Josann Attard Pulis ittejjeb l-aħjar ħin tagħha fil-Unesco Cities Marathon

Josann Attard Pulis tippoża bil-medalja li rebħet f’Udine, fl-Italja
Josann Attard Pulis tippoża bil-medalja li rebħet f’Udine, fl-Italja

Isem Josann Attard Pulis qed isir sinonimu mat-tlielaq tat-42.195km. Din kienet ir-raba’ esperjenza tagħha u bħas-sena li għaddiet, il-Unesco Cities Marathon tiġi xahar wara l-Maratona ta’ Malta. Wara dak il-maltemp kollu li kellna fil-maratona ta’ Frar kien importanti li Josann tara eżattament fejn waslet fil-preparazjoni tagħha. Bħal kull atleta tal-maratona, dawn it-tlielaq jagħtu ħjiel lilha flimkien mal-kowċ dwar x’progress sar jew jista’ jsir mis-sena ta’ qabel.

Il-preparazjoni trid tkun mentali u emozzjonali wkoll barra fiżika. Għalkemm Josann ma tantx kellha xewqa li tieħu sehem f’din f’din it-tellieqa, kienet taf li din hija opportunità oħra li tiġri din id-distanza f’inqas minn 3 sigħat. L-aħjar ħin tagħha kien dak ta’ 3 sigħat u 19-il sekonda sena ilu. Fil-jumejn ta’ qabel it-tellieqa t-temp ma kienx tajjeb u seta’ jaffetwalha saħħitha. Imma għalkemm bdiet tinkwieta li se jiġrilha bħalma ġralha fil-Maratona ta’ Malta, fl-aħħar it-temp ħareġ sabiħ.

Il-kowċ tagħha baqa’ jinsisti li tiġri bir-ritmu miftiehem minħabba li fil-Maratona ta’ Malta kienet għafset iżed mill-pass li tiflaħ. Avolja id-dubju jibqa’ jberren, finalment, ħasset li kien importanti li tobdi, għax kowċ ikun jaf lill-atleta minn perspettiva differenti u żgur li jkun irid ġid lill-atleta

B’hekk, malajr sabet ruħha fil-bidu tat-tellieqa u kien importanti li tibqa’ ffukata fuq il-pass ta’ 5 kilometri kull 20 minuta. Fil-kilometri tal-bidu ħassitha vera komda tiġri bil-pass u kien ħsiebha biss li tiġri t-tellieqa tagħha. Għalkemm ma tatx kas il-pożizzjoni tagħha, il-kummentatur Taljan beda jsemmi isimha ta’ spiss. Fil-bidu kienet ir-raba’ mara u malajr sabet ruħha fit-tielet post. Meta waslet fil-25 kilometru, in-nies bdew jgħidulha “la terza femmina” imma għalkemm indunat bil-progess, moħħha kien biss fir-ritmu tal-ġirja. 

Mill-għajjat kollu tan-nies, kumment wieħed baqa’ jidwi f’moħħha - “sei fortissima”. Dak il-ħin ftakret kemm irsistiet fit-taħriġ, għalhekk issa kien il-mument tagħha u ma kinitx se ċċedi allavolja l-għejja mal-muskoli kollha bdiet tagħmel tagħha. Mal-35 km bdiet se taqta’ qalbha iżda ftit wara rat il-marka tad-39 kilometru u reġgħet żiedet fil-pass sakemm ftit wara spiċċat it-tellieqa. Kif indunat li naqqset il-ħin tagħha b’erba’ minuti għal sagħtejn u 56 minuta, tgħidx kemm kienet sodisfatta, għalkemm kienet għajjiena. 

Josann spjegat ma’ dan il-ġurnal li dan is-suċċess mhux tagħha biss, iżda ta’ grupp li qiegħed warajha biex ikollha l-aħjar prestazzjoni possibli. Ma naqsitx issemmi fosthom lill-kowċ, is-Sur Mark Farrugia li ilu jmexxiha mill-bidu u għena temmen fit-talent tagħha, l-isponsor tagħha GARMIN, il-kumitat Malti tal-atletika, il-kumitat, l-atleti u l-kowċis tal-grupp STARMAX fosthom is-Sur Leonard Xuereb, xi kollegi tax-xogħol u l-qraba tagħha, partikolarment żewġha tal-paċenzja kbira.

Kompliet tispjega li kien privileġġ għaliha li tiltaqa’ ma’ atleti oħra fosthom il-Kenjana Sarah Kerubo Kebaso li rebħet din it-tellieqa. Li hu żgur hu li din l-esperjenza se tkun qed tgħinha għall-preparazzjoni ta’ tlielaq futuri. 

More in Sports