Team Greens fil-quċċata fil-Greċja

Team Greens bil-medalji kollha li rebaħ fil-Greċja
Team Greens bil-medalji kollha li rebaħ fil-Greċja

It-Tim internazzjonali taċ-ċiklizmu Team Greens għadu kif ikkompeta fi tlielaq internazzjonali fi Skyros, waħda mill-gżejjer tal-Greċja. Din il-kompetizzjoni kienet tifforma parti mill-kalendarju internazzjonali tal-UCI World Cycling Tour. Team Greens kien kompost minn Etienne Bonello, James Mifsud, Marie Claire Aquilina u Danica Bonello Spiteri.

Dan l-avveniment kellu żewġ kompetizzjonijiet fosthom prova kontra l-ħin (Individual time trial) ta’ 20 kilometru kif ukoll tellieqa fit-triq (Road Race) ta’ 110 kilometri.

Dawn it-tlielaq ġew ikkontestati minn atleti minn diversi pajjiżi fosthom l-Italja, il-Greċja, l-Iran, il-Maċedonja, il-Messiku, in-Norveġja u l-Awstralja.

Fil-prova ta’ kontra l-ħin, Team Greens, kellu wirja spettakolari, meta Etienne Bonello spiċċa fit-tieni post fil-klassifika ġenerali kif ukoll fl-ewwel post fil-kategorija tiegħu. James Mifsud, kellu wirja tajba wkoll, meta spiċċa fit-tielet post fil-klassifika ġenerali u t-tieni post fil-kategorija tiegħu. Marie Claire Aquilina ddominat il-kategorija tan-nisa, b’Danica Bonello Spiteri tidħol fit-tieni post wara Aqulina. Iż-żewġ tfajliet spiċċaw l-ewwel fil-kategorija rispettiva tagħhom.

Minkejja ġurnata waħda ta’ mistrieħ, iċ-ċiklisti Maltin daħlu għat-tiġrija ta’ 110 kilometri fuq ċirkwit li kellu ‘l fuq minn 2200 metru ta’ dislivell, bi tlajja impenjattivvi ħafna li jilħqu pendenzi ta’ 20 fil-mija. Din it-tellieqa kienet missielta ħafna b’parteċipazzjoni ta’ ‘l fuq minn 150 atleta.  Fil-kategorija maskili, id-duo Bonello u Mifsud ħarġu fuq l-attakk fl-ewwel dawra f’telgħa impenjattiva ħafna. Huma rnexxielhom jiftħu distakk fuq il-grupp prinċipali ta’ ’l fuq minn minuta. Dawn tennew bl-azzjoni fin-niżla u fit-tieni dawra sabiex kabbru l-vantaġġ tagħhom għal madwar ħames minuti sa tmiem it-tellieqa. 

Lejn l-aħħar tat-tellieqa, kien hemm ftehim bejn iż-żewġ ċiklisti Maltin fejn Mifsud daħal ftit ċentimetri qabel Bonello biex rebaħ il-kategorija tiegħu, b’ Bonello jispiċċa fit-tieni post.

Kien hemm dominju assolut fil-kategorja femminili, minn Marie Claire Aquilina li bħalissa għaddejja min forma tajba, li rebħet it-tellieqa fuq l-istess distanza ta’ 110 kilometru. Bonello Spiteri kellha ġlieda missielta ma’ ċiklista Griega, iżda rnexxielha taqbiżha fit-telgħa lejn tmiem it-tellieqa biex daħlet it-tieni wara Aquilina fil- klassifika ġenerali u l-ewwel fil-kategorija.

Mistoqsijn għall-kummenti tagħhom mill-media Griega wara t-tellieqa, il-Kap ta’ Team Greens Etienne Bonello, kellu kliem ta’ tifħir lejn l-organizzazzjoni, kif ukoll wera s-sodisfazzjon tiegħu dwar il-wirja tal-atleti Maltin: “Ir-riżultat tal-lum jippremja t-taħriġ intensiv li għamilna din is-sena. Dan l-avveniment kien wieħed mil-miri tagħna u rnexxielna niksbu l-aqwa riżultat possibli,” tenna Bonello.

Permezz ta’ dan ir-riżultat, iċ-ċiklisti ta’ Team Greens, ikkwalifikaw għall-Kampjonati Mondjali tal-UCI World Cycling Tour, li se jsiru f’Copenhagen, fid-Danimarka, f’Settembru li ġej.

More in Sports