Move Week, programm Ewropew b’diversi attivitajiet u eżerċizzji

L-attivitajiet ta’ Move Week jintemmu bil-kbir

L-Onorevoli Chris Agius jiltaqa’ ma’ wħud mill-parteċipanti ta’ Move Week 2014
L-Onorevoli Chris Agius jiltaqa’ ma’ wħud mill-parteċipanti ta’ Move Week 2014

Matul dawn l-aħħar jiem qed issir il-kampanja Move Week li tintemm illum, b’attivitajiet mifruxa madwar Malta kollha bl-akbar enfasi tkun fuq il-Belt Valletta grazzi għall-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018 li ssieħbet mal-Kunsill Malti għall-Isport għall-kampanja ta’ Move Week. Il-programm għal din is-sena kien immirat li jolqot għadd akbar ta’ nies ta’ kull età.

Il-Kampanja Move Week nibtet minn inizjattiva tal-Unjoni Ewropea u hija parti integrali tal-kampanja Now We Move. Il-miri prinċipali huma li sas-sena 2020 mitt miljun persuna aktar madwar l-Ewropa jkunu qed jagħmlu xi forma ta’ eżerċizzju jew attività fiżika biex b’hekk tiġi miġġielda l-problema tal-obeżità u l-inattività filwaqt li tagħti opportunità lil kull persuna li ssib dik l-attività li tgħodd għaliha u li tibqa’ tipprattikaha matul is-snin. 

L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Isport u l-Kultura (ISCA) li hija l-assoċjazzjoni responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ din il-kampanja fuq skala Ewropea, għat-tieni sena konsekuttiva fdat f’idejn il-Kunsill Malti għall-Isport l-organizzazzjoni ta’ din il-ġimgħa f’Malta. Matul din il-ġimgħa eluf ta’ attivitajiet ġew organizzati madwar l-Ewropa kollha. L-attivitajiet huma mfassla b’tali mod li jilħqu l-livell u l-gosti ta’ kulħadd biex b’hekk aktar nies jipparteċipaw.

Is-suċċess ta’ attività massiva bħal din tkun biss possibli permezz ta’ Move Agents. Ir-rwol ta’ Move Agent huwa li joħloq u jikkordina attività li permezz tagħha, numru kbir ta’ nies ikunu qed jagħmlu xi forma ta’ attività fiżika matul Move Week. Fil-fatt il-Kunsill Malti għall-Isport ħadem fuq programm li jelenka l-attivitajiet li se jsiru fid-diversi lokalitajiet, assoċjazzjonijiet u klabbs filwaqt li jipprovdi informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jipparteċipa fihom. 

Fost l-attivitajiet li l-iktar laqtu ammont kbir ta’ nies u li fihom inġabru fondi għal diversi għaqdiet filantropiċi nsibu Ċama Ċama Superjump, Walk the Towers u l-Mass Dance. Għaċ-Ċama Ċama Super Jump li saret ilbieraħ numru ta’ parteċipanti qabżu l-baħar lebsin kostum ikkulurit. Fil-Walk the Towers, numru ta’ parteċipanti mxew madwar Malta, mixja li nqasmet fuq tliet ijiem bejn nhar il-Ġimgħa u llum u li se tkun qed tieħu lill-parteċipanti mixja madwar Malta fuq rotta li fiha jinsabu t-torrijiet ta’ De Redin. Bħala parti mill-attivitajiet tal-għeluq ta’ Move Week se ssir il-Mass Dance fejn għadd sabiħ ta’ tuturi taż-żumba se jkunu qed itellgħu programm ta’ żfin għall-parteċipanti kollha. 

Din se tkun qed issir illum fis-7pm fil- Bajja ta’ Birżebbuġa. Minbarra dawn l-attivitajiet tal-massa se jkunu qed jittellgħu bosta attivitajiet oħra fosthom logħob tradizzjonali għat-tfal fil-ġnien ta’ Hastings, użu tar-roti mat-toroq tal-Belt, dimostrazzjoni tal-logħba l-ġdida Speedminton, kif ukoll attivitajiet avventurużi bħall-zip lining u abseiling fil-Forti Sant’ Iermu bħala parti mill-attivitajiet tan-Notte Bianca. Attività li żgur se tinżel tajjeb hija lejl ta’ żfin fid-diversi pjazez tal-Belt li se jvarja minn tango, għal salsa kif ukoll line dancing. Hawnhekk il-pubbliku ġenerali se jkun qiegħed jingħata l-opportunità li jipparteċipa u jitgħallem dan l-istil ta’ żfin. Illum se jkun hemm ukoll sessjonijiet ta’ kayaking fix-xatt tal-Belt.

Attivitajiet oħrajn saru f’diversi lokalitajiet madwar Malta fosthom fi Smartcity u f’Birżebbuġa fejn se jkun qed isir l-għeluq uffiċjali tal-kampanja. Programm sħiħ u dettaljat jinstab fil-paġna uffiċjali ta’ Facebook ‘Move Malta’.

Sabiex jintlaħaq l-għan tal-kampanja Now We Move il-Kunsill Malti Għall-Isport qed jistieden lilkom, biex tingħaqdu mal-bqija taċ-ċittadini Ewropej biex intom ukoll tipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ Move Week u ssibu dik l-attività li żżommkom attivi.

More in Sports