Keith Galea jiddomina u jirbaħ id-‘Dingli 10 miles’

Keith Galea jifraħ wara li rebaħ it-tellieqa msejħa Dingli 10 miles
Keith Galea jifraħ wara li rebaħ it-tellieqa msejħa Dingli 10 miles

Wara prestazzjoni tajba fin-nofs maratona fejn kiseb is-sitt post overall u t-tielet Malti, iċ- champion ta’ Malta tat-Triathlon, Duathlon u Aquathlon, Keith Galea, rebaħ id-Dingli 10 miles li ġiet organizzata minn St Patrick AC nhar id-19 ta’ Marzu. Id-Dingli 10 miles hija waħda mill-iktar tlielaq importanti u iebsin fil-kalendarju tal-atletika Maltija.

Galea mar fuq quddiem mill-bidu tat-tellieqa u beda jżomm pass tajjeb u kostanti. Tliet atleti biss irnexxielhom iżommu l-pass ma’ Keith Galea biex b’hekk ġie ffurmat grupp ta’ erbgħa li kien qiegħed fuq quddiem tat-tellieqa. Wara ħames mili, Galea attakka lir-rivali tiegħu. Dan l-attakk kien ta’ sorpriża għall-avversarji tiegħu hekk kif kien għadu kmieni wisq biex iżid il- pass peress li kien fadal ħames mili oħra u t-tieni nofs tat-tellieqa kien kollu għat-telgħa.

Għalkemm kien għadu kmieni wisq għall-attakk, Galea, beda jiġri b’saħħtu ħafna u beda jżomm dan il-pass kostanti ħafna. L-avversarji tiegħu ndunaw li Galea kien qed jiġri tajjeb u ppruvaw minn kollox biex inaqqsu d-distakk imma kien kollu ta’ xejn. Galea rnexxielu jirbaħ waħda mill-aktar tlielaq importanti f’ħin impressjonanti ta’ 57.42. Fit-tieni post spiċċa Charles Cilia ta’ Agones SFC f’ħin ta’ 58.05 u fit-tielet post spiċċa Charlton Debono ta’ Athletix Gozo.

Ikkuntattjat minn dan il-ġurnal, l-atleta tan-nazzjonal tat-triathlon u ta’ Birkirkara St Joseph saħaq li jinsab veru kuntent b’din ir-rebħa għax ma kienx qed jistennieha u kien ġej minn training camp iebes ġewwa Għawdex il-ġimgħa ta’ qabel. Beda jħossu b’saħħtu u kien kunfidenti. Galea kompla li m’għamilx l-iżball tas-soltu - dak li jżomm il-pass ta’ ħaddieħor, iżda għażel li jiffoka fuqu nnifsu u jżomm il-pass tiegħu. Galea, qal li hu jħobb ħafna t-tlajja u rnexxielu jattakka fil-mument opportun biex kiseb din ir-rebħa vera sabiħa.

Keith Galea li qiegħed fl-iskema tal-Flexi Training Scheme ntagħżel biex jirrapreżenta lil Malta fl-ewwel logħob tal-Ewropa li se jsiru ġewwa Baku, l-Ażerbajġan f’Ġunju li ġej. Huwa xtaq jirringrazzja lill-isponsors tiegħu, Garmin Malta, BBB Bike Parts Malta, Jaycee Malta, Starbene 24.7, Mochika Outdoor Life u Challenge Malta Marathon, lill-klabb tiegħu Birkirkara St Joseph, lill-Malta Triathlon Federation, lill-Kunsill Malti għall-iSport (KMS) u lill-Kumitat Olimpiku Malti (MOC), tas-sapport kontinwu li jagħtuh.

More in Sports