Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

“Ilna ngħidu… imma qatt ma sar xejn kif suppost”

Edward Zammit Lewis jiddeskrivi lil Malta bħala destinazzjoni attraenti ħafna għas-settur turistiku u li hemm aspetti pożittivi dwar din il-gżira li għadna ma sfruttajniex biżżejjed.

Frederick Attard / 27 ta' Lulju 2014 15:18
Edward Zammit Lewis
Età: 41

Status: Miżżewweġ u għandu tifla ta’ 9 snin

Qabel ikkontesta l-ewwel elezzjoni ġenerali fl-2008 kien President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti kif ukoll għamel żewġ leġislaturi fil-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard.

Ftit ilu int semmejt li ċ-ċokon tal-gżejjer Maltin jippreżenta sfidi uniċi u li għandna bżonn nisfruttaw prospetti ta’ tkabbir mingħajr ma nipperikolaw is-sostenibbilità tal-industrija. X’ridt tfisser eżattament?

Malta hija destinazzjoni Mediterranja u bħal kull destinazzjoni oħra aħna nsofru mill-istaġjonalità. Irrid nirrikonoxxi però li matul l-aħħar snin saru diversi tentattivi biex intawlu x-xhur b’influss kbir ta’ turisti però għad fadal ħafna xi jsir. Qed inħarsu lejn ix-xahar id-dieħel bħala xahar impenjattiv ħafna għat-turiżmu fejn qed nistennew madwar 220,000 turist. Kif jaf kulħadd, iż-żoni turistiċi f’pajjiżna huma dawk li huma iżda jien irrid nieħu inizjattivi biex Malta kollha tkun meqjusa bħala żona turistika biex b’hekk it-turiżmu jinfirex ma’ kullimkien u kulħadd ikun parteċipi f’dak li joffri u jrendi t-turiżmu f’pajjiżna.

Semmejt ukoll li rridu noħolqu aktar opportunitajiet għal ‘higher visitors spending’ u nimmiraw biex inżidu l-profitt mit-turisti barranin ras għal ras. Kif se jintlaħqu dawn il-miri?

In-numri huma dawk li huma, numri tajbin ħafna u ta’ inkoraġġiment u għalhekk issa wasal iż-żmien li nieħdu ċertu deċiżjonijiet li permezz tagħhom nagħmlu dik il-qabża ta’ kwalità li hemm bżonn biex nimxu ’l quddiem fuq pajjiżi oħra li huma kompetituri tagħna. It-turiżmu jikkontribwixxi għal madwar 29% tal-GDP ta’ pajjiżna u għalhekk nemmen li issa ż-żmien li għandna nagħmlu dan it-tibdil. Ilna ngħidu li rridu nagħmlu din il-qabża imma qatt ma saret kif suppost u għalhekk dan hu l-aħjar żmien fejn kulħadd irid jagħti sehmu biex nirnexxu u jkollna turiżmu iktar b’saħħtu.

Il-kompetizzjoni madwarna hija kbira u qed tiżdied kontinwament b’diversi pajjiżi u destinazzjonijiet iżidu r-reklamar u l-marketing, aħna x’qed nagħmlu bħala pajjiż?

L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu hija aggressiva f’dan ir-rigward speċjalment fis-swieq prinċipali tagħna li huma r-Renju Unit, l-Italja u l-Ġermanja. Il-penetrazzjoni tagħna f’dawn is-swieq permezz tal-midja diġitali hija aħjar minn ta’ pajjiżi oħra bħal pereżempju l-Greċja. Qed jirnexxilna nidħlu f’niċeċ ġodda bħal mhu turiżmu għall-LGBTI. Malta issa tinsab fuq il-mappa mondjali bħala pajjiż li jgawdi minn libertajiet ċivili u allura l-persuni LGBTI jħossuhom milqugħin aktar f’Malta milli f’pajjiżi oħra. Hemm ukoll in-niċċa taż-żwiġijiet fejn barranin qed jiġu jiżżewġu f’pajjiżna u l-aktar li qed jattira dan is-suq huwa Għawdex bil-maġġoranza ġejjin mill-Irlanda. Hemm ukoll bżonn ta’ kummerċjalizzazzjoni f’pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea bħal m’huma l-Indja, ir-Russja, iċ-Ċina u l-Brażil li lkoll huma interessati f’pajjiżna. Ftaħna uffiċċju rappreżentattiv fi New York li diġà qed iħalli l-frott u qed jikber l-interess lejn pajjizna speċjalment f’dak li hu turiżmu reliġjuż.

"“Ir-riżultati li għandi f’idejja juru li l-isforzi li saru ma ħallewx ir-riżultati mixtieqa”"
Qegħdin tikkunsidraw li tiżviluppaw niċeċ ġodda fis-settur bħal mhu t-turiżmu mediku?

Bħala pajjiż dan is-settur ilna ninnamraw miegħu. Anke l-amministrazzjoni preċedenti għamlet xi xogħol fuq dan il-qasam però r-riżultati li għandi f’idejja juru li l-isforzi li saru ma ħallewx ir-riżultati mixtieqa. Dan il-gvern hu determinat li naħdmu fuq dan il-qasam però rridu naraw x’wassal għan-nuqqas ta’ suċċess fl-iskemi li saru fil-passat u nitgħallmu minnhom.

Il-gvern għadu kemm appunta lil Maria Micallef bħala chairman ġdida fl-AirMalta, il-linja nazzjonali li għadha kemm iċċelebrat l-40 sena mit-twaqqif tagħha. X’istruzzjonijiet ingħatat Maria mill-gvern dwar l-AirMalta?

Maria hija persuna validissima u kienet diġà fil-bord. Għandha esperjenza vasta u l-mira tagħha hi l-aħjar interess tal-linja nazzjonali. Aħna ninsabu fir-raba’ sena tal-programm ta’ ristrutturar tal-AirMalta fejn il-gvern kellu joħroġ 52 miljun bħala għajnuna liema għajnuna qed tkun segwita mill-EU state aid monitoring board. Saru diversi programmi ta’ ristrutturar biex l-AirMalta tkun linja tal-ajru vijabbli f’dinja ta’ linji tal-ajru li ħafna minnhom iffaċċjaw sfidi kbar fl-operat tagħhom. Il-Gvern insista fuq Micallef li tibqa’ ssostni t-tibdil li hemm bżonn fl-aħjar interess tal-kumpanija.

Għaliex ir-rappreżentant il-ġdid tal-AirMalta fuq il-bord tal-MTA għall-ewwel darba huwa rwol mhux eżekuttiv?

Aħna nistiednu lill-AirMalta tagħtina isem biex jirrappreżenta lill-kumpanija fil-bord ma’ diversi stakeholders oħra li flimkien jgħaqqdu l-bord tal-MTA. Chris Grech, il-persuna li jirrappreżenta lill-AirMalta fil-bord il-ġdid hu persuna li jien għandi fiduċja totali fih u li jieħu l-affarijiet bis-serjetà u b’impenn. Jien li qed nagħmel hu li qed nipprova noħloq sinerġija aħjar bejn is-setturi kollha fit-turiżmu.

Imma int il-Ministru kemm tal-AirMalta u kemm tal-MTA, kif qed iżżomm bilanċ bejn it-tnejn meta Joe Galea, Head of Marketing tal-MTA se jidħol mal-AirMalta? Mhux se żżarma knisja biex tibni oħra?

L-entitajiet mhumiex biss in-nies. Il-persuna li qed issemmi inti hu persuna kompetenti ħafna fis-settur turistiku u jien nirrispetta d-deċiżjonijiet personali li jieħu hu. Dawn huma deċiżjonijiet li jieħdu n-nies personali però jiena nemmen li l-entitajiet huma ikbar minn nies u allaħares nispiċċaw kollox idur fuq in-nies. Meta l-Vatikan jispiċċa Papa jilħaq ieħor u hekk ukoll isir f’kull organizzazzjoni fejn jidħlu r-riżorsi umani.

Għandek anke l-AirMalta li riċentament tilfet numru ta’ nies f’karigi għolja, x’tikkummenta? 

L-ewwel nett kien hemm għażliet li għamlu dawn il-persuni stess rigward il-futur professjonali tagħhom. Irrid ngħid li fl-AirMalta sibna moral veru baxx u qed nagħmel sforzi personali anke jien sabiex ngħollu l-moral ’il fuq. Il-ħaddiema tal-AirMalta għandhom iħossu sense of pride f’xogħolhom u għalhekk hemm bżonn li nimmotivawhom. Wieħed mill-briefs li tajna lil Maria Micallef hu li ssib ir-riżorsi umani f’high level management sabiex jgħinu lilha u lill-kumpanija ovvjament.

F’Diċembru li għadda l-predeċessur tiegħek Karmenu Vella kien waqqaf bord dwar żoni turistiċi mmexxi minn Joe Cassar u George Micallef. Għadu jiffunzjona dan il-bord u jekk iva, xi progress sar?

Dażgur li għadu jiffunzjona u dan il-bord qed jiltaqa’ iktar minn qatt qabel. Huwa bord li jinkorpora fih diversi setturi, fosthom is-settur privat u l-kunsilli lokali, u bħalissa qed jindirizzaw dak kollu li jirrigwardja ż-żoni turistiċi f’perjodu fejn ninsabu mimlijin. Din il-ġimgħa jien anke ltqajt ma’ Silvio Parnis u l-kumitat tan-nofsinhar ta’ Malta u jien stedinthom biex anke jkunu fil-bord. Hemm pjanijiet biex insaħħu l-istruttura ta’ dan il-bord u nkomplu nibnu fuqu.

 X’inhu r-rwol ta’ George Micallef fil-Ministeru, huwa konsulent tiegħek? Kien hu li għamel ir-reviżjoni tal-politika tat-turiżmu?

Iva George Micallef hu konsulent tiegħi. Okkupa diversi rwoli fis-settur u allura hu persuna li l-esperjenza tiegħu hi valida għalkemm mhux dejjem naqblu fuq kollox jew naċċetta l-pariri kollha tiegħu. Rigward il-politika, le George ma kienx il-persuna li għamel din il-politika iżda kien wieħed mit-tim li ħadem fuqha. L-ebda politika m’għandha tkun politika ta’ persuna waħda u dawn għandhom jirriflettu firxa wiesgħa ta’ opinjonijiet u esperjenzi ta’ xogħol. Anke fejn tidħol konsulenza, jien xorta nikkonsulta ma’ diversi stakeholders fis-settur.

Ftit ilu int iltqajt ma’ operaturi Ingliżi magħrufa bħala Malta Specialists, li jispeċjalizzaw fid-destinazzjoni tagħna, Malta. Tista’ tindika xi proposti jew ideat li qasmu miegħek dawn l-operaturi?

Waħda mill-affarijiet li insistew hi li hemm bżonn aktar aggressività fil-kummerċjalizzazzjoni tagħna. Li hemm bżonn ngħaġġlu biex nieħdu deċiżjonijiet. Saħqu dwar il-bżonn tal-midja diġitali. Il-bżonn ta’ qabża fil-kwalità f’dak li noffru. Li pajjiżna ma jattirax biss ċittadini adulti imma turisti iżgħar fl-età. Li jkollna aktar divertiment. Li jkollna aktar rotot minn destinazzjonijiet differenti.

Kien hemm xi suġġerimenti mingħandhom għal ajruplani ikbar biex jiżdiedu l-ammonti ta’ turisti fuq ir-rotot l-aktar popolari bħal Londra u Manchester?

Jista’ jkun li semmewh però mhux jiġi f’moħħi bħalissa. Din mhix deċiżjoni li neħodha jien imma l-linji stess tal-ajru, però jista’ jkun li kien hemm dan is-suġġeriment.

Matul l-ewwel kwart tal-2014, it-traffiku totali tal-passiġġieri tal-cruise liners f’Malta żdied bi kważi 70% meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2013. X’inhuma l-indikazzjonijiet għall-kumplament tas-sena?

L-indikazzjonijiet huma pożittivi ħafna u ta’ min jirringrazzja anke lis-settur privat f’dan kollu. Għalkemm hemm min jistaqsi dwar l-istatistika fuq dan is-settur u fuq kemm qed iħallu flus f’pajjiżna dawn it-turisti, dan hu settur li rridu ngħafsu iktar fuqu speċjalment li jkollna aktar vapuri li jgħażlu lil Malta bħala homeport għax dak ifisser li l-passiġġieri li jiġu Malta biex jaqbdu l-vapur ġeneralment jieqfu f’pajjiżna għal ftit jiem kemm qabel jew wara l-cruise. Aħna se nkomplu naħdmu mal-Valletta Cruise Port f’dan il-qasam biex dan is-settur ikompli jiżdied.

Taħseb li Għawdex għandu jkollu ajruport internazzjonali żgħir tiegħu?

It-turiżmu f’Għawdex matul is-sena li għaddiet żdied minn kull aspett. Jiena nemmen li Għawdex għandu jkollu politika ta’ turiżmu għal rasu fi sfond ta’ politika nazzjonali. Hemm interessi li jiftħu aktar lukandi f’Għawdex. Din tal-ajruport ilna ntawlu fuqha u hemm ideat differenti. Jien favur dak kollu li jista’ jkattar il-ġid għal Għawdex u l-Għawdxin kemm mil-lat ta’ ekonomija u kemm ta’ opportunitajiet ta’ xogħol għall-Għawdxin. Xejn mhu se jiġri jekk ma tiżdiedx l-aċċessibbiltà għal Għawdex. Jiġifieri fil-prinċipju naqbel mal-proposta imma m’iniex tekniku dwar kif u l-aħjar mod li din tista’ ssir.

Frederick Attard kien l-editur tal-gazzetta ILLUM bejn Marzu tal-2014 u Ġunju tal-2015. Kien ukoll il-producer ta' programmi televiżivi ta' Mediatoday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook