Stmat li 20,000 persuna tilfu ħajjithom f'Derna

Il-Gvern tal-Punent jitlob investigazzjoni rigward kif krollaw il-ħitan ta' lqugħ, filwaqt li ż-żona qed taffaċċja wkoll tixrid ta' mard

Is-Sindku tal-belt ta’ Derna Abdulmenam Al-Ghaithi stqarr li huwa stmat li bejn 18,000 u 20,000 persuna tilfu ħajjithom, hekk kif żewġ ħitan li kienu jservu ta’ lqugħ mill-ilmijiet krollaw, b’dulluvju ta’ ilma jgħaddi minnhom u jkaxkar miegħu il-belt. Tul il-maltemptata, il-Libja esperjenzat xita ta' 260 darba aktar mill-medja ta' xahar, fejn niżlet 400 millimetru ta' xita madwar il-kosta meta kkumparata mal-1.5 millimetru li ssoltu tinżel f'Settembru kollu.

Al-Ghaithi qed jibbaża dawn l-istimi skont il-ħsara enormi li sofrew numru kbir ta’ distretti. Dan hekk kif aktar minn 5,000 persuna ġew rrappurtati mejta, filwaqt li tal-anqas 10,000 oħra ġew irrappurtati neqsin.

Esperti qed jikkalkolaw li l-kollass tal-ħitan wassal għal miljun u nofs tunnellata ta' ilma jmur f'daqqa lejn il-Belt, b'xhieda jgħidu li laħaq 10 piedi għoli f'xi postijiet. Żewġ piedi ta' ilma ġieri huwa biżżejjed sabiex jinġarru l-karozzi.

Numru ta’ ħaddiema qed jagħmlu li jistgħu sabiex jinġabru l-katavri, inkluż dawk li ntbagħtu minn pajjiżi oħra fosthom Malta. Madankollu, għadhom qed isibuha diffiċli s’issa sabiex jiksbu aċċess f’ċerti żoni. Minħabba dan, il-Libja qed taffaċċja riskju ta’ tixrid ta’ mard, minħabba li l-katavri qed jilħqu jibdew jiddikomponu qabel jindifnu, kemm taħt it-tiġrif kif ukoll fix-xmajjar u l-baħar.

Il-Ġnus Magħquda ħarġu twissija f’dan ir-rigward, hekk kif l-ilma ukoll ġie kkontaminat. Sabiex jikkumbattu kontra dan, hemm numru ta’ uffiċċjali fuq il-post sabiex jikkoordinaw it-tqassim ta’ provvisti tal-ikel, hekk kif il-ħażna kollha li kien hemm fil-pajjiż qed tittieħed lejn din iż-żona.

Il-Gvern li jmexxi n-naħa tal-Punent tal-pajjiż sejjaħ għal investigazzjoni rigward kif u għala il-ħitan krollaw, u talab li jitressqu l-Qorti kull min jinsab li kkontribwixxa għal dan, anke kawża ta’ traskuraġni. Huwa allegat li kienu għaddew snin minn mindu dawn sarilhom xi forma ta’ xogħol ta’ manutenzjoni. Esperti qed jgħidu wkoll li dawn ma kienux mibnija b'materjal tajjeb.

Il-Libja hija maqsuma f’żewġ Gvernijiet; dak tal-Punent, li huwa dak li huwa rikonoxxut internazzjonalment, u dak tal-Lvant. Derna hija taħt il-kontroll ta’ dak tal-Lvant.

More in Barranin