Filli f’ħalq il-mewt, u filli jilħaq 100 logħba ma’ Gudja United

Plejers ta’ Gudja United jifirħu ma’ Peter Sammut fl-okkażjoni tal-100 logħba tiegħu ma’ Gudja United
Plejers ta’ Gudja United jifirħu ma’ Peter Sammut fl-okkażjoni tal-100 logħba tiegħu ma’ Gudja United

Jekk hemm ġurnata li l-plejer ta’ 23 sena ta’ Gudja United Peter Sammut se jibqa’ jiftakar b’ittri tad-deheb matul il-karriera tiegħu fil-futbol m’hemmx dubju li din se tkun il-ġurnata tas-Sibt 4 ta’ April fejn huwa laħaq it-tragward tal-100 logħba propju mat-tim li jirrapreżenta lir-raħal fejn jgħix - Gudja. 

Dan wasal fid-draw ta’ mingħajr gowls kontra St Andrews, liema tragward ifisser ħafna għal Sammut mhux biss għax irnexxielu jilgħab bil-flokk tal-Gudjani għall-100 darba iżda wkoll għax irnexxielu jagħmel dan propju wara li ftit taż-żmein ilu kien involut f’inċident tat-traffiku li seta’ sfortunatament ħallih mejjet. Dan il-ġurnal iltaqa’ ma’ Peter Sammut fejn tana dawn il-kummenti rigward dak li għadda minnu tul dawn l-aħħar ħames staġuni ma’ Gudja United. 

“Bażikament fl-istaġun 2010/2011 ġietni l-ħajra li nilgħab għar-raħal tiegħi, Gudja,  u ċċaqlaqt b’self mingħand Hibernians għal ma’ Gudja United fit-Tielet Diviżjoni. F’dik is-sena kont lgħabt 19-il partita u skurjajt 9 gowls fejn spiċċajna fit-3 post, 3 punti taħt tal-ewwel u konna promossi għat-Tieni Diviżjoni. 

Kien staġun ferm memorabbli għalija minħabba l-fatt li kienet l-ewwel promozzjoni ta’ ħajti u l-ewwel promozzjoni mat-tim li jirrapreżenta r-raħal li ngħix fih.

L-istaġun ta’ wara, 2011/2012 erġajt iddeċidejt li nqatta’ sena oħra mat-tim ta’ Gudja United fejn komplejt nakkwista aktar esperjenza f’diviżjonijiet ogħla u dik is-sena kontra kull mistenni ġejna promossi għall-Ewwel Diviżjoni wara xejn inqas minn 20 sena.

Minn hawnhekk qatt ma ħarist lura fejn għadna nikkompetu f’din id-diviżjoni sal-ġurnata tal-lum. Kienu 3 staġuni li għallmuni kemm m’għandekx għalxiex tieħu l-affarijiet b’ovvju, u li fil-karriera tal-futbol mhux se jiġik kollox ward u żahar. Wara staġun pożittiv fl-ewwel sena tagħna fl-Ewwel Diviżjoni, fit-tieni sena tagħna sfortunatament qabel beda l-istaġun kelli inċident tat-traffiku li seta’ ġab fit-tmiem il-karriera tiegħi tal-futbol imma għall-grazzja t’Alla, ħallieni barra għal nofs staġun u fi Frar għelibt kull biża’ u dħalt lura għall-futbol fejn lgħabt 12-il partita. 

Fatt ferm pożittiv u ta’ kuraġġ f’dan l-istaġun kien l-ewwel gowl li skurjajt fejn lanqas stajt nemmen li rnexxieli nagħmel dan, minħabba l-fatt li filli sa 6 xhur qabel lanqas flaħt nimxi u imbagħad kont qiegħed hemm narmi s-saħħa. 

Iżda kif jgħidu, wara l-maltemp jiġi l-bnazzi u wara dak l-istaġun naqra iebes, il-Bambin ippremjani bi staġun ferm pożittiv fejn apparti li konna wieħed mill-isfidanti li niġu promossi għall-Premier, ilħaqt it-tragward tal-100 logħba tiegħi mal-klabb ta’ Gudja United.

Ngħidlek id-dritt, meta nħares lura, kien tragward ferm sodisfaċenti għalija u biex inkun sinċier miegħek kienet logħba emozzjonali ħafna għalija għax meta tiftakar li stajt nitlef kollox fl-istaġun ta’ qabel, u rnexxieli nasal s’hawn, inħossni grat ħafna. Esperjenzi bħal dawn lanqas temmen li tkun għaddejt minnhom u vera tapprezzahom aktar. Imma minn banda, vera ninsab sodisfatt minħabba l-fatt li l-ħajja taf ittik bis-sieq imma trid tkun int li tegħleb it-tumbati li ttik il-ħajja u kif jgħidu ‘it ain’t how hard you’re hit, it’s about how hard you can get hit and keep moving forward.’

Rigward il-futur tiegħi ma’ Gudja United, ma tantx nista ngħid, hekk kif matul is-sajf li ġej, se ninħall mill-kuntratt tiegħi minn magħhom, jiġifieri għad irridu naraw x’se jkun qed jiġri,” temm jgħid Peter Sammut.

More in Sports