Il-leġġenda ta’ Inter tas-snin 90

Nicola Berti   – bla dubju wieħed mill-aqwa plejers li pproduċa l-futbol Taljan fis-snin 90, u li l-karattru ferm simpatiku tiegħu jiddistingwuh b’mod partikolari minn futbolers oħrajn

Kif għażilt il-futbol fost tant sport ieħor?

Għażilt il-futbol minħabba li fi żmieni kien hemm biss dan l-isport. Niftakar li bħala familja kellna ġnien żgħir taħt id-dar tagħna. Barra minn hekk ma kienx hemm it-teknoloġiji li għandna llum. Hekk pereżempju t-tfal tiegħi dejjem jilagħbu bil-logħob tal-kompjuter. Il-passjoni tiegħi kienet waħda biss – il-futbol

L-ewwel tim li lgħabt miegħu kien Parma. X’kienet l-esperjenza tiegħek ma’ dan it-tim?

Bdejt mas-settur ġovanili ta’ dan it-tim u wara biss ġimagħtejn iddebbuttajt mat-tim tal-kbar fis-Serie C1.

Wara ngħaqadt ma’ Fiorentina. L-esperjenza tiegħek hemm kif kienet?

Ma’ Fiorentina domt tliet snin. Hemmhekk jien u Roberto Baggio, li għandna l-istess età morna nilagħbu flimkien fejn kellna esperjenza mill-aqwa. 

Iddeskrivi r-relazzjoni tiegħek mad-diversi kowċis li kellek ma’ Inter, fosthom Giovanni Trapattoni fejn miegħu rbaħt il-Kampjonat tas-Serie A fl-1989.

Trapattoni kien il-kowċ favorit tiegħi ma’ Inter, għax kien l-uniku kowċ li miegħu domt għal tliet snin sħaħ. Dan għax kull sena bħala tim kien ikollna bidla fil-kowċ. Ġejt ikkowċjat minn diversi kowċis fosthom Bagnoli, Hodgson, Bianchi, Orico, Marini, u Suarez. F’ħafna miż-żmien li għamilt nilgħab ma’ Inter, huma kienu jibdlu lill-kowċ kważi kull sena minħabba li ma tantx kienu sejrin tajjeb.

Mill-unuri kollha li rbaħt ma’ Inter, liema huma dawk li tibqa’ tiftakar iktar minn oħrajn?

Bla dubju, il-Kampjonat tas-Serie A tal-istaġun 1988/89. F’dak l-istaġun ksibna rekord ta’ punti jiġifieri 58 punt u dan meta rebħa f’dak iż-żmien kienet tiswa żewġ punti u mhux tlieta bħal-lum il-ġurnata.

Kellek esperjenzi qosra wkoll ma’ Tottenham Hotspur fl-Ingilterra, ma’ Deportivo Alaves fi Spanja u ma’ Northern Spirit fl-Awstralja. Tina iktar dettalji.

Ma’ Deportivo Alaves u Tottenham Hotspur kelli esperjenzi pjuttost tajbin. Min-naħa l-oħra biex insemmi lil Northern Spirit tal-Awstralja, hemmhekk lgħabt biss ftit logħbiet u ħadtha iktar bħala vaganza hekk kif f’dak iż-żmien li kont nilgħab fih jien fl-Awstralja, dan il-kontinent kien għadu mhux ippreparat għall-futbol. 

Hemm xi logħba jew gowl partikolari li tibqa’ tiftakar iktar minn oħrajn kemm ma’ Inter kif ukoll mat-tim nazzjonali Taljan?

Niftakar b’mod partikolari il-logħob tad-derby kollha kontra AC Milan. Jien kont meqjus bħala l-‘Uomo Derby’, minħabba li skorjajt tliet gowls importanti kontra r-Rossoneri. Fil-fatt l-Amministratur Delegat ta’ AC Milan, Adriano Galliani, meta kien jiġi mistoqsi liema kien dak il-plejer ta’ Inter li kien iħabbathom fid-Derby, dejjem kien iwieġeb li kont jien. Niftakar b’mod partikolari gowl minn dawn it-tlieta, meta għolejt fuq il-goalkeeper Sebastiano Rossi, u bir-ras tfajt il-ballun ġewwa. Iżda l-iktar gowl li niftakar kien dak fl-1988 fir-rebħa ta’ 2-0, barra minn darna kontra Bayern Munich. Hemmhekk kont qbadt ballun mid-difiża, ġrejt madwar 80 metru, qabel ġejt wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper avversarju u tfajt il-ballun ġewwa.  

L-Amministratur Delegat ta’ AC Milan, Adriano Galliani, meta kien jiġi mistoqsi liema kien dak il-plejer ta’ Inter li kien iħabbathom fid-Derby, dejjem kien iwieġeb li kont jien

Liema kien l-aqwa plejer li qatt lgħabt miegħu? U l-aqwa avversarju li lgħabt kontrih?

L-aqwa plejer li lgħabt miegħu kien Ronaldo, waqt li l-aqwa avversarju kien Maradona. 

U l-aqwa plejer ta’ Inter ta’ kull żmien?

Għalija, l-aqwa plejer ta’ Inter ta’ kull żmien huwa Ronaldo, iżda mbagħad tradixxa lil Inter hekk kif kien ħalla lil Inter biex ingħaqad ma’ Real Madrid u ma’ AC Milan.

U l-aqwa kowċ ta’ kull żmien ta’ Inter fl-opinjoni tiegħek?

Mourinho. Għalija huwa ġenju fil-futbol. Il-fatt li meta kien fit-tmun ta’ Inter kien jutilizza lil Samuel Eto’o fi rwol mhux propju tiegħu u rnexxielu joħroġ l-aħjar minnu juri biċ-ċar x’kowċ ta’ kwalità hu.

X’tikkummenta fuq l-esperjenzi li kellek mat-tim nazzjonali Taljan? Fit-Tazza tad-Dinja tal-1994 fl-Istati Uniti, jien kont l-uniku Interista f’dik l-iskwadra, u li fiha kien hemm xejn inqas minn 14 -il Milanist! U propju dan il-fatt kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija. Ta’ diżappunt għalina kien il-fatt li ma rnexxilniex nirbħu dik it-Tazza tad-Dinja. Madankollu, il-Brażiljani kienu xi ftit aħjar minna. Rigward l-iskwadra li kellna fit-Tazza tad-Dinja tal-1990 li ntlagħbet fl-Italja, ikolli ngħid li f’dik is-sena, l-Italja kien ħaqqha li tirbaħ il-kompetizzjoni. Kienet skwadra mill-aqwa, saħansitra, fl-opinjoni tiegħi, aħjar minn dik tal-1982 li kienet rebħet it-Tazza tad-Dinja fi Spanja.   

X’tikkummenta fuq il-kowċ bravu Arrigo Sacchi li mexxiekom matul dik it-Tazza tad-Dinja, li fiha wasaltu sal-finali?

Sacchi huwa kowċ ippreparat ħafna. Li kieku Sacchi jipprepara d-difiża tat-tim u Zeman jipprepara l-attakk, jagħmlu tim formidabbli.

Allura għandek stima kbira għall-kowċ, Zeman?

Ċertament. Zeman huwa tajjeb ħafna biex iħejji tim b’saħħtu, iżda b’difiża fqira, waqt li Sacchi bil-kontra. Dan hekk kif huwa jħejji skwadra b’difiża mill-aqwa, iżda b’attakk fqir. 

X’inhuma l-fehmiet tiegħek fuq l-aħħar staġun diżappuntanti li kellhom Inter? 

Matul l-aħħar staġun, Inter kellhom staġun diżappuntanti iżda kien hemm il-bidla tal-president. Diffiċli ħafna ssib President bħal Massimo Moratti. Madankollu, għandi fiduċja fil-president il-ġdid – il-biljunarju Indoneżjan Erick Thohir, li għamel l-ewwel pass importanti li neħħa lil Walter Mazzarri minn kowċ ta’ Inter. Dan hekk kif huwa ma kien jinżel tajjeb ma’ ħadd. Fl-opinjoni tiegħi għamel pass ferm tajjeb u għaqli li ngaġġa lil Roberto Mancini bħala kowċ. 

Iżda taħseb li Roberto Mancini huwa idoneu biżżejjed biex imexxi lil tim bi storja glorjuża bħal mhu Inter?

Mancini għandu karattru sabiħ, u Inter diġà rebħu l-unuri taħtu. Għandi fiduċja li f’dan is-suq tat-trasferimenti, se jirnexxielu jġib tnejn jew tliet plejers ta’ ċertu klassi, l-aktar difensuri. Dan għax huwa evidenti li l-aktar dipartiment li bata fl-iskwadra ta’ Inter matul l-aħħar staġun kien bla dubju ta’ xejn, dak difensiv. Madankollu, Mancini diġà għandu għad-dispożizzoni tiegħu erba’ jew ħames plejers brillanti. Qed nirreferi għal Icardi, Handanovic, Kovacic (dejjem jekk ma jħallix lil Inter), Palacio, Hernanes u Guarin, fost oħrajn. Jekk Inter jirnexxielhom jagħmlu akkwisti tajbin, ikolli ngħid li jirnexxielhom jagħmluha mal-ewwel tlieta fl-istaġun li ġej, u b’hekk jiksbu post fil-UEFA Champions League. 

Għaliex taħseb li plejers ta’ fama u klassi mondjali bħal Ibrahimovic, Thiago Silva u Lavezzi fost oħrajn qed iħallu lill-Italja biex ifittxu avventuri ġodda fil-karriera tagħhom f’pajjiżi oħra bħal Franza, l-Ingilterra u Spanja?

Fi żmieni, il-Kampjonat Taljan tas-Serie A, kien l-isbaħ wieħed fid-dinja fejn l-aqwa plejers kienu jilagħbu fl-Italja. Plejers kbar qed jitilqu mill-Italja, għax m’hemmx flus, u għalhekk isibuha faċli biex imorru f’pajjiżi oħra fejn ikollhom salarji sostanzjali. 

Il-futbol Taljan marid?

Iva, il-futbol Taljan huwa marid, imma l-klabbs Taljani qed isibu sostenn finanzjarju minn biljunarji barranin. Hawnhekk, insemmi fost oħrajn lil Erick Thohir għal Inter u Mr Bee għal AC Milan. Il-klabbs Taljani jridu jsibu din l-għajnuna minn dan it-tip ta’ persuni, inkella jfallu! 

X’tikkummenta fuq il-partitarji Ultras li donnhom għandhom iktar poter u saħħa mill-klabb u mill-plejers infushom? Minfejn taħseb li qed iġibu din is-saħħa u l-kburija kollha?

Dan il-poter li għandhom il-partitarji Ultras fl-Italja, minn dejjem kien, anki fi żmieni. Il-partitarji fl-Italja minn dejjem kienu fundamentali, iżda jkolli ngħid li fl-aħħar mill-aħħar, l-aħħar kelma hija tad-diriġenza tal-klabb u mhux tal-partitarji Ultras.

X’tikkummenta fuq Malta?

Malta huwa pajjiż meraviljuż. Għoġbitni immens u bqajt tassew immeraviljat bil-belt kapitali, Valletta li qatt ma kont żort qabel, iżda għoġbitni wkoll il-Mellieħa, u anki l-vjaġġ li kelli fuq id-dgħajsa fuq il-baħar.  

U x’inhuma l-kummenti tiegħek fuq l-Inter Club Malta mmexxi mill-President żagħżugħ iżda ta’ statura enormi fil-futbol lokali, Dr Chris Bonett?

Dr Chris Bonett huwa persuna li għalkemm huwa żagħżugħ, huwa ferm ħabrieki u li jħobb ħafna lill-klabb tal-Inter.

Nicola Berti kif qed iħares lejn il-futur tiegħu fil-futbol? Għad naraw lil Berti kowċ ta’ xi klabb partikolari - min jaf forsi anki ta’ Inter?

Le, ma nikkunsidrax li nkun qatt kowċ! Issa huwa tard wisq għalija biex inkun kowċ!

Lanqas kowċ tal-futbol tat-tfal fin-nurseries jew f’xi akkademja?

Dik jista’ jkun! It-tfal tiegħi qed jixgħeluli fjamma li ġġiegħlni nikkunsidra li nkun kowċ tal-futbol tat-tfal fil-futbol, iżda m’hemm xejn ċert!

Għaddi messaġġ lil dawk il-partitarji Maltin ta’ Inter li jixtiequ jerġgħu jaraw lit-tim tagħhom fejn jixraqilhom, jiġifieri fil-quċċata tal-futbol Taljan u mhux biss. 

Segwu dejjm lill-Inter u taqtgħu qalbkom qatt! Propju issa huwa ż-żmien għal Inter li hija xi ħaġa imperattiva għalihom, li jkollhom partitarji denji li jtuhom l-akbar sapport u sostenn tagħhom!

More in Sports