Intervista Lokali Barranin

Fabio Spiteri - iktar ma jikber, iktar itejjeb ir-riżultati tiegħu fit-Triathlon

Huwa spiċċa fis-sitt post globali u fit-tielet post fil-grupp tiegħu tal-Over 40

Cristian Muscat / 5 ta' Ġunju 2015 11:43
Fabio Spiteri fl-azzjoni waqt il-Kampjonat Nazzjonali tal-Long Distance Triathlon, li fiha ħareġ rebbieħ
It-triatleta Fabio Spiteri ma jeħtieġ l-ebda introduzzjoni fid-dinja sportiva. Għal sitt snin konsekuttivi, mill-1998 sal-2003 Spiteri kien rebaħ il-Kampjonati Nazzjonali tat-800m fl-atletika. Wara li ħalla l-atletika u beda jtellaq fit-Triathlon, Spiteri kiseb suċċess f’dan l-isport billi rebaħ il-kampjonati tad-Duathlon għal ħames darbiet, kif ukoll numru pożizzjonijiet fuq il-podju fi tlielaq nazzjonali oħra. Spiteri wera is-saħħa tiegħu l-iktar f’distanzi twal fejn sal-lum huwa ħa sehem f’sitt tiġrijiet Ironman kif ukoll numru ta’ tlielaq ta din il-kategorija. 

Fil-jiem li għaddew, Spiteri ħa sehem f’żewġ tlielaq importanti, li it-tnejn jkopru 1.9 km għawm, 90 km bir-rota u nofs maratona.  L-ewwel waħda, it-Trapani Man Triathlon saret f’April, f’San Vito Lo Capo Sqallija u l-iktar waħda riċenti kienet il-Kampjonat Nazzjonali tal-Long Distance Triathlon li sar ftit tal-jiem ilu, f’Birżebbuġa. 

Trapani Man Triathlon laqgħet fi ħdanha total ta’ 160 atleta f’kundizzjonijiet li ma kienu xejn perfetti. Spiteri ħareġ mill-għawma fil-15-il post, u għalkemm matul il-korsa ċiklistika kellhom jiggieldu kontra irjieħ qawwija, b’rotta partikolarment bl-għoljiet weqfin, u atleti professjonali, Spiteri temm it-tellieqa f’ħin ta’ 4 sigħat, 25 minuta u 16-il sekonda. Huwa spiċċa fis-sitt post globali u fit-tielet post fil-grupp tiegħu tal-Over 40. Ir-rebbieħ tat-tellieqa kien Massimo Cigana - triatleta professjonali li ġej minn sfond ċiklistiku fejn huwa kien jikkompeti regolarment fil-Giro d’Italia.

“Filwaqt li kull tellieqa li nieħu sehem fiha hija importanti, din it-tellieqa kient partikolarment speċjali għalija. Mhuwiex kuljum li wieħed ikollu l-opportunità li jtellaq ma’ atletli u titla’ fuq il-podju ma atleti bħal Cigana, li kien ukoll fit-tim ċiklistiku tal-kbir, Marco Pantani”, qal Spiteri, lil dan il-ġurnal. 

Lura f’Malta, l-ewwel impenn ta’ Spiteri f’Mejju kien il-Kampjonat Nazzjonali tad-Duathlon Perskindol Malta, fejn Fabio Spiteri temm fit-tieni post. Dan juri l-konsistenza tiegħu fil-kisba f’post fuq il-podju f’kull tellieqa hu jikkompeti fiha. Il-Ħadd 17 Mejju, Spiteri rebaħ il-kampjonat tal-Long Distance Triathlon, Dan kien it-tielet parteċipazzjoni Spiteri, iż-żewġ tlielaq li ha sehem fihom kienu  fl-2012 u l-2013 fejn hu ha it-tielet u t-tieni post rispettivament.

Fl-edizzjoni tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Long Distance Triathlon ta din is-sena, li għat-tieni sena konsekuttiva saru bl-appoġġ tal-Malta Triathlon Federation, Spiteri temm jgħum fil-ħames post, u kienet it-tielet Malti tal-ilma, madanakollu huwa kkumpensa sew fuq ir-rota meta naqqas id-distakk, mill-ewwel atleta Sloven, sostanzjalment.

Spiteri kellu taqtigħa tajba m’atletli bħal David Galea, li rebaħ it-titlu is-sena l-oħra, kif ukoll ir-rebbieħ tal-edizzjoni 2013 Rudolph Agius. Dawn l-atletli kollha jtellqu regolarment f’dawn it-tip ta’ tlielaq barra minn Malta fejn ħadu esperjenza kbira. Filwaqt li Agius kellu għawma u ġirja aħjar, Spiteri wera is-saħħa tiegħu fil-parti tar-rota li għenet sabiex jieħu it-titlu tal-2015. It-tieni post fuq il-podju ħadu Agius. Interessanti huwa il-fatt li għalkemm David Galea kiseb it-tielet post, il-ħin finali tiegħu kiseb titjib ta’ 49 sekonda fuq il-ħin tas-sena l-oħra.

“Kont determinat li nkun l-ewwel Malti. Matul it-tellieqa ħassejtni tajjeb ħafna u kuntent ħafna, partikolarment fis-sezzjoni tar-rota fejn il-kundizzjonijiet ma kinux faċli, speċjalment minħabba r-riħ. Il-fatt li tellaqt ma’ atletli bħal David Galea, Rudolph Agius u Graham Borg fissret li kollha f’xi punt jew ieħor matul it-tellieqa kelli sfida iebsa. Id-determinazzjoni tiegħi, iżda wkoll ir-riżultat ukoll fil-ħin li ksibt fuq is-sezzjoni fir-rota li kienet l-aktar waħda mgħaġġla mill-atleti Maltin. 

Fis-sezzjoni tal-maratona, kelli nkun ċert li inżomm pass kawt u stabbli biex jiġi evitat bugħawwieġ speċjalment minħabba l-umdità u s-sħana ta’ waranofsinhar,” qal Spiteri. “Ninsab kuntent ħafna li qsamt il-podju globali ma’ atleti stabbiliti u rispettati bħas-Sloven Jaroslav Kovacic, li kiser ir-rekord tal-korsa u t-Taljan, Emiliano Cucci, li fl-età ta 21 sena, li huwa wkoll membru tat-Tim Nazzjonali tal-Long Distance Taljan. Nispera li fil-futur ikun hemm opportunitajiet oħra biex atletli bħal dawn jerġgħu jiġu Malta jew għal taħriġ jew tlielaq oħra.”

L-impenji internazzjonali li jmiss għal Spiteri wara din it-tellieqa huma l-Kampjonati Ewropej tat-Triathlon li se jsiru f’Ġunju, meta hu jingħaqad mat-Tim Nazzjonali Malti tat-Triathlon f’Geneva, l-Isvizzera. Fabio Spiteri se jikkompeti wkoll fi tlielaq Long Distance f’Poznan, il-Polonja f’Lulju, segwiti minn tlielaq f’Budapest, l-Ungerija f’Awwissu u Ċipru f’Ottubru. 

Il-parteċipazzjoni ta’ Fabio Spiteri f’dawn it-tlielaq ikun possibli, grazzi għall-appoġġ ta’ Garmin, rappreżentati f’Malta minn Medcomms Ltd, Mochika u Wheel Wizard. 

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook