Kollox lest għall-ħames edizzjoni tal-Goalkeeper Battle

L-eks goalkeeper ta’ Hibernians  u preżentament parti mill-coaching staff ta’ Qormi, Mario Muscat, ingħaqad mal-eks goalkeeper Simon Grech biex jiffinalizzaw il-Goalkeeper Battle għall-ħames darba. 

Mario Muscat, Simon Grech u rappreżentanta ta’ Team Sport jindirizzaw lil dawk preżenti waqt it-tnedija tal-ħames edizzjoni tal-Goalkeeper Battle
Mario Muscat, Simon Grech u rappreżentanta ta’ Team Sport jindirizzaw lil dawk preżenti waqt it-tnedija tal-ħames edizzjoni tal-Goalkeeper Battle

Din l-Goalkeeper Battle hija opportunità għall-goalkeepers kollha minn 9 snin ’il fuq biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, itejbu l-ħiliet tagħhom u jieħdu gost waqt li jilagħbu l-isport favorit tagħhom, il-football. 

Dan għandu jservi wkoll bħala tarġa għall-parteċipanti kollha biex jistabilixxu lilhom infushom fil-kampjonati nazzjonali ta’ Malta kif ukoll f’kampjonati barranin. Madwar 160 goalkeeper ħadu sehem f’kull edizzjoni u tal-Goalkeepers Battle matul is-snin li għaddew, u din is-sena in-numru mistenni jkun  wieħed indaqs. Dan huwa avveniment li huwa wkoll inkoraġġit u ssapportjat bl-aħjar mod mill-MFA għall-mod professjonali li bih jiġi organizzat. Dan l-avveniment se jiġi organizzat bejn it-30 u l-31 ta’ Mejju.

Kif wieħed jista’ jobsor biex jiġi mtella’ avveniment ta’ din ix-xorta hija meħtieġa għajnuna finanzjarja sostanzjali, fejn Mario Muscat u Simon Grech li bħalma ġara fl-aħħar snin, matul din is-sena huma sabu wkoll numru ta’ sponsors li għenuhom bis-sħiħ biex dan l-avveniment seta’ tabilħaqq  isir realtà. U għal din l-edizzjoni l-organizzaturi se jkunu qed imorru pass aktar hekk kif waqt li t-tfal se jkunu qed jieħdu gost u jilagħbu l-futbol huma se jkunu qed jgħinu lill-Fondazzjoni Żemżem. 

Dan hekk kif persentaġġ mid-dħul finanzjarju li jasal mill-isponsors kif ukoll mill-miżata li t-tfal iħallsu biex jipparteċipaw f’dan it-tornew se jkun qed imur għal din il-Fondazzjoni  li hija organizzazzjoni volontarja rreġistrata li tgħin lil tfal  u adulti li jkunu taħt trattament minħabba l-marda qerrieda tal-lukimja.   L-organizzaturi qed jippruvaw li jattendu għal dan il-Goalkeepers Battle, il-goalkeeper internazzjonali Taljan ta’ Lazio, Federico Marchetti, għalkemm xejn għadu mhu konkluż waqt li se jkun hemm memorabilia mingħand l-istess goalkeeper ta’ Lazio Federico Marchetti, l-eks goalkeeper ta’ Liverpool Jerzy Dudek kif ukoll il-goalkeeper preżenti tar-Reds, Simon Mignolet. 

Tajjeb ngħidu li fis-snin l-imgħoddija f’din il-Goalkeepers Battle pparteċipaw goalkeepers li llum jilagħbu fil-Kampjonat BOV Premier u fosthom Daniel Balzan li jinsab b’self ma’ Pembroke Athleta mingħand Sliema Wanderers kif ukoll David Cassar u Matthew Calleja Cremona. Rimarkabbli huwa l-fatt li fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jkun qed jieħu sehem l-istess Mario Muscat li f’kummenti li għadda lill-ġurnalisti preżenti saħaq li jixtieq jirbaħ din l-edizzjoni. Tajjeb ngħidu li hu wkoll kien ħa sehem fl-istess Goalkeeper Battle sentejn ilu fl-2013. 

Spunt ’il bogħod minn dan il-Goalkeepers Battle kien dak li Mario Muscat afferma b’mod pubbliku  li huwa kontra l-fatt li s-sena d-dieħla jista’ jkun hemm tmien players fl-ogħla diviżjoni tal-football Malti. 

Dan hekk kif l-eks goalkeeper internazzjonali li lagħab ’il fuq minn 500 logħba uffiċjali fil-Kampjonat BOV Premier tenna li jinsab ċert li wieħed minn dawn it-tmien players barranin ikun goalkeeper u għalhekk ikun qed jieħu post it-talent ta’ xi goalkeeper żagħżugħ Malti, li Mario Muscat flimkien ma’ persuni oħra bħal Sjmon Grech ilhom tant jaħdmu biex jikkultivaw u jieħdu ħsieb. 

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas Mario Muscat u Simon Grech ħeġġew lil dawk kollha li jixtiequ jieħdu sehem f’din il-Goalkeper’s Battle biex jiġbru l-applikazzjonijiet tagħhom  mill-clubs u nurseries kollha ta’ Malta kif ukoll mill-istabbiliment Team Sport, fl-Iklin.   

More in Sports