Meta t-tim nazzjonali tal-waterpolo kiseb l-ikbar rebħa fl-istorja tiegħu

It-timijiet li Malta se tilgħab kontriehom f’Ottubru għadhom mhux magħrufa

It-tim nazzjonali tal-waterpolo f’Utrecht, l-Olanda
It-tim nazzjonali tal-waterpolo f’Utrecht, l-Olanda

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet intlagħab l-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo li se jsiru ġewwa Belgrad f’Jannar tal-2016.

It-tieni tournament se jintlagħab fix-xahar ta’ Ottubru ġewwa Malta - it-timijiet li Malta se tilgħab kontriehom f’Ottubru għadhom mhux magħrufa.

Il-poloz ta’ dan l-ewwel grupp ta’ kwalifikazzjoni kienu telgħu f’Novembru u x-xorti l-ħażina kienet li Malta ġiet fl-aktar grupp diffiċli minn erbgħa li ttellgħu madwar l-Ewropa kollha f’dan it-tmiem il-ġimgħa li għadda. Malta kienet seed numru 2 imma bilfors kien li fi grupp minnhom żewġ timijiet li kienu seed numru 2 kellhom jiltaqgħu kontra xulxin. Ix-xorti ħażina misset lil Malta li telgħat fl-istess grupp mas-seed numru 2 - l-Olanda, li flimkien mal-ewwel seed Franza u r-raba’ seed il-Latvja ffurmaw il-grupp li kellu jintlagħab ġewwa Utrecht, l-Olanda. F’dan it-tournament Malta kisbet rebħa storika hekk kif kisbet l-ikbar rebħa fl-istorja tagħha meta għelbet lil-Latvja bl-iskor impressjonanti ta’ 36-1. Karl Izzo fejn ta iktar dettalji rigward dan it-tournament li ntlagħab f’Utrecht fl-Olanda. 

Huwa saħaq li “It-taħriġ għal din il-kompetizzjoni beda fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar u t-tim tiegħi kien qed jitħarreġ tliet darbiet fil-ġimgħa, minbarra fl-aħħar ġimgħa. Qabel it-tim telaq lejn l- Olanda kellna taħriġ komuni ma’ tim Ungeriż, Miskolc, li qed jokkupa l-ewwel pożizzjoni tat-2 diviżjoni fl-Ungerija! Lgħabna total ta’ 5 logħbiet ġo pitch ta’ 25 metru peress li ma kellniex il- faċilità li nitħarrġu ġo pitch ta’ 33 metru kif fil-fatt isiru l-logħob tal-waterpolo.

It-taħriġ kien ikkaratterizzat fil-bidu minn diżgwid bejn l-ASA u t-tim ta’ Sliema fuq nuqqas ta’ ftehim dwar it-taħriġ liema diżgwid ġie rranġat wara laqgħa bejn il-kowċis tan-nazzjonal u l-kowċ tas-Sliema fil-preżenza ta’ diriġenti taż-żewġ naħat. Wara din il-laqgħa kollox ġie għan- normal u l-plejers tas-Sliema reġgħu ngħaqdu mat-tim nazzjonali għat-taħriġ. Ta’ min jgħid li ċerti plejers imsejħa fl-ewwel għażla ma setgħux jivvjaġġaw u jieħdu sehem f’dan it-tournament ta’ kwalifikazzjoni - John Brownrigg, Jerome Gabarretta minħabba problemi ta’ xogħol, Zac Mizzi, Alex Attard, Marc Grech u Christian Cluett minħabba problemi ta’ eżamijiet u Kai Dowling imweġġa’. Il-plejers li kienu qed jitħarrġu sal-aħħar imma kellhom jitwaqqgħu mill- iskwadra kienu ż-żgħażagħ promettenti Ben Plumpton u Andreas Galea kif ukoll il-goalkeeper veteran Dean Camilleri. Importanti nirrimarka li ngħaqad magħna wkoll il-plejer l-iktar rappreżentattiv u importanti għan-nazzjonal, Stevie Camilleri, li qed jilgħab fis-Serie A2 fl-Italja. Din kienet ta’ boost qawwi għalija u għat-tim. Ta’ min jgħid li mit-tim li rebaħ il-midalja tal-fidda ġewwa l-Commonwealth Waterpolo Games ġewwa Aberdeen kien hemm ħames plejers ġodda. Kien id-debutt f’kompetizzjoni Ewropea għall-plejers Niki Grixti u Michael Rizzo.

It-tim wasal ġewwa l-Olanda t-Tlieta filgħaxija, fejn immedjatament mar il-lukanda u dritt wara għall-ewwel sessjoni ta’ taħriġ ġewwa l-pool ta’ Zeist. Is-sessjoni kienet immexxija mill-assistant coach Anthony Farrugia peress li jiena mort nara l-logħba ta’ ħbiberija bejn l-Olanda u l-Ġermanja ġewwa l-pool ta’ EDE li jinsab 30 minuta ’l bogħod mil-lukanda. Hawnhekk mill- ewwel indunajt bil-progress kbir li kien għamel it-tim Olandiż mill-aħħar logħba li ltqajna magħhom ġewwa Malta. Fil-fatt it-tim Olandiż spiċċa rebbieħ bl-iskor ta’ 14-12 kontra l-qawwa tat-tim Ġermaniż.

L-għada l-Erbgħa kellna sessjoni ta’ taħriġ filgħodu u filgħaxija kellna logħba ta’ taħriġ li rnexxieli nirranġa ma’ kuntatt li kelli l-Olanda - logħba kontra t-tim Olandiż tal-Polar Bears li qiegħed fl-ewwel post tal-Kampjonat Olandiż. Din kienet opportunità tajba ħafna biex nitħarreġ ġewwa pixxina ta’ 33 metru. Lgħabna logħba uffiċjali u spiċċajna rebbieħa bl-iskor ta’ 18-13. Kont kuntent bil-wirja tal-plejers in ġenerali.

L-għada l-Ħamis kellna sessjoni ta’ taħriġ. Erġajna kemm filgħodu kif ukoll filgħaxija - din tal-aħħar fil-pixxina ta’ Utrecht fejn kellhom isiru l-logħbiet ta’ kwalifikazzjoni - pool kemxejn ġdid bl-aqwa teknoloġija u apparat li tista’ timmaġina - pool ferm sabiħ.

L-għada l-Ġimgħa kienet il-ġurnata tal-ewwel logħba kontra Franza - kellna sessjoni ħafifa ta’ taħriġ filgħodu biex imbagħad wara l-ikla ta’ nofsinhar il-plejers kollha nġabru fil-kmamar biex jistrieħu. Il-logħba kienet skedata għad-9.15pm. Wara laqgħa li kellna f’kamra tal-lukanda biex niddiskutu l-oppożizzjoni u t-tattika li kellna nużaw kontra t-tim qawwi Franċiż tlaqna lejn il- pixxina li kienet mimlija bin-nies – il-maġġor parti Olandiżi li kienu hemm qed jaraw lit-tim tagħhom jilgħab fl-ewwel logħba kontra l-Latvja. Kont diżappuntat ħafna bir-riżultat finali tal- logħba tagħna kontra l-Franċiżi imma iktar u iktar bil-wirja ħażina li tajna - anki jekk il-Franċiżi għadhom kemm ħadu sehem fil-Kampjonati Ewropej fis-sajf tal-2014 u qed jieħdu sehem fil- world league kontra timijiet b’saħħithom fil-waterpolo mondjali, kif ukoll kienu għadhom kemm ġejjin minn kampijiet ta’ taħriġ ġewwa Spanja u t-Turkija. Id-distakk ta’ 21 - 4 mhux distakk reali bejna u l-Franċiżi. Mill-bidu deher li kien se jkollna partita ħażina u hekk kien. Kont irrabjat għax tlifna tliet ċansijiet faċli one against zero waħedna quddiem il-lasta, kif ukoll is-seba’ okkażjonijiet ta’ raġel iktar

Is-Sibt kienet il-ġurnata tat-tieni logħba kontra t-tim qawwi Olandiż - filgħodu ma kellniex sessjonijiet ta’ taħriġ peress li l-logħba kienet skedata għat-3.30pm. Fil-laqgħa ta’ qabel il-logħba tkellimt fit-tul dwar id-diżappunt tal-logħba kontra Franza, u għamilt premura fuq il plejers biex jagħtu risposta lili u lil kulħadd li nistgħu nilagħbu kontra dawn il-qawwiet u bi ftit attenzjoni nistgħu nġibu riżultati pożittivi u mhux negattivi bħal kontra Franza! Il-pixxina kienet iktar mimlija mill-ġurnata ta’ qabel bil-pubbliku kważi kollu liebes l-oranġjo tal-Olanda. Kien hemm storbju kbir biex jgħin lit-tim Olandiż f’rebħa oħra importanti kontrina! Mill-ewwel indikazzjonijiet kien jidher li l-plejers tiegħi niżlu mentalment ferm aħjar mil-logħba tal-ġurnata ta’ qabel - sa iktar min nofs il-logħba konna f’parità jew b’gowl minn taħt, imma f’nofs it-tielet sessjoni bdiet tidħol l-għejja u kompliċi d-deċiżjonijiet strambi tar-referi Ukren tlifna r-ritmu u spiċċajna telliefa bl-iskor rispettabli ta’ 19-11. Ta’ min jgħid ukoll li qabel dan it-tournament it- tim Olandiż kellu taħriġ qawwi kontra timijiet b’saħħithom bħal Turkija, Ġermanja u Awstralja.

Il-Ħadd filgħodu kienet il-ġurnata tal-aħħar logħba kontra t-tim ġdid tal-Latvja. Kont konxju li kienet se tkun logħba faċli ħafna u kelli l-lussu li nserraħ il-plejers li jew kienu għajjenin jew kellhom xi injury żgħira wara ż-żewġ logħbiet kontra Franza u l-Olanda. Il-plejers li ma lagħbux kienu plejers ferm importanti li kienu parti mill-ewwel seba’ plejers ta’ din l-iskwadra bħal Alan Borg Cole, Matthew Zammit, Mark Meli u l-captain Niki Lanzon. Il-captain għal din il-logħba - l-ewwel darba għalih kien Stevie Camilleri. Ironikament kien l-akbar skor qatt miksub mit-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo - skor finali ta’ 36-1.

Wara l-logħba l-plejers kellhom nofs ta’ nhar ta’ mistrieħ u rritornajna lura Malta t-Tnejn kmieni filgħodu.

Kienet mawra pożittiva u ta’ esperjenza kemm għalija kif ukoll għat-tim. Lgħabna kontra żewġ nazzjonijiet qawwija bħal Franza u l-Olanda - żewġ nazzjonijiet bi plejers professjonali li jitħarrġu sitt sigħat kuljum - żewġ nazzjonijiet li għandhom plejers jilagħbu fl-aqwa Kampjonati Ewropej bħal dak Spanjol, Serb u Ungeriż!

Ninsab kuntent bil-prestazzjoni tal-plejers kollha. L-iktar li spikkaw kienu Stevie Camilleri fuq kulħadd, Matthew Zammit , Jordan Camilleri, Alan Borg Cole u Michael Rizzo, imma l-oħrajn kollha taw kontribut siewi f’kull logħba li lgħabna!

Issa l-ħsieb tiegħi jmur lejn it-tournament li se nilagħbu fl-aħħar ta’ Marzu tal-8 nations li sejrin niddefendu ġewwa d-Danimarka, biex imbagħad insegwi l-Kampjonat tas-sajf biex nagħżel l- iskwadra għat-tieni tournament ta’ kwalifikazzjoni ta’ Ottubru,” temm jgħid Karl Izzo.

More in Sports