Mellieħa AC jorganizzaw t-tlielaq Garmin ġewwa l-Qawra

Dan kien l-ogħla numru ta’ parteċipazzjoni għal dawn it-tiġrijiet organizzati fil-Qawra mill-istess klabb

Uħud mill-parteċipanti li ħadu sehem waqt it-tlielaq Garmin ġewwa l-Qawra organizzati minn Mellieħa AC
Uħud mill-parteċipanti li ħadu sehem waqt it-tlielaq Garmin ġewwa l-Qawra organizzati minn Mellieħa AC

Nhar is-26 ta’ Ottubru, il-Mellieħa AC, b’kollaborazzjoni ma’ Garmin (Medcomms Ltd) organizza għal darb’oħra serje mit-tlielaq Road ġewwa l-Qawra, fuq rotta li spiċċat ħdejn l-Akkwarju Nazzjonali ta’ Malta.

It-tiġrijiet jirriflettu l-missjoni tal-klabb ta’ Mellieħa AC li hija ta’ inklussività fl-isport, kif għall-ewwel darba huma introduċew tellieqa ta’ 5km flimkien mal-10km distanza tradizzjonali. Il-pubbliku kellu wkoll l-għażla li jimxi r-rotta tal-5km. Għat-tfal ġiet organizzata Fun Run ta’ kilometru li fiha attendew numru tajjeb mit-taqsima tan-nursery tal-klabb. 

Kien inkoraġġanti ħafna l-fatt li tara aktar minn 200 adult jieħu sehem fiż-żewġ distanzi, u dan kien l-ogħla numru ta’ parteċipazzjoni għal dawn it-tiġrijiet organizzati fil-Qawra mill-istess klabb. 

Filwaqt li numru tajjeb ta’ atleti ta’ Mellieħa AC kienu qed jagħtu assistenza matul it-tellieqa, sabiex jiżguraw li kollox imur sew, kien hemm aktar minn 50 parteċipant fit-tellieqa, fejn il-kits sema blu tal-klabb taw dehra sabiħa matul it-tellieqa.

L-atleta tal-klabb ta’ Mellieħa, Andrew Grech, iddomina mill-ewwel fejn jista’ jingħad li r-rotta prattikament għamilha trakka personali tiegħu. Huwa rreġistra l-aħjar personali tiegħu meta spiċċa f’ħin ta’ 32:28, 53 sekondi aħjar mill-aħħar rebħa tiegħu. Jonathan Balzan ta’ St Patricks AC u Brian Magri ta’ Pembroke Athleta segwew fit-tieni u t-tielet post rispettivaemnt f’ħin ta’ 33:32 u 34:19. 

L-ewwel tliet nisa fit-taqsima tal-10km kienu Lisa Bezzina (Pembroke Athleta) li wkoll irreġistrat l-aħjar ħin personali ta’ 38:50. Lisa ġiet segwita minn Tara Abdilla (La Salle AC) u Angele Sammut (Mellieħa AC).

Fit-tellieqa tal-5km, kien Mark Herrera ta’ Pembroke Athleta li daħal l-ewwel b’ħin ta’ 16:11, segwit minn Ibrahim Kone u Wayne Cassar fit-tieni u t-tielet post rispettivament. Sandra Schembri (B’Kara St Joseph), Tiziana Zammit (AS Libertas) u Jana Ogrodowski ħadu l-podju femminili. 

Fl-aħħar tal-avvenimenti saret il-preżentazzjoni tal-premjijiet, kif ukoll raffle li fiha ntrebħu ħames FR15 Garmin Forerunner mill-mudelli l-ġodda li ġew mogħtija lill-ħames rebbieħa.

More in Sports