Imnedija l-MOVE Week 2014

Uħud miż-żgħażagħ li se jieħdu sehem f’MOVE Week 2014
Uħud miż-żgħażagħ li se jieħdu sehem f’MOVE Week 2014

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius indirizza konferenza tal-aħbarijet li fiha ngħatat l-informazzjoni dwar MOVE Week 2014. Waqt l-indirizz tiegħu s-Segretarju Parlamentari saħaq li għalkemm bosta huma dawk li jifhmu l-importanza li tkun attiv, ftit huma dawk li l-attività fiżika hija parti mir-rutina ta’ kuljum. Huwa għalhekk li MOVE Week hija importanti għaliex f’din il-ġimgħa l-poplu għandu ċ-ċans li jipparteċipa f’bosta attivitajiet li forsi qatt ma sema’ bihom u eventwalment jagħmilhom parti mill-ħajja ta’ kuljum. MOVE Week għandha tkun biss l-ewwel pass sabiex il-poplu Malti jgħix ħajja aktar sana.

Il-Kunsill Malti għall-Isport irrikonoxxa l-importanza li Malta tingħaqad ma’ Movimenti u Assoċjazzjoniet Internazzjonali tal-Isport u l-Kultura bħal l-ISCA biex għat-tieni sena konsekuttiva, flimkien mal-pajjizi l-oħra Ewropej, jorganizza ġimgħa t’attivitajiet fiżiċi u sportivi.

Dan qalu l-uffiċjal inkarigat mit-tmexxija tal-Kunsill Malti għall-Isport, Mark Cutajar, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġiet imnedija MOVE Week 2014. Huwa qal li din is-sena bl-għajnuna ta’ aġenziji governattivi, entitajiet sportivi, għaqdiet filantropiċi u individwi entużjasti, l-attivijiet żdiedu bid-doppju u jinsab ċert illi dawn l-avvenimenti se jappellaw għal kull membru tal-familja.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal, “Il-Fondazzjoni tqis MOVE Week bħala mezz ta’ parteċipazzjoni fil-komunità u għall-komunità. Kien għalhekk li l-Fondazzjoni Valletta 2018 ħadet l-inizjattiva biex jittellgħu attivitajiet ta’ eżerċizzju fiżiku, danza, u logħob kompetittiv f’żoni u toroq differenti madwar il-Kapitali Valletta, kif ukoll u f’ibliet u rħula oħrajn madwar Malta. Attività ewlenija hija Walk the Towers – mixja bi sfond kulturali u storiku madwar it-torrijiet li jinsabu fuq il-kosta ta’ pajjiżna, imtellà fuq tlett ijiem. Waqt din l-attività se jinġabru fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund.”

Din hija t-tieni darba li Malta qiegħda tieħu sehem f’MOVE Week u l-attivitajiet żdiedu bid-doppju. S’issa t-total huwa ta’ 46 attività f’Malta u Għawdex u dan in-numru għadu qed jiżdied. Il-Kunsill Malti għall-Isport qed jorganizza ħames attivitajiet tal-massa li tlieta minnhom se jsiru biex jinġabru fondi għall-karità, fosthom The Community Chest Fund, Dar tal-Providenza u Puttinu.

Il-ftuħ uffiċjali ta’ MOVE Week 2014 se jsir fil-Belt u l-għeluq se jsir fil-bajja ta’ Birżebbuġa. L-attivitajiet kollha huma b’xejn u saru bl-għajnuna ta’ ħafna entitajiet, kunsilli lokali, għaqdiet sportivi u individwi.

More in Sports