It-theddid ISIS fuq Malta

L-attakk jista’ jiġi minn fostna mhux minn barra – George Vella

Waqt il-programm Reporter
Waqt il-programm Reporter

Waqt il-programm “Reporter” li xxandar ilbieraħ fuq TVM, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, George Vella, qal li attakk fuq Malta jista’ jsir anke minn xi ħadd li jinsab hawn Malta bħalma ġara f’Pariġi. Dr Vella kien qed jirrispondi mistoqsija tal-preżentatur tal-programm, Saviour Balzan li staqsa jekk Malta hix protetta kontra attakki minn ISIS.

Il-Ministru Vella qal li huwa jinsab aktar imħassab li t-theddid jistgħu jiġu minn fostna.

“Ara x’ġara f’Pariġi fuq Charlie HEBDO. Dan ma kienx attakk minn barra”, qal Dr Vella. Huwa fakkar li l-immigranti li jidħlu hawn Malta b'mod irregolari jinżammu 18-il xahar f'ċentru ta' detenzjoni u jiġu "screened". Dak li jista' jagħmillek il-ħsara jista' jidħol Malta bħala passiġġier normali anke liebes il-ġlekk.

Huwa saħaq li l-awtoritajiet Maltin jinsabu attivi u hemm pjani ta’ kontinġenza. Huwa kompla jgħid li flimkien ma’ pajjiżi oħrajn, permezz tas-servizzi tas-sigurtá, qegħdin jaqsmu l-informazzjoni kollha.

Il-Ministru Vella ma setax jiżvela aktar dettalji minħabba raġunijiet ta’ sigurtá.

Fil-programm talbieraħ, ittratta d-dinja Għarbija u s-sitwazzjoni estremista mill-grupp ISIS kif ukoll il-periklu li jista’ jkun hemm għal Malta u l-interessi Maltin. Minbarra l-Ministru George Vella, ħa sehem ukoll il-Kelliem Ewlieni Nazzjonalista għall-Affarijiet Barranin,Tonio Fenech.

George Vella rrikonoxxa l-fatt li s-sitwazzjoni fil-Libja mhix waħda sabiħa u li din tista’ tmur naħa jew oħra. Dak li qed naraw fuq il-midja u dak li qed ikun irrapportat huma reali, qal Dr Vella.

“Ma nistgħux ngħidu li din is-stwazzjoni mhix tinkwetana u rridu nkunu viġilanti fuq dak li qed jiġri fil-Libja.” 

Il-Ministru Vella qal li m’hemmx theddid immedjat, imma dan ma jfissirx li għada mhux se jkun hemm. Irridu noqgħodu attenti għal kull żvilupp li jseħħ, kompla jgħid George Vella.

“Il-forzi tas-sigurtá tagħna qegħdin jagħmlu dak kollu possibli biex jipproteġu s-sigurtá nazzjonali”, qal Vella.

Min-naħa tiegħu Tonio Fenech saħaq li l-Oppożizzjoni tinsab fi ftehim u tappoġġja lill-Gvern. Din hija sitwazzjoni delikata u mhux se tfixxkel lil Gvern. Huwa temm jgħid li l-Oppożizzjoni hija sodisfatta bil-livell ta’ mixjin l-affarijiet u l-Gvern qiegħed iżomm l-impenn tiegħu li jżomm lilu u l-Oppożizzjoni infurmati b’kull żvilupp.

Tonio Fenech wissa biex Malta ma tispiċċax barra l-koalizzjoni li nħolqot bejn l-UE, l-Lega Għarbija u pajjiżi oħrajn.

 

More in Intervisti