Intervista Lokali Barranin

Kilometri ta’ suċċess għall-maratoneta Jonathan Balzan

Id-disa' darba li l-maratoneta spiċċa bħala l-ewwel Malti

Cristian Muscat / 8 ta' Marzu 2016 09:42
Kull maratona fiha storja. Kull waħda bi żvolġiment, andament, emozzjonijiet u ansjetajiet, aspettattivi, tragwardi u riżultati differenti.

Dan kollu seħħ f’din il-31 edizzjoni ta’ Malta li kienet id-disa’ darba li l-maratoneta ewlieni f'Malta, Jonathan Balzan, spiċċa l-ewwel Malti (inkluża rebħa overall fl-2009 fin-Nofs  Maratona b’ħin ta’ 1.08.39), rekord li jmur lura għall-2006 fid-debut tiegħu fil-maratona ta’ 42.2km (b’ħin ta’ 2.30.18) fejn reġa' spiċċa l-ewwel Malti u fit-tmien post overall. Din il-gazzetta għamlet kuntatt ma' Jonathan Balzan innifsu, fejn tana dawn il-kummenti esklussivi rigward is-suċċess li kiseb fil-Full Marathon tal-Ħadd li għadda. Huwa sostna li: "Nista’ ngħid li din kienet l-iktar waħda diffiċli li għamilt fejn jidħlu kundizzjonijiet klimatiċi, bil-qawwa tar-riħ li ħakem minn kullimkien speċjalment għal min jagħmel il-full marathon, u sas-26km, inkunu għadna ħerġin mill-Bermuda Triangle ta’ Ta’ Qali.

Il-fatt li wara ħames kilometri nqtajt waħdi, kompla għamilha iktar diffiċli. B’avversarju jew grupp t’atleti ħdejn xulxin, wieħed ikun jista’ jirsisti iktar u jipprova jżomm ir-ritmu. Il-ġirja tiġi iktar tellieqa mentali meta l-forza tar-riħ u l-fatt li ma tkunx tista’ żżomm mal-ħinijiet prevvisti jhedduk tnaqqas iktar, iċċedi jew saħansitra tieqaf. Fiċ-ċirkostanzi tal-lum dan ma kienx ir-riżultat mixtieq, fil-fatt kien l-iktar ħin batut tiegħi mill-maratoni kollha, b’ħin ta’ 2.40.39. Meta kien baqa’ l-aħħar ftit kilometri, iffukajt biss li nerġa’ niġi l-ewwel Malti li għamel ir-riżultat komplut bl-ewwel post fil-kategorija over 40 u l-ewwel post fi-timijiet ma’ St. Patricks, il-klabb tiegħi.

Għalkemm fil-finish line ma tantx dehert emozzjonat, fil-fond ta’ qalbi kont. L-akkumpanjament ta’ ommi mal-familja tiegħi f’punti strateġiċi ħoloqli sentimenti  ta’ kuraġġ u aspettativa ta’ tmiem li ma jiddiżappuntax. "I have done this before," għidt lili nnifsi. Dan rajtu f’wiċċ it-tifla tiegħi ta’ tliet snin li segwitni  bi tbissima u baqgħet tiċċassa lejja fit-tmiem waqt l-intervisti u l-'massage' biex itaffi l-bugħawwieġ. Dan it-titlu għalik kien binti.

Nippjana fit-tul m’għadnix. L-impenn u dak kollu li jġibu magħhom l-età u ż-żmien li għamilt niġri, inħosshom f’saqajja. Min jaf kemm-il darba instmajt ngħid ħa nieqaf b’din, iżda sas-sajf li għadda stess, wara li waqaft għal tliet xhur, erġajt dort għall-isport li ħabbejt u tani suċċess. Kowċis għadhom jgħiduli li baqagħli x’noffri, iżda fl-aħħar mill-aħħar din hija deċiżjoni personali. Din l-istess mistoqsija saritli wara dil-maratona għas-sena d-dieħla. Il-pjanijiet huma 'short term'. F’April se mmur nagħmel il-maratona ta’ Ruma u nittama li mmur tajjeb fil-kategorija tiegħi.

Nagħlaq billi nirringrazzja lil dawk kollu li jgħiduli li jien ta’ ispirazzjoni għal ħafna (kbar u żgħar), bid-determinazzjoni u l-konsistenza tiegħi u jħarsu lejja bħala leġġenda. Għalija dan ifisser ħafna. Dan l-isport jagħmlek sinjur fl-unur meta barra s-suċċess li jġib miegħu personali mhux finanzjarjament tara li qed  timmotiva lil oħrajn biex jibdew jew jilħqu tragwardi sportivi li qatt ma kienu joħolmu bihom," temm jgħid Jonathan Balzan.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook