Hibernians jikkonsolidaw posthom fil-quċċata

Hibernians...............1

Birkirkara.................0

Hibernians ikkonsolidaw posthom fil-quċċata tal-klassifika u fetħu vantaġġ ta’ 7 punti fuq Birkirkara meta għelbuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0. Kienu l-Pawlisti li ħarġu fuq l-offensiva meta fis-sitt minuta tentattiv minn cross shot ta’ Clayon Failla minn fuq ix-xellug spiċċa bil-ballun jistampa mal-mimduda. 

U żewġ minuti biss wara, tentattiv minn freekick ta’ Matheus Bissi għadda ftit barra. Hibernians fetħu l-iskor fid-disa’ minuta meta Jorge Da Silva Periera ġab waħdu lil Edison Luis Dos Santos li b’xutt b’saħħtu mill-viċin għeleb lil Justin Haber. Birkirkara rrispondew fis-17-il minuta meta minn azzjoni fuq il-lemin spiċċat Zach Muscat minn pożizzjoni ċentrali spara għoli. 

 Birkirkara bdew juru logħob tajjeb u fis-37 minuta tentattiv minn freekick mogħti tajjeb minn Rafael Ledesma ġie milqugħ tajjeb minn Henry Bonello

Fl-54 minuta Shola Haruna Shodiya ra x-xutt b’saħħtu tiegħu minn barra l-kaxxa jiġi mblukkat minn Henry Bonello. U ħames minuti biss wara tentattiv minn rovexxata tal-aqwa skorer tal-kampjonat Edison Luis Dos Santos intemm ftit barra. Fil-85 minuta, Hibernians setgħu faċilment irdoppjaw l-iskor meta xutt b’saħħtu ta’ Jorge Da Silva Pereira ġie mdawwar f’corner minn Justin Haber. 

 Fil-ħin mogħti żejjed mir-referi Andre Arciola, Edison Luis Dos Santos ġab waħdu liż-żagħżugħ Jurgen Degabriele li avvanza waħdu quddiem il-lasta iżda kellu x-xutt tiegħu mblukkat mill-bravu goalkeeper ta’ Birkirkara, Justin Haber. 

Hibernians - Bonello, Tabone Desira, Gomes, Lima, Soares, Cohen (Pearson 85’), Kristensen, Failla, Agius, Dos Santos, Da Silva Pereira (Degabriele 90’)

Birkirkara - Haber, Bissi (Shola Haruna Shodiya 30’), Vukanac, Mendoza, Ledesma, Fenech, Muscat, Scicluna (Grech 84’), Herrera, Camenzuli (Agius 72’), Costa Morais

Referi - Andre Arciola

Edison Luis Dos Santos

Ġie vvutat bħala l-BOV Plejer tal-Logħba mill-ġurnalisti preżenti

Twieled fil-Brażil

More in Sports