“Ninsab sodisfatt bir-riżultati li ksibna u ma kontx sorpriż bihom” – Mark Gatt

It-tim nazzjonali tan-nisa temm fit-tielet post fl-Aphrodite’s Cup
It-tim nazzjonali tan-nisa temm fit-tielet post fl-Aphrodite’s Cup

Ftit tal-jiem ilu t-tim nazzjonali tan-nisa temm fit-tielet post fl-Aphrodite Cup li ntlagħbet f’Ċipru. It-tim Malti mmexxi mill-kowċ ħabrieki Mark Gatt kiseb żewġ rebħiet, tilef logħba u ġie draw f’logħba oħra. 

L-aħħar logħba li kien involut fiha t-tim nazzjonali Malti kienet ir-rebħa ta’ 2-0 kontra l-Latvja bil-gowls għal Maltin jaslu minn Dorianne Theuma u Stephania Farrugia. ILLUM għamlet kuntatt mal-kowċ tat-tim nazzjonali Malti, Mark Gatt, li tana dawn il-kummenti rigward il-logħob li kien involut fih mill-Aphrodite Cup: 

“Ninsab kuntent għall-mod kif il-plejers tiegħi rnexxielhom jaddattaw ruħhom għall-istil ġdid tiegħi ta’ logħob. Inħossni fortunat li lgħabna dawn l-erba’ logħbiet għax servewna tajjeb. Kelli l-opportunità li nuża plejers fi rwoli differenti. 

L-ewwel għan tiegħi kien li nsib sostitut għal Rebecca d’Agostino li rtirat mit-tim nazzjonali, iżda ninsab kuntent li ninnota li Stephania Farrugia daħlet f’dan l-irwol b’mod tajjeb. Il-plejers iż-żgħar taw lit-tim l-imbottatura neċessarja, waqt li tajna iktar spazju lill-captain tat-tim, Dorianne Theuma. Barra minn hekk il-plejers li għandhom iktar esperjenza fit-tim nazzjonali qed juru iktar maturità fil-logħba tagħhom. 

Ninsab sodisfatt bir-riżultati li ksibna u ma kontx sorpriż bihom hekk kif nemmen bis-sħiħ fit-talenti ta’ dawn it-tfajliet. Issa nħarsu ’l quddiem għal-Logħob ta’ Kwalifikazzjoni waqt li sadanittant irridu naħdmu iktar fuq uħud mill-punti dgħajfa tagħna. Dawn iridu jiġu mtejba biex jiġi assigurat iktar logħob pożittiv fil-logħob li ġej,” temm jgħid Mark Gatt.

More in Sports