiv tagħna huwa li l-Airmalta jkollha bejn 12 u 13-il ajruplan. Dak li qed isir bħalissa huwa parti mill-programm ta’ ristrutturar li aħna obbligati nonoraw, anke jekk huwa ftehim li sar minn Gvern Nazzjonalista.

X’se tkun il-mediċina l-morra? Tkeċċijiet jew tnaqqis fil-perkaċċi?

Fl-analiżi tal-ILLUM (ara paġni 6 u 7), iffukajna fuq il-każ tal-Alitalia u mingħajr wisq sorpriżi, sibna li għalkemm ix-xiri ta’ 49% tal-ishma mill-Etihad sarrfu f’aktar kompetizzjoni u aktar għażla, issarrfet ukoll f’sagrifiċċji mill-ħaddiema.

‘Se jkollok bħala Ministru u bħala parti mill-Gvern tliet għażliet’, fakkart lil Zammit Lewis. Dawn huma li jew jitnaqqsu n-numru ta’ impjiegi, jew inkella li jitnaqqsu l-pagi jew inkella li jinqatgħu xi perkaċċi. Kif jingħad bl-Ingliż, ‘something’s gotta give’, ma jistax ikollok bidla daqshekk drastika u ma jkollokx xi tnaqqis minn hawn u minn hemm. Liema minn dawn it-tlieta qiegħed jeskludi l-Gvern? Jew mhu qed jeskludi xejn?

Zammit Lewis jgħid li għalih il-ħaddiema huma komponent ewlieni f’dawn in-negozjati. “Il-ħaddiema huma għal qalbi u għamlu ħafna sagrifiċċji,  ikkoperaw magħna u wasalna fejn wasalna grazzi għall-maniġment imma, mingħajr dubju, grazzi għall-ħaddiema wkoll.”

Mill-ewwel iżid jgħid iżda li “ma rrid nidħaq b’ħadd. Dawn huma l-isfidi ewlenin u qed naraw kif id-deċiżjoni tagħna se timpatta l-inqas lill-ħaddiema.” Naturalment dan ifisser li kif irrimarkajtlu qabel, xi ftit jew wisq ta’ għafsa se jkun hemm. “Però,” interrompa mill-ewwel il-Ministru “tarax biss l-Alitalia f’dak li għandu x’jaqsam ma’ akkwisti għax din hija linja tal-ajru kbira. Ħares lejn linji oħrajn li akkwistat ishma fiha l-Etihad u li huma iżgħar fid-daqs. Li hu ċert huwa li rridu nwaqqfu t-tkabbir negattiv jew status quo ta’ bħalissa.”

Allura l-Gvern mhux jeskludi li jkun hemm tnaqqis fin-numru ta’ impjieg jew inqas perkaċċi? “Huwa stadju prematur fin-negozjati biex inwieġbek. Li nista’ ngħid huwa li tim partikolari bħalissa, min-naħa tal-Gvern, se jkun qed jitkellem ma’ kull union tal-ħaddiema u li l-ħaddiema huma l-ewwel fil-lista tal-prioritajiet tagħna.”

Sas-sajf ikollna Airmalta ‘ġdida’

Etihad jew le iżda, kemm tista’ tkun xi ħaġa tajba jew ħażina l-fatt li l-linja nazzjonali jkollha sieħeb strateġiku?

Zammit Lewis jasserixxi mill-ewwel li, “bla dubju fit-terminu ta’ żmien medju u anke fit-tul, sieħeb strateġiku jiggarantixxi tkabbir b’network ikbar, b’destinazzjonijiet ġodda, li l-Airmalta tkun parti minn grupp li għandu ftehim ta’ code shares ma’ pajjiżi oħrajn u li fl-aħħar mill-aħħar joffri taħriġ aħjar lill-ħaddiema. Ma ninsewx,” ikompli l-Ministru, “kif inhi l-Airmalta illum, m’għandhiex ir-riżorsa biex toffri dan it-taħriġ, li fl-aħħar mill-aħħar jagħti aktar żvog u jkabbar il-potenzjal ta’ dawk kollha li għandhom jew jixtieq ikollhom karriera f’dan is-settur.”

Allura dan il-proċess kollu meta mistenni jiġi fi tmiemu? Zammit Lewis ma jdumx wisq jaħsibha u jgħid li “rridu nkunu għalaqna kollox fl-ewwel sitt xhur tas-sena. Bħalissa qed naħdmu kull minuta biex sas-sajf ikollna Airmalta ‘ġdida’.”

Dwar l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, Zammit Lewis ma xtaqx jitkellem wisq ħlief li qal li, “kieku kelli nitkellem dwar x’għamel ħażin il-PN fl-Airmalta jew x’suppost għamel li kien tajjeb u m’għamilx, tista’ taqbad il-gazzetta kollha u tagħtihieli biex nimlieha.”

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol: L-objettiv tal-Gvern din is-sena

Intant lejn l-aħħar tal-intervista tkellimna wkoll dwar il-proġett tal-ITS li mistenni jsir fi Smart City b’investiment ta’ €56 miljun. Zammit Lewis jgħid li minkejja t-tijib li sar f’dawn l-aħħar xhur il-Gvern irid aktar. Irid li l-istudenti jkollhom faċilitajiet aħjar u jixtieq li n-numru ta’ studenti jiżdied.

“Ir-rata li bih ikunu assorbiti studenti tal-ITS fid-dinja tax-xogħol hija tajba ħafna tant li kważi kollha jsibu xogħol qabel biss jispiċċaw l-istudji. Għalhekk irridu aktar studenti għax biex ikollok prodott ta’ kwalità jeħtieġ li jkollok ukoll nies ta’ kwalità. 

Il-Ministru Zammit Lewis jagħlaq b’tema li din il-gazzetta ilha tisħaq dwarha, jiġifieri l-kundizzjonijiet tax-xogħol f’dan is-settur. “Qed isiru profitti kbar, nistenna li parti minn dak il-ġid jinżel għand il-ħaddiem. Is-suċċess jien inkejlu b’kemm dak il-ġid qed jinħass minn kull ħaddiem fil-lukanda u nemmen f’dan għax jien parti minn Gvern Laburista.”

Il-Ministru qal li matul din is-sena, il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawk li jaħdmu fis-settur turistiku se jkunu wieħed mill-objettivi tal-2016. “Irridu nikkonvinċu aktar nies biex jagħżlu impjieg fit-turiżmu imma biex nagħmlu dan, irridu naċċertaw li l-kundizzjonijiet jkunu tajbin.”  

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook