“Riforma tal-plejers pożittiva però mtappna biż-żieda tal-barranin fil-Kampjonat BOV Premier” - Carlo Mamo

F’kummenti oħra, il-viċi president tal-MFA, Dr Chris Bonett, li huwa wieħed mill-imħuħ ewlenin wara din ir-riforma tal-players, irrakkomanda li l-istatus tal-klabbs professjonali Maltin għandha tinqaleb għall-Klassi 4

Carlo Mamo, Konrad Sultana u Andy Barbara waqt laqgħa tal-FifPro li saret ftit tas-snin ilu
Carlo Mamo, Konrad Sultana u Andy Barbara waqt laqgħa tal-FifPro li saret ftit tas-snin ilu

Quddiem attendenza ferm numeruża tal-membri tal-Kunsill tal-MFA, li jirrapreżentaw lill-klabbs rispettivi fi ħdan l-MFA, ftit tal-jiem ilu, ġiet diskussa ir-riforma tal-player status, li tant kienet fl-aħbarijiet sportivi f’dawn l-aħħar xhur. Kif kien ftit jew wisq mistenni, wara vot li ttieħed fejn inkisbet maġġoranza assoluta, ġie deċiż li l-klabbs tal-Kampjonat Premier se jkunu jistgħu jutilizzaw seba’ plejers barranin fl-iskwadra tagħhom mill-istaġun li ġej.

Dan ġie diskuss waqt Laqgħa Ġenerali Straordinarja organizzata mill-MFA, fejn ġew ippreżentati l-emendi proposti għar-ratifikazjoni mill-membri tal-Kunsill tal-MFA u mid-delegati tal-klabbs. Wara konsultazzjoni wiesgħa li bdiet iktar  minn sena ilu, l-MFA fasslet numru ta’ emendi bħala parti minn riforma wiesgħa li għandha tibdel il-futbol lokali b’mod sostanzjali, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ drittijiet u obbligazzjonijiet ta’ plejers u klabbs, kif ukoll fejn hu konċernat kumpens ta’ trasferimenti.

Norman Darmanin Demajo ammetta li s-sistema tal-parametri ma kinitx tajba u wara vot li ttieħed lejn l-aħħar tal-laqgħa, ġie deċiż li mill-istaġun li ġej dawn jinqatgħu  bin-nofs jiġifieri b’50%, waqt li b’seħħ mis-sena ta’ wara jinqatgħu b’25%, u jibqgħu hekk għas-snin ta’ wara. 

F’kummenti oħra, il-viċi president tal-MFA, Dr Chris Bonett, li huwa wieħed mill-imħuħ ewlenin wara din ir-riforma tal-players, irrakkomanda li l-istatus tal-klabbs professjonali Maltin għandha tinqaleb għall-Klassi 4. Dan sabiex il-klabbs Maltin ikunu esklużi li jħallsu s-somma ta’ kumpens għat-taħriġ f’każijiet simili bħal dak tal-eks plejer ta’ Ħamrun Spartans, Sylvano Comvalius. Dan kollu jkun jista’ jsir wara li l-FIFA tapprova t-talba uffiċjali min-naħa tal-MFA.

Fl-aħħar tal-laqgħa, il-president tal-MFA, Norman Darmanin Demajo, rringrazzja lil dawk preżenti fil-Kamra, fejn irrimarka li għalkemm xi kultant ikun hemm xi battibekki bejn il-klabbs u bejn l-amministrazzjoni tal-MFA, immexxija minnu, huwa jinsab persważ li ż-żewġ naħat konċernati qed jagħmlu kollox għall-akbar ġid tal-futbol Malti. Huwa tenna li dan kien eżerċizzju ferm wiesa’ li involva ammont kbir ta’ persuni u ta’ sigħat, fejn iżda huwa tenna li jinsab ferm kuntent hekk kif saħaq li bħala MFA irnexxielhom jilħqu tragward kbir, u li se jibqa’ msemmi fl-istorja tal-football Malti. 

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas huwa tenna li qed jiffoka fuq strateġija intensiva ta’ riklamar u kummerċjalizzazzjoni tal-Kampjonat BOV Premier, u dan biex ikun hemm iktar dħul finanzjarju għall-klabbs li jieħdu sehem f’dan il-Kampjonat. Huwa tenna li għadu kmieni wisq biex ikun addotat dan l-istess stil għad-diviżjonijiet l-oħra tal-football Malti hekk kif għadu jqishom bħala amateur. 

Kemm Bjorn Vassallo kif ukoll Dr Chris Bonett, kienu ferm kuntenti b’dan l-eżitu wara bosta ħidma intensiva min-naħa tal-MFA. 

Saħansitra, Dr Chris Bonett, iddeskriva din il-ġurnata bħala mument storiku fil-presidenza ta’ Norman Darmanin Demajo fl-MFA u anki għall-futbol Malti b’mod komplessiv. Min-naħa l-oħra, Bjorn Vassallo tenna li bħalissa l-MFA tinsab fil-pożizzjoni eżatta tal-programm mandatorju li kellha l-MFA fil-bidu tal-presidenza ta’ Darmanin Demajo. 

Vassallo kompla li minn dan kollu se jibbenefika l-futbol Malti in ġenerali u speċjalment, it-tim nazzjonali. Huwa tenna li jinsab ċert li fil-futur ġejjieni, dan kollu se jħalli l-frott mixtieq għal kull min hu midħla tal-futbol lokali. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA kkonkluda li l-MFA dejjem tagħmel dak kollu possibli biex tagħti l-importanza tagħha lill-grassroots, kif deher evidenti fl-aħħar snin. Dan għax jemmen li huwa permezz ta’ dan li nistgħu tabilħaqq naraw avvanz konsiderevoli fil-futbol Malti, li wara kollox rajna tul l-aħħar snin. 

Intant, dan il-ġurnal iltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-MFPA, Carlo Mamo, fejn tana l-fehmiet tal-MFPA rigward din ir-riforma, f’dettall liema bħalu. Huwa saħaq li:

“Wara erba’ snin ta’ ħidma mil-MFPA biex issir tibdila radikali fir-rigward tar-regolamenti tal-plejers tal-futbol, suppost mid-9 ta’ Ġunju li ġej, se jidħlu fis-seħħ jew se jiġu emendati numru ta’ regolamenti. Fost l-iktar importanti hemm:

1)    Il-Complaints Board li huwa bord fejn jiġu deċiżi każijiet bejn plejers u klabbs se jkun kompost skont kif rakkomandat mil-FIFA, jiġifieri jkun hemm l-istess numru ta’ rappreżentanti tal-plejers daqs in-numru ta’ rappreżentanti tal-klabbs. Dan il-bord sa ftit tas-snin ilu kien kompost biss minn membri tal-klabbs. 

2)    Meta tifel ta’ 14-il sena irid jiffirma reġistrazzjoni ma’ klabb flok se jkollu żmien obbligatorju sa 21 sena, issa ż-żmien obbligatojru mistenni jsir sa meta jispiċċa mil-U/19. In-nursery fee li trid titħallas għal kull sena biex it-tifel jiċċaqlaq issa se tkun ta’ €300  flok €350 kif kienet qabel. Din hija xi ħaġa pożittiva oħra wkoll, anki jekk sa ftit tal-ġimgħat qabel ir-riforma, iż-żmien obbligatorju kien miftiehem li jkun sal-aħħar tal-U/17 u mhux sal-aħħar tal-U/19.

3)    Plejer tal-futbol hawn Malta jista’ jkun full-time professional, part-time professional jew amateur. Sal-lum hemm limitu fuq l-pagi fejn plejer ma jistax jaqla’ iktar minn ċertu ammont. Eżempju, part-time plejer li x-xogħol full-time tiegħu ma jkunx il-futbol seta’ jaqla’ sa mhux aktar minn €350 fix-xahar, waqt li plejer full-time li x-xogħol full-time tiegħu huwa l-futbol seta’ jaqla’ sa mhux aktar minn €1200 fix-xahar. Dawn il-limiti fuq il-pagi issa mistennija jispiċċaw biex il-kuntratti tal-plejers ikunu iktar trasparenti. Minn hawn l-MFPA tħeġġeġ lill-plejers kollha li ma jiffirmaw l-ebda kuntratt jekk l-ammont miftiehem ma jkunx imniżżel kollu fuq il-kuntratt. Jekk plejer ikollu miktub l-ammont kollu fuq il-kuntratt u l-klabb għal xi raġuni ma jkunx irid iħallas lill-plejer, il-plejer għandu dritt jikteb lill-Complaints Board. F’każ li ma jkollux kollox imniżżel ikun intitolat biss għal dak li jkun hemm miktub fuq il-kuntratt. Dawk il-plejers li għandhom ftehim eżistenti jistgħu ukoll ibiddlu l-kuntratti eżistenti anki jekk fadallu biex jiskadi. Ovvjament, irid ikun hemm qbil mill-klabb. 

4)    Xi ħaġa oħra pożittiva hija li mistenni jkun hemm kuntratt standard għal kulħadd fejn l-obbligi tal-klabb lejn il-plejer u l-obbligi tal-plejer lejn il-klabb se jkunu aktar ċari. Jekk plejer iweġġa’ waqt li qed jaqdi dmiru għall-klabb, se jibqa’ jitħallas għal tal-inqas 6 xhur sħaħ. Sfortunatament, l-assigurazzjoni medika ma ġietx infurzata, però bħala MFPA nħeġġu lill-plejers li jidħlu fi ftehim mal-klabbs biex din issir fil-bidu tal-istaġun. Kellna ħafna każijiet ta’ plejers li ma kellhomx assigurazzjoni medika u sfortunatament il-klabb tagħhom ma riedx jew dam biex jagħti l-aħjar kura possibli lill-plejer. Hawn klabbs li għandhom il-plejers kollha inxurjati u dawn għandhom ikunu ta’ eżempju għall-klabbs l-oħra. 

5)    Fl-aħħar tal-kuntratt, plejer professjonali kemm full-time u anki part-time xorta mhux liberu li jissieħeb ma’ min irid mingħajr l-ebda kumpens ta’ parametri, però, l-parametri mill-istaġun 2015/16 se jonqsu għal 50% u mill-istaġun 2016/17, se jonqsu għal 25%. Eżempju, jekk plejer illum jiswa €60,000, mill-istaġun 2015/16 se jiġi jiswa’ €30,000, u fl-istaġun 2016/17, se jiġi jiswa’ €15,000. Biex plejer imur b’self ma’ xi klabb ieħor, is-somma massima li se titħallas hija ta’ 25% tal-parametri, jiġifieri jekk inkomplu nieħdu l-eżempju ta’ hawn fuq, 25% ta’ €15,000, jiġu €3,750.

6)    Jekk plejer għandu kuntratt ta’ sena, mhux se jkollu għalfejn jikteb lill-MFA, li jkun se jispiċċalu l-kuntratt biex jeżerċita d-dritt li jitlaq skont il-parametri, però, plejer li għandu kuntratt itwal, irid jikteb sa 4 xhur qabel l-aħħar tal-istaġun, jiġifieri qabel it-8 ta’ Frar.

7)    L-amateurs, jiġifieri dawk li m’għandhomx kuntratt part-time jew full-time professional, biex jeqilbu plejers professjonali trid titħallas training compensation fee lil dawk il-klabbs li tawhom l-edukazzjoni u training bejn l-età ta’ 12 u 21 sena. Anki, jekk din hija xi ħaġa pożittiva, fis-sens li qed tinċentiva lill-klabbs li jinvestu fit-tfal, żgur se jintlaqtu ħażin ħafna plejers li llum għandhom ’il fuq minn 21 sena u huma amateurs. Dawn il-players biex jiffirmaw kuntratt apparti li jridu jithalsu l-parametri trid tithallas ukoll training compensation li f’każ ta’ plejer li jkun se jiċċaqlaq bejn it-Tielet Diviżjoni u jmur jilghab fil-Premier, tista’ tlaħħaq is-somma ta’ €22,500. Min-naħa l-oħra, plejer amateur se jkun jista’ jingħata rimborż ta’ spejjeż ta’ mhux iktar minn €250 fix-xahar.

8)    In-numru ta’ barranin fil-Premier se jkun dak ta’ 7 fil-pitch. Fid-diviżjonijiet l-oħra kollox se jibqa’ l-istess. Sfortunatament, anki jekk saret kampanja mil-MFPA ftit jiem qabel il-votazzjoni biex dan ma jseħħx, fejn tkellmu fost l-oħrajn Pippo Psaila - eks kowċ tat-tim nazzjonali, Paul Zammit - kowċ ta’ Birkirkara, Stefan Sultana – eks plejer internazzjonali u kowċ fis-settur taż-żgħażagħ, il-plejer ta’ Hibernians u tat-tim nazzjonali, Andrew Cohen, u preżenti wkoll kien hemm ħafna plejers żgħażagħ promettenti, dan l-appell waqa’ fuq widnejn torox.  Iż-żieda ta’ plejers barranin żgur li se tkun qed taffetwa ħażin lit-tim nazzjonali, għax in-numru ta’ plejers Maltin li se jilagħbu fl-ogħla diviżjoni se jonqos. Dan biex ma nsemmux li f’pożizzjonijiet partikolari, diġà mhux naraw plejers Maltin, għax huma kollha meħuda mill-plejers barranin, aħseb u ara b’7 plejers barranin minn 11. Apparti minn hekk, il-klabbs, mhux se jkollhom inċentiv biex jinvestu fiż-żgħażagħ, u se jkollhom inqas paċenzja biex jistennew liż-żgħażagħ, għax faċilment jistgħu iġibu plejer barrani. Ħaġa oħra li tpoġġi lill-plejer Malti fi zvantagg, hija li plejer barrani jiġi b’xejn waqt li biex jiġu akkwistati plejers Maltin, iridu jitħallsu l-parametri, apparti li jekk plejer Malti ikun għadu amateur u jkun se jaqleb professjonali, trid titħallas ukoll training compensation fee.  

L-intenzjoni tal-MFA żgur li kienet waħda tajba u ħaqqhom prosit għax fil-proposta inizjali tagħhom lanqas kien hemm għad-diskussjoni ż-żieda tal-barranin. Fl-2008, il-FIFA kienu ħargu bl-idea ta’ 6+5 fejn 6 iridu jkunu plejers li huma eliġibbli li jilagħbu fit-tim nazzjonali. Dan il-kunċett kienu qablu miegħu l-maġġoranza assoluta tal-pajjiżi, però, billi mhuwiex in regola mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea, ma kienx ġie aċċettat. Mill-banda l-oħra, il-UEFA daħlet il-kunċett tal-home-grown players, propju minħabba l-fatt li l-aktar klabbs sinjuri bdew jixtru l-aqwa plejers barranin, u allura għandhom inqas inċentiva li jittrenjaw lill-plejers tagħhom u tal-lokal u jtuwhom ċans. 

Anki, jekk żgur fadal ħafna xi jsir fejn l-għan tagħna bħala MFPA, se jibqa’ dak li l-plejer jista’ jiċċaqlaq fi tmiem il-kuntratt mingħajr l-ebda ħlas għax dak huwa dritt ta’ kull persuna, żgur li ma nistgħux ngħidu li m’għamilniex passi fit-triq it-tajba. 

Bħala MFPA nibqgħu nagħmlu dak kollu possibli biex il-partijiet kollha konċernati fil-logħba tal-futbol, inkomplu niltaqgħu u niddiskutu għall-akbar ġid tal-logħba li tant inħobbu. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, nistqarr li dejjem għandu jirrenja sens ta’ għaqda u ottimiżmu għall-ġejjieni aħjar fil-logħba tal-futbol Maltija”, temm jgħid Carlo Mamo. 

More in Sports