Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Inżilt f’xafts u skipps biex insalva ’l qtates

Intervista esklussiva ma' Moira Delia 

Christa Boffa / 11 ta' Marzu 2015 08:18
Ma nistax ma nistaqsihiex kif jirnexxielha tleħħaq ma’ kollox, forsi għandha xi sigriet għal dawk minna li jistgħu biss joħolmu li jleħħqu ma’ tant affarijiet f’daqqa. Tgħidli li jekk tista’ ssejjaħħlu hekk, is-sigriet tagħha huwa li tqassam tajjeb il-ħin tagħha. “Il-ħin tal-familja tiegħi huwa importanti – ikun hemm ħin fejn fih nieqaf mix-xogħol.” 

Tispjegali wkoll li xogħolha mhux biss dak li jidher fuq it-televiżjoni, u li b’hekk diffiċli tgħid x’inhu xogħol u le għaliha. “Nirċievi ħafna emails u messaġġi b’rapporti -  għax jibżgħu jirrappurtaw huma stess – u b’hekk nuri wiċċi jien biex nirraporta. Xogħli mal-annimali ma jieqafx ma’ Animal Diaries!” Madanakollu, Moira mhux xogħol biss – anzi hemm mument li fih tieqaf sabiex ikollha ċans tiddeverti. Tgħidli li sa ċertu punt trid tkun realistika wkoll “Naf li ma nistax insalva l-annimali kollha tad-dinja, allura nagħmel dak kollu li nista’, imbagħad naraw!” 

Meta nistaqsiha x’inhi l-akbar problema li n-nisa jaffaċċjaw in-nisa fis-soċjetà llum il-ġurnata, tgħidli li hija propju li jridu jleħħqu ma’ kollox. “L-akbar ġlieda għalihom hija li tkun omm u fl-istess ħin, speċjalment meta jkollok karriera. Trid tibqa’ għaddejja bil-massimu tiegħek fiż–żewġ dinjiet. Naf min għandu tlieta, jew anke erbat itfal li ma tkun faċli xejn għalihom.” Moira tkompli tispjegali kif il-mara llum il-ġurnata, l-akbar ġlieda tagħha m’għadiex l-ugwalità – għaliex illum il-ġurnata il-mara taf tkun mexxejja tajba u b’saħħitha wkoll. 

Imma Moira min hi fil-ħajja ta’ kuljum? Hija differenti minn dak li naraw fuq it-televiżjoni u fil-pubbliku? “Forsi xi ħaġa li mhux wisq nies jafu hija li jien inħobb ħafna d-dar. Mhux sempliċiment inħobb noqgħod id-dar, imma nħobb li jkolli dar li tilqagħni. L-ambjent ta’ ġewwa huwa importanti ħafna għaliex wara ġurnata xogħol jien inkun irrid immur f’dak l-ambjent li jilqagħni.” Tgħidli kif wara ġurnata barra tleħhaq mal-impenji tagħha kollha, “inkun qed nistenna l-ħin li mmur lura d-dar”.  Ma jistax jonqos li ssemmi lill-familja tagħha, u kemm tħobb tqatta’ ħin magħhom. Bi tbissima żżid li ovvjament għaliha, familja tinkludi wkoll l-annimali – li tant għandha għall-qalbha. Iżżid “forsi Moira wara l-kwinti li ħadd ma jaf hija Moira li tħobb tiekol, tħobb il-familja u l-għaqda.” 

Impossibbli titkellem ma’ Moira Delia mingħajr ma ssemmi l-annimali; u bħalissa impossibbli titkellem ma’ Moira Delia mingħajr ma ssemmi l-kampanja SHout; fejn fiha qed narawha tiġġieled fuq quddiemnett kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa. Tispjegali għaliex għandha dan is-suġġett tant għall-qalbha. “Dak li qed nirrepeti jien hija xi ħaġa ta’ sens komun għall-kulħadd. Għasfur m’għandekx toqtlu qabel ibejjet – għax il-ġenerazzjoni ta’ warajha qed teqridha awtomatikament. Imbagħad hemm jibda’ l-garr u l-problema ta’ nuqqas ta’ għasafar. Dan mhux għalija qed nagħmilha, jew għall-individwi. Qed nagħmilha għall-Maltin u Għawdxin kollha – inkluż il-kaċċaturi”. Hawn tfehemni kif din hija kampanja kontra l-Kaċċa tar-Rebbiegħa u mhux kontra l-kaċċa kompletament. “Jien li qed ngħid huwa li lil dak l-għasfur fir-Rebbiegħa m’għandekx toqtlu. Tih ċans jirripproduċi!” 

Iżda mossa bħal din ma setgħetx ma ġġibx riperkussjonijiet magħha. Minkejja kollox, Moira tgħidli “kont inkun l-akbar ipokrita li kieku f’dan il-mument importanti ħafna għall-futur tagħna kont noqgħod komda d-dar għall-kwiet. Kont inkun ħafna aktar komda milli jien issa!” Ir-riperkussjonijiet Moira Delia qed taffaċċjahom f’serjè ta’ attakki. “Kull persuna għandha dritt għall-opinjonijiet differenti għaliex aħna lkoll nies differenti. Kuljum jien nirċevi messaġġ jew ta’ tgħajjir,  jew ta’ xi ħadd jipprova jdawwarli l-kliem” 

"“Kont inkun l-akbar ipokrita li kieku f’dan il-mument importanti ħafna għall-futur tagħna kont noqgħod komda d-dar għall-kwiet.”"
Tispjega kif kien hemm ħafna min ħassrilha milli toħroġ daqstant fil-pubbliku kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa. “Daqskemm beżżgħuni qabel ħriġt! Baqa’ tabù li titkellem dwar is-suġġett tal-kaċċa fuq l-għasafar!” Dawn l-attakki huma xi ħaġa li infiltraw fil-ħajja ta’ kuljum ta’ Moira. Nistaqsiha jekk taħsibx li l-fatt li hi mara hux fattur għaliex qed tisfa’ attakkata b’dan il-mod. “Iva! Naħseb ma jistennewhiex li mara qamet fuq saqajha, u li qed tirrispondihom. Anke nkun għaddejja l-Belt – tarahom grupp ta’ rġiel lesti li jintimidawk waqt li nkun għadejja waħdi. Din ta’ spiss tiġrili. Li kieku kien raġel li għandu l-istess tul u statura tagħhom ma kinux jitkessħu hekk! Fl-2015, u ma naċċettawx l-opinjoni ta’ ħaddieħor. Ejja nimxu ’l quddiem!” 

Il-Kampanja SHout hija waħda biss fost ħafna proġetti li bħalissa għandha Moira.  Bħalissa fuq it-televiżjoni Moira Delia tippreżenta Gourmet Today u tipproduċi u tippreżenta l-programm Animal Diaries. “Minħabba li Animal Diaries huwa kollu kemm hu programm tiegħi nista’ ngħid li fih ħafna, ħafna aktar xogħol minn dik is-siegħa li tidher fuq it-televiżjoni.” Għalkemm fuq it-televiżjoni Moira dejjem tidher pulita, tispjegali kif “mhux l-ewwel darba li nżilt f’xaft jew skipp biex insalva ’l qtates. Xi ħaġa li forsi n-nies ma jistennewx! Teżisti għajnuna, imma kollox jiddependi minn ma’ xiex tiltaqa’! Min iċempillek ma tistax tgħidlu le jekk qed ifittex l-għajnuna.”

Illum il-ġurnata, Moira tgħidli li aktar milli annimali jiġru fit-toroq, aktar jidher li huma problema xi wħud mis-sidien l-annimali. L-annimali jiġru fit-toroq m’għadniex narawhom wisq -  dan riżultat ta’ nies bħal Moira li jaħdmu għall-annimali. “Sewwejna, edukajna, ġbarna dawk l-annimali morda. Ħadnihom għand il-veterinarju. Ma rridux ninsew li dawn huma nies li jaħdmu fuq bażi volontarja. Aħna pajjiż ġibnih ’il quddiem. L-annimali jiġru barra b’xi mod, anke minn Facebook, issir taf minhu s-sid! Tista’ ankè tara jekk hux ċċipjat jew le. Is-sodisfazzjon li nħoss li ngħid kemm salvajt annimali jew kont parti minn każ li permezz tiegħu salvajt annimal. Għalija sodisfaċenti ħafna.” 

Inħarsu ftit lejn minfejn bdiet il-karriera ta’ Moira fuq it-televiżjoni – propjament meta kellha madwar 18-il sena meta bdiet bl-ewwel programm tagħha. Bi tbissima tgħidli li kien John Bundy li taha programm x’tippreżenta għall-ewwel darba, u li tista’ tgħid bdielha l-karriera tagħha. “Nibqa’ nafulu lil John!” 

U fil-futur x’hemm imħejji? Hemm xi proġetti ġodda? “Bħalissa jkun żmien delikat ħafna għax joħorġu l-proposti tal-programmi ta’ Ottubru. Sakemm ituni l-programm jien nibqa’ nxandar l-programm dwar l-annimali. Huwa programm edukattiv li hemm bżonnu. Anke aħna stess qatt ma niefqu nitgħallmu fuq l-annimali. Mingħalina li nafu ħafna imma dejjem hemm xi ħaġa oħra x’titgħallem – qatt ma tista’ tieqaf titgħallem. Meta kont żgħira jien, konna naħsbu li l-klieb u l-qtates ma jitgħallmux – kemm tgħallimna minn dak iż-żmien ‘il hawn! Dan hu programm li rrid nibqa’ sejra bih għax dejjem hemm fejn intejbu u fejn ngħinu iżjed.” Moira tkompli turi kemm hi lesta li taqbeż għad-drittijiet tal-annimali kollha “Issa qed niftaħ fuq il-konservazzjoni tal-annimali. Ngħidu aħna, għamilt programm dwar il-konservazzjoni tal-klieb il-baħar hawn Malta. Nitkellem dwar annimali oħra bħat-tajr u dwar il-kampanja wkoll! Nitkellem dwar in-naħal – li forsi ma nafux kemm hu importanti.”

 Iż-żwiemel f’Malta – suġġett ieħor kontroversjali f’Malta. Dwar dan Moira tgħidilna li “iż-żwiemel dejjem ħa jibqgħu fuq it-toroq Maltin – ikun hemm ħafna għidut li ħa jitneħħew”. Madanakollu, il-benesseri tal-annimali dejjem jibqa’ fuq il-quċċata għal Moira – tgħidli li dan kollu ma jfissirx li m’għandniex nirrispettawhom, u naraw li meta jkunu fuq xogħolhom, iż-żwiemel għandhom ikunu ttrattati tajjeb, f’kundizzjonijiet xierqa – “irridu nipproteġuhom speċjalment meta jkunu fuq xogħolhom! Iż-żwiemel intelliġenti ħafna u bħal kull annimal ieħor ħaqqu l-istess rispett.” 

Għalkemm aktar qabel semmejna r-riperkussjonijiet li ġġib magħha pożizzjoni bħalma ħadet Moira, iżda “Kull deni ħudu b’ġid! Bħalissa jkollok il-bibien miftuħa u nara liema ħa nagħżel. Il-bibien fetħuhomli sew, anke wara l-pożizzjoni tiegħi fil-kampanja SHout. Ħafna apprezzaw li jien ma bżajtx nitkellem u li l-opportunitajiet żdiedu mhux naqsu – ma stennejthiex. Kulħadd beżżgħuni ħabba xogħol, ħabba t-televiżjoni, ħabba n-nies – iżda jien ma bżajtx! Ma nafx għala għandi nibża’. Fuq kollox qed naqbeż għad-dritt ta’ għasfur li ħaqqu jgħix.” 

Fost dak kollu li l-Maltin jassoċjaw ma’ Moira hemm ukoll id-dehra u s-sbuħija. Imma Moira, kemm tagħmel biha s-sbuħija? “Ta’ 43 sena, l-pożizzjoni tiegħi u x-xogħol kollu li nagħmel – is-sbuħija u l-mod ta’ kif nidher tiġi l-aħħar. Tant hemm x’tagħmel għall-annimali bla vuċi li dawn huma affarijiet materjali – aktar ma nikber u nimmatura, dawn l-affarijiet aktar jonqsu fil-lista tal-prijoritajiet tiegħi. Qabel programm tant inkun mgħaġġla u mħassba bil-produzzjoni li nara f’idejn l-isponsors kif qed nidher, għax tkun l-inqas ħaġa fuq moħħi. Mhux qed ngħid li nassumi li xorta ħa nidher tajjeb jekk ma nagħtix kas, imma tant inkun moħħni f’affarijiet oħra li din tkun l-inqas ħaġa fuq moħħi.” It-tbegħid tagħha mill-importanza ta’ dak li hu estetiku ssaħħu meta l-konverżazzjoni taqa’ fuq id-djamanti. Tgħidli li għalkemm tagħraf kemm jista’ jkun rigal sabiħ għal min jirċevih, djamant ma jagħmilx wisq biha. 

Il-konverżazzjoni daret, fost l-oħrajn ukoll, fuq in-nies f’ħajjet Moira. Niftakru lil Moira wkoll tiċċelebra r-rebħa ta’ koppji tal-istess sess mad-dħul tal-Unjoni Ċivili. “Inħobbhom – għandi ħafna ħbieb tal-qalb li huma gay. Ma nitlifx tieġ wieħed minn tagħhom – li issa qegħdin jiżdiedu! Iċċelebrajt magħhom fir-rebħa tagħhom, u issa nittama li jkunu jistgħu jiċċelebraw miegħi fir-rebħa tiegħi.”

Ħaġa li nnutajt f’Moira Delia hija li għalkemm għandha daqstant affarijiet għaddejjin f’ħajjitha, titkellem b’passjoni kbira fuq kull waħda minnhom.  

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook