“Huwa unur għalija li se norganizza kamp ta’ taħriġ f’Malta” – Ivan Ramiro Córdoba

Cordoba se jagħti kamp ta' taħriġ bejn is-6 u t-8 ta' Diċembru

Ivan Ramiro Córdoba jindirizza lil dawk preżenti f’lukanda ewlenija fil-Mellieħa
Ivan Ramiro Córdoba jindirizza lil dawk preżenti f’lukanda ewlenija fil-Mellieħa

Waqt konferenza stampa f’lukanda ewlenija fil-Mellieħa, l-eks plejer leġġendarju ta’ Inter li niftakruh ukoll viċi-captain tal-Intersiti, Ivan Ramiro Córdoba, ta dettalji dwar kamp ta’ taħriġ li se jkun qed jorganizza f’Malta bejn is-6 u t-8 ta’ Diċembru, u li fih tfal Maltin u Għawdxin se jkollhom l-opportunità unika li jkunu fil-ground ma’ ex stilla tal-football internazzjonali, Iván Ramiro Córdoba.

F’kummenti li għadda waqt l-istess konferenza stampa huwa saħaq li jinsab ferm entużjasmat u qed jistenna b’ħerqa din iż-żjara tiegħu f’Malta. Meta wieħed iqis il-fatt li wieħed mill-ikbar ħbieb ta’ Córdoba huwa ħadd ħlief Javier Zanetti, dan il-ġurnal staqsa lil Córdoba jekk hux beħsiebu jorganizza xi proġett kbir ma’ Zanetti hekk kif ilkoll nafu li dan għandu l-Fondazzjoni Pupi li bħall-Fondazzjoni ta’ Córdoba tgħin lil diversi tfal fil-bżonn fl-Arġentina. 

Córdoba wiegħed li ma jeskludiex li fil-futur qarib dawn iż-żewġ eks players leġġendraji ta’ Inter jistgħu tabilħaqq jikkolaboraw flimkien biex jagħmlu xi proġett kbir. Barra minn hekk Córdoba tenna li jista’ jkun li jlaqqa’ diversi plejers li ġejjin mill-Arġentina u mill-Kolumbja u li għadhom fl-azzjoni bħalissa biex jorganizza xi attività filantropika. Córdoba ma eskludiex lanqas li fil-futur il-fondazzjoni tiegħu tgħin mhux biss lil tfal ġejjin mill-Kolumbja imma wkoll minn pajjiżi oħra fosthom dawk Ewropej. 

Jakkumpanja lil Córdoba f’pajjiżna se jkun hawn l-eks goalkeeper ta’ Inter u tat-team nazzjonali Taljan, Francesco Toldo. Il-Fondazzjoni ta’ Córdoba li ġġib l-isem ta’ Fundacion Columbia te quiere ver onlus għandha fi ħdanha 150 tifel. Hija tippromwovi u tappoġġja programmi ta’ saħħa, edukazzjoni u sports, speċjalment immirati lejn l-aktar tfal fil-bżonn. 

Tkellem ukoll il-President tal-Inter Club Pupi Zanetti, Paul Fenech, li saħaq li wara l-kamp ta’ taħriġ ta’ suċċess ta’ Javier Zanetti lura f’Mejju, qed jistennew parteċipazzjoni qawwija mill-pubbliku sportiv Malti għal dan il-kamp ta’ taħriġ. Dan il-kamp ta’ taħriġ se jsir b’kollaborazzjoni ma’ Luxol Sports Club li jirrapeżentah f’din il-konferenza stampa kien hemm Jason Falzon.

Huwa saħaq li huwa ta’ unur kbir għalih li se jkun eks plejer tal-kalibru ta’ Córdoba li jorganizza dan il-kamp ta’ taħriġ propju fil-grounds ta’ Luxol. Novità ġdida f’dan il-kamp se tkun dik li l-Ħadd 7 ta’ Diċembru filgħaxija se jkun organizzat kamp ta’ taħriġ ċkejken fil-gzira ta’ Għawdex fejn se jkunu qed jipparteċipaw l-istess Córdoba u Toldo. 

Iván Ramiro Córdoba lagħab 324 partiti uffiċjali u skorja 15-il gol għal FC Internazionale Milano, barra minn hekk kien ukoll il-viċi captain tat-tim. Córdoba rrappreżenta wkoll lil pajjiżu, il-Kolombja 73 darba u serva wkoll bħala captain. Fil-karriera illustri tiegħu, huwa rebaħ is-Serie A 5 darbiet, 4 Coppa Italia, 4 Supercoppa Italiana, UEFA Champions League u Tazza tad-Dinja tal-Clubs bejn l-2005 u l-2010. L-uniku suċċess tiegħu mal-Kolombja kienet ir-rebħa tal-Copa America fl-2001, fejn il-Kolombja kisbet rebħa ta’ 1-0 fuq il-Messiku, b’gol ta’ Córdoba nnifsu.

Waqt iż-żjara tiegħu se jiġu wkoll organizzati xi attivitajiet b’risq il-Fundacion Columbia te quiere ver onlus, li hija organizzazzjoni bla profitt maħluqa minn inizjattiva ta’ Córdoba stess, għat-tfal Kolumbjani. 

Intant, se jiġi organizzat Gala Dinner nhar il-Ħadd 7 ta’ Diċembru, lejlet festa pubblika, f’lukanda ewlenija fil-Mellieħa, li fih se jkunu preżenti kemm Ivan Ramiro Córdoba kif ukoll Francesco Toldo. 

More in Sports