Issir iċ-ċerimonja ta’ preżentazzjoni tal-unuri mill-MESA

Il-MESA taħdem id f’id mal-għaqdiet sportivi ewlenin konċernati fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha matul l-istaġun.

Il-logo uffiċjali tal-M.E.S.A.
Il-logo uffiċjali tal-M.E.S.A.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Chris Agius, kien il-mistieden tal-unur tal-Malta Employees Sports Association (MESA) nhar it-Tlieta, 23 ta’ Settembru għaċ-Ċerimonja tal-Preżentazzjoni tal-unuri ewlenin għall-istaġun 2013/2014. Għal din iċ-ċerimonja attenda wkoll il-Viċi-President tal-MFA, il-Perit Ludovigo Micallef, kif ukoll diversi kapijiet ta’ dipartimenti u entitajiet governattivi li atleti u timijiet tagħhom jipparteċipaw fl-attivitajiet li torganizza l-MESA.

Agius wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-ħidma li twettaq il-MESA li torganizza attivitajiet sportivi diversi, fejn l-istaġun li għadu kif intemm dawn l-attivitajiet żdiedu konsiderevolment tant li kienu jkopru xejn anqas minn għaxar sports differenti.

Huwa wiegħed il-koperazzjoni sħiħa tiegħu u tal-Kunsill Malti għall-Isport lil din l-Għaqda u awguralha aktar suċċess għall-futur speċjalment issa li affiljat ruħha ma’ Federazzjoni Ewropea li torganizza attivitajiet għall-ħaddiema.

Matul l-istaġun 2013/2014, il-MESA organizzat kampjonat tal-futbol imqassam fuq tliet diviżjonijiet bis-sehem ta’ 28 tim, flimkien ma’ kompetizzjoni tan-knock-out u tournament tal-futbol għall-plejers li għalqu l-40 sena.

Ġew organizzati wkoll żewġ tiġrijiet ta’ ħames kilometri kull waħda, flimkien ma’ attivitajiet oħra fil-badminton, volleyball, sparar, table tennis, bowling, snooker, pool u darts.

Il-MESA taħdem id f’id mal-għaqdiet sportivi ewlenin konċernati fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha matul l-istaġun.

More in Sports