Birkirkara jikkonvinċu u jegħlbu lil Sliema Wanderers

Birkirkara    4

Sliema W     2

F’konfront li offra spettaklu lil dawk preżenti Birkirkara kkonvinċew bil-kbir u kisbu rebħa tajba ta’ 4-2 kontra Sliema Wanderers. 

L-Istripes għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mill-bidu u wara biss erba’ minuti logħob minn freekick tal-player internazzjonali Zach Muscat, il-ballun spiċċa f’saqajn Ryan Camenzuli li minn ġol-kaxxa tefa’ wara Glenn Zammit. 

Iżda l-Istripes ma tantx damu jifirħu meta erba’ minuti biss wara l-Wanderers ġabu l-iscore indaqs meta minn cross ta’ Mark Scerri, irċieva tajjeb il-captain Alex Muscat li permezz ta’ first-timer tremend minn ġol-kaxxa spara fix-xibka, biex b’hekk skorja l-ewwel goal tiegħu wara numru ta’ xhur barra mill-azzjoni minħabba injury serja fil-cruciate ligament. Il-logħba kompliet tisbieħ u fl-14–il minuta l-Istripes reġgħu marru fil-vantaġġ permezz ta’ freekick mill-isbaħ ta’ Rafael Pompeo Rodrigues Ledesma li ntemm fir-rokna tax-xibka wara Glenn Zammit. 

U tliet minuti biss wara kellna naraw goal ieħor minn Sliema Wanderers biex ġabu l-iscore indaqs permezz ta’ freekick dirett tal-ex player ta’ Bologna u Parma fl-Italja, Andrea Pisanu. Iżda t-team immexxi minn Paul Zammit reġa’ mar fil-vantaġġ fit-23 minuta meta minn cross ta’ Rafael Pompeo Rodrogies Ledesma lejn il-player żagħżugħ ta’ Birkirkara li qed ikollu staġun mill-aqwa Ryan Camenzuli, dan tal-aħħar tefa’ ġewwa permezz ta’ daqqa ta’ ras tajba mill-viċin, biex b’hekk skorja doppjetta personali. 

Fil-31 minuta Birkirkara tilfu okkażjoni tad-deheb li jiskorjaw ir-raba’ gowl fil-logħba meta xutt tal-captain Paul Fenech ġie milqugħ tajjeb minn Glenn Zammit, u mir-rebound Ryan Camenzuli kien għoddu skorja hat-trick personali iżda naqas milli jagħmel dan meta mill-viċin tefa’ ftit barra. Fit-73 minuta Sliema Wanderers spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom il-player Marko Potezica wara foul professjonali fuq Rafael Pompeo Rodrigues Ledesma li kien ġej waħdu quddiem il-goalkeeper, Glenn Zammit. 

Birkirkara ssiġġillaw ir-rebħa fid-90 minuta meta wara li l-goalkeeper Glenn Zammit ħareġ barra minn postu biex jgħin lil sħabu biex jippruvaw iġibu l-iscore ndaqs, l-Istripes rebħu l-ballun, Edward Herrera għadda tajjeb lejn Paul Fenech bil-captain Karkariż jikkrossja b’mod perfett lejn is-sostitut Nassir Ahmed Maachi li mill-viċin tefa’ f’lasta vojta permezz ta’ daqqa ta’ ras. 

Birkirkara Haber, Herrera, Vukanac, Latini Mazzetti, Dos Santos Gonzaga (Bissi da Silva 66’), Rodrigues Ledesma (Ahmed Maachi 90’), Fenech, Z. Muscat, R. Muscat, Camenzuli (Zammit 77’), Zerafa 

SLIEMA W. Zammit, A. Muscat, Ribeiro Dos Santos, Mintoff (Obagbemiro 78’), Scerri, Mifsud (Friggieri 85’), Pisanu, Gatt Baldacchino, Potezica, Dos Santos Calcado, B. Muscat (Cilia 32’) 

Referi - Trustin Farrugia Cann

Ryan Camenzuli

Ġie vvutat bħala l-BOV Plejer tal-Logħba mill-ġurnalisti preżenti

Skorja doppjetta personali f’din il-logħba

Qed ikollu staġun mill-aqwa ma’ Birkirkara fejn qed isib ix-xibka b’mod regolari

Huwa prodott tan-nursery ta’ Birkirkara u dejjem lagħab mal-Istripes

Jiġi ħu l-eks stilla ta’ Birkirkara, William Camenzuli

More in Sports