Intervista Lokali Barranin

Bidu tas-sena attiv għall-boxer Christian Schembri

Cristian Muscat / 20 t'April 2015 12:44
Il-boxer Christian Schembri jifraħ wara li għeleb l-isfida tal-boxer Lenny Fuller
Jekk kien hemm bidu ferm attiv u eċitanti għall-isportivi lokali. Mhemmx dubju li dan ma kien għal ħadd ħlief għal wieħed mill-boxers ewlenin f’Malta, iż-żagħżugħ Christian  Schembri. Dan il-ġurnal iltaqa’ ma’ Schembri nnifsu fejn tana iktar dettalji rigward il-kompetizzjonijiet importanti u li huwa kien involut fihom minn Jannar sa Marzu ta’ din is-sena  u r-raġunijiet għaliex dawn it-tliet xhur kienu ferm attivi u importanti fil-karriera mill-aqwa tiegħu fil-boxing. Christian Schembri afferma li:

“L-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kienu ferm attivi għalija personali, fejn diġà kelli tliet kompetizzjonijet bi prestazzjonijiet ferm tajbin u riżultati pożittivi. Kelli żewġ taqbidiet lokali kontra boxers mill-Ingilterra, fit-30 ta’ Jannar fl-EBF Boxing Show kontra Josh Groombridge, oħra fl-14 ta’ Marzu fl-attività ‘Return to Glory’ organizzata minn Prizeboxing Promotions kontra Lenny Fuller, u ġimgħa wara fil-21 ta’ Marzu tlajt nikkompeti ġewwa Essex, Londra f’ attività organizzata mill-Independent Boxing Association, kontra Ricky Rocker.

Il-preparazzjoni tiegħi għal dawn it-taqbidiet kienet intensiva ħafna, u l-iktar stadju difficli kien għall-ġlieda tat-30 ta’ Jannar, fejn konna għadna ġejjin mix-xahar tal-festi, għaliex allavolja kont bqajt għaddej bit-taħriġ tiegħi, ma naqasx li niekol ħelu u ikel tipiku tal-festi, allura kelli nbati naqra iżjed biex nitlef iż-żewġ kilogrammi żejda li tellajna. Għall-kompetizzjonijiet ta’ Marzu, ma kellix problemi għax bqajt għaddej bid-dieta u bit-taħriġ intensiv tiegħi. 

L-għajnuna li kelli għal dawn it-taqbidiet bħas-soltu kienet l-aqwa li jista’ jkolli f’Malta, fejn għamilt Strength and Conditioning Training ma’ wieħed mill-aqwa personal trainers ta’ Malta, Clayton Gatt, it-taħriġ tal-boxing tekniku mal-aqwa atleta u kowċ li għandna Malta bħalissa Super Steve Martin, u sparring mal-boxer professjonali Tyrone ‘El Terribile’ Borg, u boxer semi-professjonali tal-ogħla livell Richard ‘Viper’ Vella, li kollha nagħmlu parti mill-gym ta’ suċċess kbir li għandna Malta ‘Fight Factory: Home of Champions’.

Ma setax jonqos li jiena nasal għall-kompetizzoni tat-30 ta’ Jannar f’kundizzjoni fiżika u psikoloġika tajba ħafna, u avolja kelli avversarju sod f’Josh Groombridge, jien irnexxieli niddominah fit-taqbida fejn ħadt deċiżjoni unanima mill-ġudikaturi kollha, fejn jiena rbaħt l-erba’ rawnds kollha fuq l-iskor tat-tliet ġudikaturi.

Wara din it-taqbida bqajt nibni fuq it-taħriġ li diġà kont għamilt biex nasal għall-kompetizzjoni ta’ kwalità għolja li organizzaw Prizeboxing Promotions, u l-impenn internazzjonali li kelli ġimgħa wara tal-IBA f’Londra, fl-aqwa kundizzjoni possibli. B’hekk fl-14 ta’ Marzu, meta ġejt wiċċ imb wiċċ mal-avversarju tiegħi Lenny Fuller, kont lest li nagħti prestazzjoni tajba. Il-livell ta’ dan il-boxer kien għoli, fejn kellu aġilità ferm kbira f’idejh u bażi teknika ta’ boxing għolja. Minkejja dan, jiena nista’ ngħid li l-livell tiegħi kien tajjeb daqs tiegħu, u f’din it-taqbida, allavolja kienet iktar viċin minn dik ta’ Jannar, xorta waħda ħriġt rebbieħ b’deċiżjoni unanima fuq l-iskors tal-ġudikaturi kollha, għat-tieni rebħa konsekuttiva ta’ 20-15.

Sfortunatament, ma nistax ngħid li kelli rebħa fil-kompetizzjoni internazzjonali tal-Independent Boxing Assocation kontra Ricky Rocker, fejn ħriġt tellief wara ġlieda fuq sitt rawnds, bil-punti. Minkejja dan, nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li, minkejja li kelli kumplikazzjonijiet ta’ mard fil-ġimgħa tal-ġlieda, xorta waħda ġġilidt ġlieda ta’ livell għoli ħafna kontra boxer li qeleb fuq livell professjonali wara din it-taqbida, tant li rbaħt ir-rispett tal-organizzaturi tal-Independent Boxing Association u erġajt ġejt mistieden biex nitla’ niġġieled f’show ieħor minn tagħhom fit- 13 ta’ Ġunju, għal titlu internazzjonali tagħhom. 

Wara dawn it-taqbidiet, jiena għadni għaddej b’taħriġ intensiv għax għandi impenji oħra ġejjin fi ftit ġimgħat oħra, fejn jien u 10 boxers Maltin oħra ġejna magħżulin biex nikkompetu kontra selezzjoni ta’ boxers Ingliżi fl-24 ta’ April ġewwa Leeds fl-Ingilterra, u l-ikbar show li se jsir lokalment din is-sena minn Prizeboxing Promotions fis-26 ta’ Ġunju, f’Malta.

Nixtieq nirringrazzja lill-kowċ tiegħi Steve Martin u lill-Manager tiegħi Demis Tonna tal-għajnuna li jtuni, kif ukoll lil sħabi kollha tal-Fight Factory Home of Champions. Nixtieq nirringrazzja wkoll lil Keith Frendo, l-isponsor prinċipali tiegħi, li huwa s-sid tal-istand ‘Don Michele – Italian Fashion’ li se tkun miftuħa fil-Bugibba Promenade mix-xhur ta’ Mejju sa Ottubru li ġejjin,” temm jgħid Christian Schembri.

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook