“Dan it-tournament kien l-isbaħ esperjenza li qatt kelli fil-logħba tal-isnooker” – Brian Cini

Brian Cini fl-azzjoni fil-Polonja
Brian Cini fl-azzjoni fil-Polonja

Jekk kien hawn sportiv li għamel isem għall-pajjiżna f’dawn l-aħħar jiem m’hemmx dubju li dan ma kien ħadd ħlief il-plejer tal-isnooker, iż-żagħżugħ Brian Cini li għad għandu biss 18-il sena iżda mir-riżultati li rnexxielu jikseb s’issa f’dan l-isport ta x’jifhem li se jkun tabilħaqq wieħed mill-aqwa plejers tal-isnooker li qatt ipproduċa pajjiżna f’dan l-isport li dejjem għamel unur u ġab suċċess partikolari lil pajjiżna speċjalment permezz ta’ plejers mill-aqwa bħalma huma Tony Drago, Alex Borg u Duncan Bezzina. 

Brian Cini beda jittrenja dan l-isport fil-Każin ta’ San Ġużepp f’Ħaż-Żebbug iżda, minn hemm għamel passi ta’ ġgant ’il quddiem fejn illum il-ġurnata jgħix Londra fejn qed jikkowċjah il-leġġenda Maltija f’dan l-isport, Tony Drago. Huwa qed jaspira li fix-xhur li ġejjin jaqleb professjonali fejn kollox qed jindika li dan tabilħaqq se jkun qed isir realtà fil-futur mhux imbiegħed. 

Dan il-ġurnal iltaqa’ ma’ Brian Cini ftit ġimgħat qabel dan il-plejer iħalli xtutna biex ikompi l-karriera tiegħu tal-isnooker f’Londra. Huwa tana dawn il-kummenti rigward il-parteċipazzjoni tiegħu fit-Tournament tat-Timijiet tal-isnooker li sar f’pajjiżna ftit tal-jiem ilu fejn flimkien ma’ Tony Drago wasal sal-finali, kif ukoll rigward kif qed iħares lejn il-futur tiegħu f’dan l-isport. 

“Nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li dan it-tournament kien l-isbaħ esperjenza li qatt kelli fil-logħba tal-isnooker. Fil-bidu kont naqra nervuż minħabba li kienet l-ewwel darba li kont qed nilgħab quddiem il-kameras, kif ukoll quddiem pubbliku Malti daqshekk numeruż. Kelli iżjed pressjoni wkoll minħabba li qiegħed inqatta’ ħafna żmien barra minn Malta, u nilgħab mal-aqwa plejers tad-dinja. Għalhekk iktar ma jgħaddi ż-żmien, in-nies iktar qed jistennew prestazzjonijiet tajbin mingħandi. Min-naħa tal-organizzaturi u l-MBSA nixtieq ngħidilhom grazzi kbira, għax fl-opinjoni tiegħi kien wieħed mill-isbaħ tournaments li qatt lgħabt fih. 

Nigu issa għall-esperjenza tiegħi f’Londra fejn jien noqgħod f’post jiemu Tooting ma’ Malti, Spiru Mangion, filwaqt li Tony Drago joqgħod Balham, xi kwarta ’l bogħod minn xulxin. Tista’ tgħid li sitt ijiem f’ġimgħa jkunu rutina. Inqumu għall-ħabta tal-10am, nieħdu kolazzjon tajjeb flimkien, u naslu l-klabb għall-ħabta ta’ nofsinhar. Aħna nittrenjaw f’Epsom fuq il-mejda ta’ Jimmy White (6 darbiet finalist tal-Kampjonati Dinjija tal-isnooker). Kuljum nittrenjaw kważi bejn 4 u 5 sigħat, u nerġgħu naslu d-dar għall-ħabta tas-6pm / 7pm u noqogħdu d-dar naraw xi film jew xi sport u nieklu xi ħaġa. Imbagħad nieħdu ġurnata mistrieħ fil-ġimgħa, jew is-Sibt inkella l-Ħadd. 

It-tragward tiegħi din is-sena huwa dak li naqleb professjonali. F’Mejju li ġej għandi tournament kbir bl-isem ta’ Q School, fejn fih minn madwar 100 player madwar id-dinja, 4 plejers jaqilbu profesjonali. B’hekk tista’ tgħid trid tirbaħ bejn 4 u 5 logħbiet biex taqleb professjonali. Imbagħad hemm il-World Under 21s Championship f’Lulju li ġej fir-Rumanija, fejn ir-rebbieħ ta’ dan it-tournament ukoll jaqleb professjonali. Hemm ukoll il-European Men’s Championship fi Praga, ir-Repubblika Ċeka, fejn ukoll ir-rebbieħ jaqleb professjonali. 

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja minn qalbi lil dawk in-nies kollha li tawni s-sapport meħtieġ matul il-karriera tiegħi, speċjalment lil Spiru Mangion li noqgħod miegħu Londra, lil Tony Drago li jieħu ħsiebi u nittrenjaw flimkien, lill-familja tiegħi u lill-għarusa tiegħi, Kimberly. Nixtieq ngħid grazzi wkoll lil Fracht Malta u KSS Events tal-għajnuna tagħhom. Li kieku ma kinux dawn in-nies jien m’iniex qiegħed nilgħab illum,” temm jgħid Brian Cini.

More in Sports